TISFUMA L-KLIMA ELETTORALI GĦAX-XELLUGIN
Umberto Bossi (fin-nofs) u Calderoli tal-Lega Nord jiccajtaw mal-Prim Ministru Berlusconi waqt is-seduta tal-lum |
Nibda biex ngħid li fir-referenda li saru, rebħet il-biżà li rnexxilhom jerġgħu inisslu l-ekoterroristi mill-enerġija nukleari. Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi għażel (skond jiena b’mod żbaljat) li jħalli lill-eletturi jivvutaw kif iħossu, għalkemm hu ddikjara li ma kienx se jmur jivvota, għax, ġustament ħass li r-referendum kienu se jsiru għalxejn.
Dan għax filwaqt li dwar in-nukleari l-gvern tiegħu kien diġà iddeċieda li jwaqqaf il-programm nukleari sakemm isir aktar studju dwar sigurtà, dwar l-ilma diġà hemm sitwazzjonijiet fejn dan hu diġà f’idejn il-privat (fil-fatt hemm sistema ta’ partnership bejn il-privat u l-gvern), u li hemm ħsieb jiġi ‘privatizzata’ hija s-sistema tad-distribuzzjoni u tiswijiet tal-istess sistema li teħtieġ tiġdid immedjat ħalli titjib il-kwalità u titwaqqaf il-ħela.
Dwar l-aħħar referendum, dak dwar jekk il-Prim Ministru u l-Ministri jistgħu ma jidhrux il-qorti minħabba impenji tal-gvern, din l-eċċezzjoni kienet waħda temporanja li xorta waħda kienet se tispiċċa f’Ottubru li ġej.
Jiġifieri r-riżulati ta' dawk ir-referenda ma kellu jwassal, u ma wassalx għal terremoti politiċi bħalma xtaqu u ddikjaraw l-oppożizzjoni Xellugija u x-Xellugin mhux fl-Italja biss, anki hawn Malta.
Fil-fatt dak li ġara din il-ġimgħa, bħalma ngħidu bil-Malti, "qatgħalhom l-għatx bil-perżut".
Wara li ma waqfux l-appelli, anzi l-insistenza biex "Berlusconi jwarrab", it-tama ta' dawn it-talin kienet fil-votazzjonijiet importanti li kellhom isiru fil-Parlament Taljan fil-jiem li għaddew.
It-tama kient li l-gvern ĊenruLemini ta' Berlusconi ma jiksibx il-maġġoranza li jeħtieġ għax anki xi alleati mill-partit ta' Bossi, sieħeb ewlieni fil-koalizzjoni governattuva setgħu jivvutaw kontra l-gvern.
Minn dan kollu ma ġara xejn u l-aħħar votazzjoni dwar fiduċja fil-gvern rigward il-programm ta' żvilupp tat maġġoranza assoluta lill-gvern Ċentru-Lemini fil-Camera dei Deputati.
Fid-diskors tiegħu illum il-Prim Ministru qal hekk:
"Il-bieraħ il-koalizzjoni CentruLeminija leħqet kwota ta' 317-il siġġu, biex b'hekk għall-ewwel darba minn meta xi deputati tagħna marru mal-oppożizzjoni, qbiżna l-kwota ta' 316, biex ilħaqna mill-ġdid il-maġġoranza assoluta. Dan ifisser li hemm maġġoranza soda, qawwija u koerenti u konsistenti, u li hija l-unika li tistà tiggarantixxi governabilità lill-pajjiż f'dan il-mument diffiċli".
Berlusconi fakkar u faħħar il-ħbiberija tiegħu ma' Umberto Bossi.
L-istess Bossi, inzied jiena, li kien waqqa' l-ewwel gvern Berlusconi fl-1994, u allura ħafna kienu jaħsbu li kellu jkun ir-riġlejn dgħajfa tal-gvernijiet taċ-ĊentruLemin fl-Italja, mentri kellu jkunu dak li kulħadd, inkluż jiena, li konna nqisuh "tal-affari tiegġu" u serju, li kważi sena ilu, matul is-Sajf l-ieħor, ittradixxa mhux biss lil Berlusconi u liċ-Ċentru-Lemin, iżda lil dawk il-mijiet kbar ta' eluf li vvutawlu: Gianfranco Fini.
Gianfranco Fini |
Intant għall-Italja fil-kriżi interna u internazzjonali li qed taħkem pajjiżi kbar tal-istess Unjoni Ewropea (vide Greċja u Spanja), gvern sod huwa l-isbaħ aħbar mhux tant għal Berlusconi nnifsu – li waqt l-istess diskors iddikjara li l-ħajja f'Palazzo Chigi (fejn hemm l-uffiċju tal-Prim Ministru Taljan) m'hix xalata, anzi hu sejħilha "sagrifiċċju", filwaqt li għamilha ċara li mhux beħsiebu jibqà hemm għal dejjem – iżda għall-poplu Taljan li l-ewwel ma jrid huwa stabbilità fil-pajjiż u serħan-il moħħ.
B'hekk sfumat fix-xejn il-klima elettorali li ppruvaw iqajmu l-oppożizzjoni, li bħal żmien Prodi huma magħqudin flimkien biss bil-mibiegħda u l-għira lejn Berlusconi, u għal datb'oħra qed joħroġ ċar li m'hemmx alternattiva għall-gvern ĊentruLemini.
No comments:
Post a Comment