Il-Ħamis, 20 ta’ Ottubru 2011

RAPPORTI LI GADDAFI NQABAD/INQATEL
Skond rapporti li qed jaslu minn Sirte, id-dittatur Muammar Gaddafi nqabad ferut wara ġlied qalil, u li nstab moħbi f'ħofra. Rapporti oħra qalu li hu ġie ferut waqt attakki minn ajruplani tan-Nato fuq konvoj ta' karrozzi li kienu qed jaħarbu mill-belt, u nqabad u nqatel fi ġlied fl-art.
Waqt li qed nikteb il-Viċi president  tal-Kunsill Nazzjonali Transitorjiu Ghoga ikkonferma li Gaddafi huwa mejjet.
Ritratt li juri lil Gaddafi hekk kif inqabad mill-ġellieda għall-ħelsien
... u ritratt ieħor li juri lil Gaddafi mejjet meħud minn filmat li wera l-istazzjon AlJazeera ftit minuti ilu

L-Erbgħa, 19 ta’ Ottubru 2011

Il-Ħelsien ta' Suldat Lhudi

M'GĦANDUX ISIR NEGOZJAR MAT-TERRORISTI
Palestinjani tal-Ħamas f'Gaża jiċċelebraw il-ħelsien ta'
mijiet ta' priġunieri Palestinjani minn Iżrael il-bieraħ
bħala tpartit għall-ħelsien ta' suldat wieħed Lhudi
Il-bieraħ id-dinja kollha rat lil suldati ta' Iżrael jifirħu flimkien mal-ġenituri u l-ħbieb tas-suldat Lhudi Ġilad Shalit li nħeles mill-Ħamas wara ħames snin li ħatfuh. Imma rajna wkoll lil dawn tal-aħħar jifirħu ...u kellhom tassew għalxix: għal suldat wieħed li nqabad mhux waqt ġlied iżda waqt li qed jgħasses il-fruntera ta' pajjiżu, sw jkunu nħelsu 1,027 Palestinjan, 477 minnhom li kienu kundannati wara li nstabu ħatja ta' atti terroristiċi.
Dan se jinkuraġixxi lit-terroristi tal-Ħamas u oħrajn jerġgħu jaħtfu ostaġġi oħra, anki mhux suldati, barra l-fatt li issa dawk it-terroristi meħlusa se jkunu jistgħu ikomplu bl-aġir tagħhom mhux biss kontra Lhud, iżda kontra nies ċivili fid-dinja kollha.
Dan in-negozjar mat-terroristi li jpoġġi l-ħajja ta' bniedem wieħed fuq l-interess ta' nazzjon u ta' poplu sħiħ għalija huwa tradiment tal-patrija u l-prinċipji ta' demokrazija, libertà u s-saltna tad-dritt (rule of law).
Tal-mistħija, u l-mexxejja Iżraelijani  misshom jafu aħjar. Iżda din mhux l-ewwel darba li l-politikanti Lhud abbandunaw il-prinċipji u s-sens komun għall-benefiċċji temporanji. Infatti ilhom jagħmlu dan mill-1982, u hu kalkulat li mal-10,000 Palestinjan inħelsu.

Il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru 2011

Stabbilità fl-Italja (2)

IL-GVERN JIRBAĦ VOT TA' FIDUĊJA IEĦOR
Wara dak tat-28 ta' Settembru, li ma nafx il-kemm il-wieħed kien, il-Gvern Ċentru-Lemini Taljan immexxi mill-Prim Ministru Silvio Berlusconi wara nofsinhar reġà kiseb vot qawwi ta' fiduċja fil-Kamra tad-Deputati, minn wara t-tradiment politiku tal-iSpeaker Fini u xi deputati oħra li telqu mill-Popolo della Libertà  wara li l-poplu kien tellagħhom biex jiggvernaw flimkien ma' Berlusconi.
Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi ...kuntent
Il-vot, mitlub mill-Prim Ministru innifsu, irriżulta fi 316-il vot favur il-fiduċja (wieħed aktar minn f'Settembru) u 301 kontra, meta l-gvern kellu bżonn biss 309 biex jirbaħ il-fiduċja.
Jiġifieri l-IVA għaddew lil LE bi 15-il vot, filwaqt li l-gvern ta' Berlusconi kiseb 7 voti aktar milli kellu bżonn, li jfissru li l-gvern Ċentru-Lemini bħalissa qed igawdi minn maġġoranza assoluta.
Wara l-vot Berlusconi innota li fil-fatt l-maġġoranza hija ta' 318-il vot, għax żewġ deputati ma setgħux jattendu u kienu skużati. Fost dawn kien hemm Pietro Franzoso li jinsab l-isptar wara inċident tat-traffiku.
B'kollox kien hemm 13-il deputat li ma kienux preżenti fl-awla waqt il-votazzjoni.
Tajjeb illum nagħtu daqqa t'għajn kif inhuma maqsumin bħalissa l-gruppi fil-Camera dei Deputati:
Il-gruppi li jiffurmaw il-koalizzjoni taċ-Ċentru-Lemin huma tlieta:
L-ikbar grupp huwa dak tal-Popolo della Libertà (PdL) b'218-il deputat;
Lega Nord (LN) b'59 deputat; u
Popolo e Territorio (PT - magħmul minn 6 gruppi li kull wieħed waħdu ma kellux 20 deputat) b'29 deputat
Dawn it-tlett gruppi regolarment jivvutaw favur il-gvern, u jgħoddu 306 deputati bejnithom.
Mill-banda l-oħra dawk li normalment jivvutaw kontra l-gvern huma erba':
Partito Democratico (jinkludi post-Komunisti, Soċjalisti, Demokristjani Xellugin, Ħodor) b'206 deputat
Italia dei Valori (IdV) bi 22 deputat
Unione di Centro (UDC) b'35 deputat; u
Futuro e Libertà per l'Italia (FLI) b'27 deputat li kienu telqu mill-Popolo della Libertà is-Sajf l-ieħor .
Dawn  il-gruppi flimkien jgħoddu 290.
Hemm imbagħad l-Gruppo Misto magħmul minn ħames partiti li ma jaqbżux l-20 kull wieħed (Alleanza per l'Italia, Liberali Democratiche; Minoranze Linguistiche, Autonomie/Sud, Repubblicani/Azionisti), u 16-il deputat indipendenti,  u allura ma jistgħux jiffurmaw grupp għalihom. Dawn ilaħħqu 34.
Il-membri ta' dan l-aħħar grupp ma jivvutawx dejjem u kollha l-istess, fis-sens li daqqa jivvutaw favur il-gvern u liġijiet li jressaq, u daqqa jivvutaw kontra. Dan il-grupp dan l-aħħar baqa' dejjem jikber, u probabbli li issa jingħaqdu miegħu ukoll is-sitt deputati Radikali ta' Pannella .
Dan wara li dan l-aħħar r-Radikali mhux qed jogħqodu għad-dixxiplina tal-Partit Demokratiku fil-parlament, u llum, kontra d-direttiva tal-PD, daħlu mill-ewwel fl-awla biex b'hekk intlaħaq il-kworum meħtieġ ħalli l-votazzjoni tkun valida, iżda r-Radikali Marco Beltrandi l-lejla ċaħad dan u qal li ċ-ĊentruLemin waħdu xorta kien laħħaq il-kworum għas-seduta.

It-Tlieta, 11 ta’ Ottubru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (2)

TIMOSHENKO KKUNDANNATA SEBA' SNIN ĦABS
Julia Timoshenko eskortata llum barra l-awla fost protesti
qawwija ta' partitarji tagħha
Il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julia Timoshenko illum instabet ħatja li abbużat mill-poter tagħha meta kienet Prim Ministru ffirmat ftehim dwar il-gass mir-Russja, u ġiet kundannata seba' snin ħabs.
Barra minhekk  hi trid tħallas $186 Miljun li ntqal li tilfet kumpanija parastatali bil-ftehim, u ma tistax tieħu sehem fil-politika għal tlett snin, biex b'hekk ma tkunx tuista' tieħu sehem fl-elezzjonijiet tas-sena d-dieħla jdew tikkontesta għall-President tar-Repubblika.
Infatti kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Istati Uniti kkundannaw mill-ewwel din is-sentenza u l-ġuri bħala motivati politikament biex il-President attwali Yanukovich jeħles minn avversarju politiku.
Timoshenko se tappella mis-sentenza, u tressaq il-każ tagħha quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani.
Malli nqrat is-sentenza kemm fil-qorti kif ukoll barra kien hemm proitesti qawwija u għajjat ta' "Misskom Tistħu!", u t-toroq tal-madwar f'Kiev jinsabu mgħassa minn pulizija u suldati kontra l-irvellijiet fost tensjoni kbira.

It-Tnejn, 10 ta’ Ottubru 2011

Il-Polakki Poplu Matur

KONFERMA GĦALL-GVERN ĊENTRU-LEMINI
Il-Prim Ministru Donald Tusk ma' martu jifirħu bir-riżultat tal-elezzjoni
Il-poplu Polakk ta prova oħra ta' poplu matur meta l-bieraħ reġà ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet liż-żewġ partiti taċ-Ċentru-Lemin li ggvernaw il-pajjiż f'dawn l-aħħar erba' snin. B'hekk il-partit ewlieni Pjattaforma Ċivika (PO) tal-Prim Ministru Donald Tusk, bħalma kien mistenni, sar l-ewwel partit li rebaħ darbtejn fuq xulxin fil-Polonja.
Riżultati mhux uffiċjali qed jagħtu lill-PO 39.6% tal-voti li jissarfu f'212-il siġġu fil-parlament ta' 460. Il-Partit Popolari Polakk (PSL) li jinsab f'koalizzjoni fil-gvern kiseb 8.2% u 27 siġġu. B'hekk il-gvern mistenni jkollu maġġoranza ta' 239 siġġu, kważi eżatt daqskemm kellu qabel.
L-agħar li mar kien l-partit Alleanza Demokratika tax-Xellug (SLD) li naqqas il-voti minn 13.2% għal 7.7%, perikolożament lejn il-minimu ta' 5% biex partit ikun rappreżentat fil-parlament. Minn 53 siġġu spiċċa bi 23 biss, telf ta' 30 siġġu.
Jidher ċar li din it-telfa kienet kawżata minn partit ġdid antiklerikali, il-Moviment ta' Palikota (RP), imwaqqaf Janusz Palikot li telaq mill-partit ta' Tusk għax ried li l-PO ikun aktar liberali. Dan ġabar 10% tal-voti u mistenni jkollu 39 siġġu, u mistenni jappoġġja xi miżuri ekonomiċi tal-gvern Ċentru-Lemini.
Tusk mexxa b'suċċess il-Polonja matul il-kriżi finanzjarja tal-2008-09, u fil-fatt kien l-uniku pajjiżi Ewropew li m'għaddiex minn riċessjoni. Hu wiegħed li se jkompli fit-triq tar-riformi ekonomiċi.
Il-partit l-ieħor fil-parlament se jkun l-lemini Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja (PiS) li kiseb 30% u 158 siġġu.

Il-Ħadd, 9 ta’ Ottubru 2011

In-Nixfa u t-Tisħin tal-Globu

RICK PERRY JGĦADDI LIL OBAMA ...FIX-XJENZA
Il-Gvernatur ta' Texas Rick Perry jidher li se jkun wieħed minn żewġ kandidati li minnhom ir-Repubblikani jridu jagħżlu min se jisfida lill-kandidat Demokratiku li ovvjament se jkun il-President in kariga Barak Obama. Dan tal-aħħar, iżda, diġá ħareġ tellief kontra Perry meta dan l-aħħar fettillu jikkritika lil Perry bħala il-gvernatur li filwaqt li l-istat tiegħu qed jinħaraq minħabba n-nixfa, nuqqas kbir ta' xita, dan jiċħad it-tibdil fil-klima, it-tisħin tal-globu kawżat mill-bniedem.
Rick Perry, Gvernatur ta' Texas
Fil-veritá huwa Perry li għandu raġun għax ż-żjieda fil-gassijiet serra, CO2, fil-fatt ikkawża TNAQQIS fin-nixfa fid-dinja f'dawn l-aħħar 30 sena, tant li xjenzjat ewlieni tal-istess gvern ta' Obama, Dr. Robert Hoerling iddikjara ċar u tond li "Din in-nuqqas ta' xita f'Texas mhuwiex kawżat mit-tibdil fil-klima".
Hoerling huwa riċerkatur meteoroloġista tan-National Oceanic and Atmospheric Administration (NOAA) u kien kittieb ewlieni tal-US Climate Change Science Plan Synthesis & Assesment Report.
"L-aħbar tajba hija li din m'għandhix x'taqsam mat-tisħin tal-globu. Texas esperjenza bil-kbir in-nuqqas ta' xita fl-imgħoddi, u dan tal-aħħar m'għandux x'jaqsam mat-tibdil fil-klima".
"In-nixfa laqtet lil 80 fil-mija tal-pajjiż kollu fl-1934, meta mqabbla ma' 25% fl-2011".
"Ir-rekords juru li n-numru ta' nirien kbar naqsu tul dawn l-aħħar  40-50 sena, u n-numru tagħhom kien ferm ikbar fis-Snin Sebgħin meta kien hemm min kien beżżá li l-globu kien qed jiksaħ!"
Kelliem għal Perry, Ray Sullivan, qal li "Huwa tal-mistħija li l-President Obama juża l-ħruq ta' 1500 dar, l-agħar nirien fl-istorja tal-istat,  għal attakk politiku.
"Dan minn President," kompla Sullivan, " li pajjiżu qed jiffaċċja problemi finanzjarji serji, u s-soluzzjonijiet tiegħu qed jiswew flejjes kbar lill-familji billi jgħollilhom it-taxxi, lilhom u lin-neguzjanti żgħar."
F'Awwisu Perry kien sostna li din tat-tibdil tal-klima kawżat mill-bniedem hija qerq.
Il-President Barak Obama
Il-kliem eżatt ta' Perry kien dan:

"I do believe that the issue of global warming has been politicized. I think there are a substantial number of scientists who have manipulated data so that they will have dollars rolling into projects, and I think we're seeing almost weekly or even daily scientists who are coming forward and questioning the original idea that man made global warming is what is causing the climate to change. 
Yes, our climate's changed, but it's been changing ever since the Earth was formed."

Is-Sibt, 8 ta’ Ottubru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna

IS-SENTENZA KONTRA TIMOSHENKO X'AKTARX GĦAT-TLIETA
Lejn tmiem il-ġimgħa l-oħra l-Kap tal-Oppożizzjoni Yulia Timoshenko temmet id-difiża tagħha quddiem il-qorti fejn tinsab akkużata li abbużat mill-poter fl-2009, meta bħala Prim Ministru tal-Ukrajna, ffirmat ftehim dwar l-importazzjoni tal-gass mir-Russja. Il-ġuri ġie aġġornat għal nhar it-Tlieta li ġejjin 11 ta' Ottubru, meta x'aktarx tingħata s-sentenza, li l-akkuża qed titlob li tkun ta' sebgħa' snin ħabs.
Yulia Timoshenko waqt l-aħħar seduta
tal-ġuri f'ritratt meħud b'mobile u li fih
xejn ma tidher f'saħħitha wara 10 ġimgħat
fil-ħabs u anki bid-deni
Dan il-ġuri, però, ġie kritikat ferm barra l-pajjiż, l-aktar mill-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti, bħala ġuri motivat politikament.
Il-ġuri jagħmel parti minn kampanja sistematika, mill-President xellugi u pro-Russu Viktor Yanukoviċ, ta' persekuzzjoni tal-oppożizzjoni lejn twaqqif ta' sistema awtoritarja simili għal dik ta' Putin fir-Russja. Hu qed jikkonċentra dejjem aktar poter f'idejh, jagħmel minn kollox biex ifixkel u jagħlaq ħalq l-midja ħielsa, u jippersegwita, permezz tal-qrati lill-eks Prim Ministru Timoshenko, bl-iskop ikun li tiġi newtralizzata l-ikbar avversarju politiku tal-gvern.
Infatti f'Awwissu l-imħallef kien bagħat lil Timoshenko fil-ħabs minħabba dak li ssejjaħ 'disprezz lejn il-Qorti', fejn issa ilha magħluqa 10 ġimgħat, u kienet qed tinħareġ biss biex tattendi l-ġuri.
Dan wassal għall-protesti fil-pajjiż u barra l-pajjiż b'uffiċjali tal-UE iwissu lil Yanukoviċ li jekk Timoshenko tiġi kundannata l-ħabs l-Ukrajna ma tibqax tiġi kunsidrata għas-sħubija fl-Unjoni Ewropea.
Stefan Fule, il-Ministru tal-UE responsabbli mit-tkabbir, wara laqgħa privata ta' sagħtejn ma' Yanukoviċ fil-Polonja iddikjara li jekk l-akkużi kontra Timoshenko ma jiġux irtirati, "ir-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna ma jibqgħux l-istess".
Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Svediż Carl Bildt qal li "Jidher ċar li dan il-ġuri qed isir taħt liġijiet li m'għandhomx lok fl-ebda pajjiż ieħor Ewropew, u m'għandux ikollhom f'pajjiż li qed jaspira li jissieħeb fl-UE."
Waqt li kien qed jieħu sehem fl-Eastern Partnership Summit fil-Polonja l-ġimgħa l-oħra Yanukoviċ ġie kwotat li qal lill-mexxejja tal-UE li ħadu sehem li l-gvern tiegħu lest jaċċetta emendi mressqa mill-oppożizzjoni għal-liġi biex Timoshenko tinħeles, basta hi "tammetti pubblikament l-iżbalji tagħha u "tħallas għat-telf li sofriet il-kumpanija statali Naftogaz", li jlaħħqu mal-$200 Miljun.
Din hi ħaġa li Timoshenko lanqas biss qed tikkunsidraha, u fl-aħħar diskors tagħha fl-awla imballata b'ġurnalisti, diplomatiċi barranin u partitarji, baqgħet tinsisti li hi innoċenti u akkużat lil Yanukovich b'linċaġġ biex jeħles minn avversarju politiku qawwi.
L-avukati tagħha qed isostnu li ħadd m'għandu jiffaċċja akkużi bħal dawn fuq deċiżjonijiet jew azzjoni politika u li Timoshenko ma wettqet l-ebda delitt jew offiża. Huma għamluha ċara wkoll li mhux se jaċċettaw sentenza ta' ħtija, anki jekk tiġi rranġata l-liġi biex Timoshenko ma teħilx ħabs, imma mbagħad ma tkunx tista tkompli tieħu sehem fil-politika, kif jista' jagħti l-każ li jsir biex Yanukovich isalva wiċċu quddiem il-Punent.
Sadattant dawn qalu wkoll li jinsabu nkwetati ferm dwar saħħet Timoshenko fil-ħabs fejn tinsab f'ċella li hemm ħajt biss jifridha mill-infermerija li fiha hemm ħabsin b'fażi attiva tat-tuberkolożi. Kellha wkoll deni għoli, mingħajr għajnuna medika, għax ma ħallewhix, kif għandha dritt, tara speċjalisti tal-fiduċja tagħha, għax ma tridx li jinviżtawha t-tobba tal-isptar.

Il-Ħamis, 29 ta’ Settembru 2011

Stabbilità fl-Italja

IL-GVERN IKOMPLI JKABBAR IL-MAĠĠORANZA
Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi jirringrazzja
lill-maġġoranza wara l-votazzjoni tal-bieraħ
Kontra dak li bassru xi wħud u x-xewqat ta' oħrajn li ma jimpurtahomx mill-futur ta' pajjiżhom iżda biss li jaħtfu l-poter, il-gvern Ċentru-Lemin Taljan il-bieraħ mhux biss żamm il-maġġoranza, iżda għal darb'oħra kompla kabbarha u prattikament issa għandu 325 siġġu minn 360, meta allura jkunu biżżejjed 316-il siġġu biex jiggverna.
L-okkażjoni kienet mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru tal-Agrikoltura Francesco Saverio Romano imressqa mill-oppożizzjoni. Din m'għadditx għax favuriha ivvutaw biss 294, prattikament id-deputati tal-partit post-Komunista dak Demokratiku ta' Bersani, dawk ta' Di Pietro, dawk tal-partit ta'  Fini (li kienu telqu mill-Popolo della Libertà (PdL), u tal-UDC ta' Casini, għalkemm mhux kollha,
filwaqt li kien hemm is-sitt deputati Radikali ta' Pannella li ma vvutawx, għalkemm kienu fl-awla, fost ir-rarbja ta' Bersani li jrid ikeċċihom mill-grupp tal-Oppożizzjoni.
Kontra l-mozzjoni, naturalment ivvutaw id-deputati kollha tal-PdL, u dawk tal-Lega ta' Bossi, il-grupp ġdid Popolo e Territorio magħmul minn 29 deputat (fosthom Romano)  li qabel kienu jissejħu Iniziativa Responsabile, u li f'Diċembru kienu vvutaw il-fiduċja lill-gvern u ngħaqdu uffiċjalment mal-koalizzjoni Ċentru Leminija tal-PdL u l-Lega Nord.
Silvio Berlusconi, naturalment stqarr li kien "ferm sodisfatt" bir-riżultat tal-votazzjoni.
"Anki għax – spjega l-Prim Ministru – kien hemm 315 li vvutaw kontra l-isfiduċja, u jekk ma' dawn ngħoddu dawk id-deputati assenti skużati, dan ifisser li l-maġġoranza tal-gvern issa telgħet għal 325, u b'hekk nistgħu anki nwettqu r-riformi".
Il-fatti huma li kull darba li l-oppożizzjoni tressaq xi vot ta' sfiduċja fil-gvern jew f'xi ministru, il-gvernm kull datrba jzied il-maġġoranza.
Minkejja dan din l-oppożizzjoni ma titlifx okkażjoni li fiha tinsisti li Berlusconi għandu jirriżenja, u kull darba l-Prim Ministru jagħmilha ċara li sakemm il-gvern tiegħu jibqà igawdi l-fiduċja tal-parlament hu ma kellux l-ebda ħsieb iwarrab.
Il-gvern ġie vvutat mill-maġġoranza tal-elettorat, u għalhekk l-maġġoranza tal-gvern hija waħda leġittima, u sakemm din tibqà hemm, wieħed ma jara l-ebda raġuni l-għala l-gvern għandu jirriżenja.
Aktar u aktar meta ma teżistix alternattiva. M'hemmx programm li l-partiti fl-oppożizzjoni jistgħu jaqblu dwaru, għax dawn ivarjaw minn Komunisti, post-Komunisti, radikali, Demokrjstjani u post-Faxxisti, taħlita manja li l-aħħar tentattiv simili li sar snin ilu taħt it-tmexxija ta' Prodi kien falla f'qasir żmien miżerament u ma setgħax ikun mod ieħor.
Ħaġa li ll-Italja u t-Taljani ma jistgħux jissugraw fis-sitwazzjoni serja ekonomika-finanzjarja li tinsab fiha mhux biss l-Italja, imma d-dinja kollha.

Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru 2011

Żewġ Elezzjonijiet fl-Ewropa

GVERN IEĦOR TAĊ-ĊENTRU-LEMIN FIL-LATVJA
Bħalma kien mistenni l-poplu tal-Latvja reġà ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin biex dawn issa jistgħu ikomplu jsaħħu r-rimonta ekonomika-finanzjarja li permezz tagħha l-pajjiż ma kellux bżonn ta' għajnuna mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Il-Prim Ministru Valdis Dombrovskis u l-eks President
tar-Repubblika Valdis Zatler li kiseb suċċess kbir
bil-Partit tar-Riforma li waqqaf biss f'Lulju li għadda
Filwaqt li l-alleanza ewlenija fl-oppożizzjoni, x-xellugija "Ċentru tal-Armonija" żjiedet żewġ siġġijiet għal 31, biex spiċċat l-ikbar partit bi 28.4% tal-voti, xorta m'għandux ċans jiggverna, għax, appuntu, l-partiti taċ-Ċentru-Lemin bejniethom għandhom maġġoranza, minkejja li l-alleanza "Unità" tal-Prim Ministru Valdis Dombrovskis ma baqax l-ikbar partit taċ-Ċentru-Lemin; post li ħadu l-partit ġdid Ċentru-Lemini tar-Riforma ta' Zatler, li l-eks President tar-Repubblika  Valdis Zatler waqqqaf ftit qabel l-elezzjoni. Dan kiseb 20.8% tal-voti u 22 siġġu, kontra t-18.8% u 20 siġġu.
Il-partit l-ieħor li kien fil-koalizzjoni governattiva, dak tal-Ħodor u l-Bdiewa tilef voti u siġġijiet biex issa għandu 12.2% tal-voti u 13-il siġġu.
Dan ifisser li issa ċ-Ċentru-Lemin għandu 51.8% tal-voti u 55 siġġu mill-100 fil-parlament Latvjan. Dan għax wieħed jeskludi li Zatler jistà qatt jappoġġja jew jagħti lok għall-gvern immexxi mill-Armonija li tinkludi fiha lill-Komunisti.
Qabel temm il-kariga tiegħu Zatler kien ressaq referendum fejn il-poplu qabel miegħu (Zatler) li xolja l-parlament u ssir l-elezzjoni bikrija, minħabba li l-parlament ma kienx neħħa l-immunità lil deputat tal-oppożizzjoni biex ikun jistà jiġi investigat fuq korruzzjoni.
Barra minhekk l-alleanza leminija "Alleanza Nazzjonali għal Latvja" ħarġet l-ikbar rebbieħa għax żjiedet l-voti għal 13.9% u rebħet 14-il siġġu.
Bħalissa qed isiru n-negozjati biex jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid.

... U GVERN INĊERT FID-DANIMARKA
Minkejja li media internazzjonali u anki lokali, għamlitha fatta li d-Danimarka se jkollha l-ewwel prim ministru mara u ċentru-xellugija għax, l-Alleanza l-Ħamra kisbet l-ikbar maġġoranza ta' voti u siġġijiet, il-formazzjoni ta' gvern ġdid mhix daqstant ħaġa faċli.
Fil-fatt il-partit tal-Prim Ministru Rasmussen, dak Liberali gġadu likbar partit fil-pajjiż b'26.7% tal-voti u zjied siġġu għal 47 mill-175 siġġu fil-parlament, filwaqt li dak Soċjaldemokratiku ta' Helle Thorning-Schmidt għandu 44 siġġu (wieħed inqas) u 24.9% tal-voti.
L-Alleanza Ħamra veru kisbet 50.2% tal-voti u 89 , iżda din l-alleanza mhix waħda omoġenja għax minbarra dak Soċjaldemokratiku, hemm dak Soċjal-Liberali, dak Soċjalista tal-Poplu li naqqas 7 siġġijiet għal 16, u l-Alleanza Ħamra-Ħadra.
Is-Soċjal-Liberali huma favur politika ekonomika liberali, u waqt il-kampanja elettorali għamluha ċara li ma jridux lis-Soċjalisti jkollhom rwol qawwi fil-gvern. Infatti l-Ħadd li għadda Marianne Jelved, l-eks kap tas-SoċjalLiberali wissiet lis-Soċjaldemokratiċi li mhux se jappoġġjaw lill-gvern eventwali jekk jipprova jwaqqaf ir-riformi fis-sistema tal-qagħad li s-SoċjalLiberali kienu vvutaw favurihom. Barra minhekk il-partiti fil-blokk l-aħmar ma jaqblux dwar kwistjonijiet ewlenin bħar-riforma tal-pensjoni, l-immigrazzjoni, it-tassazzjoni u l-politika ekonomika.
Il-pjan ta' Thorning-Schmidt li żżied in-nefqa tal-gvern, it-taxxi, u żżid ukoll is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema b'siegħa fil-ġimgħa żgur, se jsib oppożiżżjoni fi ħdan l-alleanza.
Anki jekk jirnexxikha tifforma gvern, b'maġġoranza minima ta' ħames siġġijiet, Thorning-Schmidt tiddependi ħafna mill-erba' siġġijiet li nħatru mill-eletturi tal-gżejjer Faroe u Greenland.

Il-Ħamis, 15 ta’ Settembru 2011

Aħbarijiet koroħ għad-Demokratiċi

AKTAR DISFATTI GĦAL OBAMA
Mhux qed jgħaddi xahar li ċ-ċansijiet li Barak Obama jerġà jinħatar President tal-Istati Uniti wara l-elezzjoni ta' sena oħra dejjem aktar qed jitbiegħdu. L-aħħar daqqiet ta' ħarta ħadhom f'nofs din il-ġimgħa meta d-Demokratiċi tilfu distrett meqjus fortizza tagħhom għal dawn l-aħħar 90 sena fi New York u wkoll tkaxkira oħra f'Nevada, meqjus bħala swing state importanti fl-elezzjonijiet presidenzjali. B'hekk issa r-Repubblikani komplew kabbru l-maġġoranza tagħhom għal 242 siġġu kontra l-192 tad-Demokratiċi.
Din ir-rankatura kontra Obama u d-Demokratiċi issa ilha sejra mill-inqas minn Novembru tal-2009 (Obama ma kienx ilu sena President!) meta Chris Christie sar l-ewwel Repubblikan fi 12-il sena li rebaħ l-elezzjoni għall-Gvernatur ta' New Jersey.
Wara d-Demokratiċi sofrew telfa storika meta r-Repubblikan Scott Brown rebaħ is-siġġu tas-Senat li Robert Kennedy kien ilu jżomm mal-50 sena f'Massachusetts.
Kien imiss mbagħad lill-istat tal-Virginia fejn ir-Repubblikani rebħu l-post ta' Gvernatur li sa' dakinhar kien Demokratiku, b'Bob McDonnell jikseb l-għola persentaġġ ta' voti mill-1961.
Waslu mbagħad l-elezzjonijiet għall-Kungress tal-2010 meta d-Demokratiċi sofrew telfiet kbar f'ħafna elezzjonijiet nazzjonali u lokali, b'ħafna siġġijiet jgħaddu taħt il-kontroll tar-Repubblikani. Il-Partit infatti rebaħ 63 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti, biex b'hekk kien reġà akkwista l-maġġoranza.
Dik kienet l-ikbar bidla ta' siġġijiet mill-1948 u l-ikbar f'elezzjoni mid-term f'aktar minn 70 sena, mill-1938.
Ir-riħ tal-bidla fil-politika Amerikana ma jistax ikun aktar ċar.
Anki mkejjen li soltu jappoġġjaw lid-Demokratiċi qed jammettu li dawn l-elezzjonijiet huma referendum dwar il-politika ekonomika ta' Obama u d-Demokratiċi.
Is-soluzzjonijiet tipikament xellugin li qed jadotta Obama mhux qed isolvu l-problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż u l-poplu. Proprju fl-istess jum li ħarġu r-riżultati ta' dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet  tħabbar li l-Amerikani li qed jgħixu fil-faqar qabżu għal 46.2 miljuni matul is-sena li għaddiet.
Dan huwa l-għola stat ta' faqar fil-pajjiż mill-1983, filwaqt li d-dħul medju għall-familja Amerikana niżel bi 2.3 fil-mija matul is-sena l-oħra, u d-differenza bejn is-sinjuri u dawk tal-klassi medja kibret, bħalma kompla kiber il-qagħad għal 9.1%.
Dan meta suppost li r-riċessjoni uffiċjalment spiċċat fl-2009, u  minkejja l-għexiren ta' mijiet ta' miljuni ta' dollari ta' stimulu għall-ekonomija ta' Obama, li minflok tejbu, komplew għarrqu s-sitwazzjoni soċjali tal-Amerikani, li issa jidhru qed jistennew bil-ħerqa li tasal l-elezzjoni għall-President s-sena d-dieħla.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide