Il-Ħamis, 15 ta’ Settembru 2011

Aħbarijiet koroħ għad-Demokratiċi

AKTAR DISFATTI GĦAL OBAMA
Mhux qed jgħaddi xahar li ċ-ċansijiet li Barak Obama jerġà jinħatar President tal-Istati Uniti wara l-elezzjoni ta' sena oħra dejjem aktar qed jitbiegħdu. L-aħħar daqqiet ta' ħarta ħadhom f'nofs din il-ġimgħa meta d-Demokratiċi tilfu distrett meqjus fortizza tagħhom għal dawn l-aħħar 90 sena fi New York u wkoll tkaxkira oħra f'Nevada, meqjus bħala swing state importanti fl-elezzjonijiet presidenzjali. B'hekk issa r-Repubblikani komplew kabbru l-maġġoranza tagħhom għal 242 siġġu kontra l-192 tad-Demokratiċi.
Din ir-rankatura kontra Obama u d-Demokratiċi issa ilha sejra mill-inqas minn Novembru tal-2009 (Obama ma kienx ilu sena President!) meta Chris Christie sar l-ewwel Repubblikan fi 12-il sena li rebaħ l-elezzjoni għall-Gvernatur ta' New Jersey.
Wara d-Demokratiċi sofrew telfa storika meta r-Repubblikan Scott Brown rebaħ is-siġġu tas-Senat li Robert Kennedy kien ilu jżomm mal-50 sena f'Massachusetts.
Kien imiss mbagħad lill-istat tal-Virginia fejn ir-Repubblikani rebħu l-post ta' Gvernatur li sa' dakinhar kien Demokratiku, b'Bob McDonnell jikseb l-għola persentaġġ ta' voti mill-1961.
Waslu mbagħad l-elezzjonijiet għall-Kungress tal-2010 meta d-Demokratiċi sofrew telfiet kbar f'ħafna elezzjonijiet nazzjonali u lokali, b'ħafna siġġijiet jgħaddu taħt il-kontroll tar-Repubblikani. Il-Partit infatti rebaħ 63 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti, biex b'hekk kien reġà akkwista l-maġġoranza.
Dik kienet l-ikbar bidla ta' siġġijiet mill-1948 u l-ikbar f'elezzjoni mid-term f'aktar minn 70 sena, mill-1938.
Ir-riħ tal-bidla fil-politika Amerikana ma jistax ikun aktar ċar.
Anki mkejjen li soltu jappoġġjaw lid-Demokratiċi qed jammettu li dawn l-elezzjonijiet huma referendum dwar il-politika ekonomika ta' Obama u d-Demokratiċi.
Is-soluzzjonijiet tipikament xellugin li qed jadotta Obama mhux qed isolvu l-problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż u l-poplu. Proprju fl-istess jum li ħarġu r-riżultati ta' dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet  tħabbar li l-Amerikani li qed jgħixu fil-faqar qabżu għal 46.2 miljuni matul is-sena li għaddiet.
Dan huwa l-għola stat ta' faqar fil-pajjiż mill-1983, filwaqt li d-dħul medju għall-familja Amerikana niżel bi 2.3 fil-mija matul is-sena l-oħra, u d-differenza bejn is-sinjuri u dawk tal-klassi medja kibret, bħalma kompla kiber il-qagħad għal 9.1%.
Dan meta suppost li r-riċessjoni uffiċjalment spiċċat fl-2009, u  minkejja l-għexiren ta' mijiet ta' miljuni ta' dollari ta' stimulu għall-ekonomija ta' Obama, li minflok tejbu, komplew għarrqu s-sitwazzjoni soċjali tal-Amerikani, li issa jidhru qed jistennew bil-ħerqa li tasal l-elezzjoni għall-President s-sena d-dieħla.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide