Il-Ħadd, 14 ta’ Frar 2010

JAMMETTI LI QARRQU

L-ISKANDLU CLIMATEGATE
Intefqu biljuni kbar biex 'iħaddru' d-dinja u wkoll biex jiġi ffinanzjat is-suq dubjuż tal-carbon credits (ara l-blog tas-6 ta' Frar), inħlew galluni ta' aviation fuel (u CO2!) biex iġorru 'esperti', lobbyists u politikanti għal konferenzi apokalittiċi dwar tisħin tal-globu.
Gvernijiet bidlu l-politika, mijiet ta' istituzzjonijiet akkademiċi, kurrikuli ta' skejjel sħaħ u l-prijoritajiet ta' xandara u ġurnalisti mad-dinja kollha kellhom jinbidlu – kollox f'ġieh id-dutrina ġdida li l-bniedem qed isaħħan il-pjaneta, u li jeħtieġlu jwettaq tibdil erojku u għali f'ħajtu biex isalva d-dinja milli tegħreq hekk kif jinħall is-silġ fl-Artiku.
Kollox fuq pariri tal-hekk imsejħa esperti tal-IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti.
 Iżda wara li faqqa' l-iskandlu CLIMATEGATE li kixef kif istituzzjonijiet ta' riċerka li fuqhom kienet togħqod l-IPCC, l-aktar fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti kienu jbagħbsu u jaħbu data biex isostnu li l-bniedem kien qed isaħħan il-globu, l-Kap ta' waħda minn dawn, Phil Jones tal-Climate Research Unit Ingliza, l-bieraħ ammetta li li ftit hemm differenza bejn is-sħana tal-globu fis-Snin Disgħin u żewġ perjodi mill-1860 'l hawn, filwaqt li ammetta li mill-1995         sal-lum l-pjaneta ma saħnitx b'xi mod sinfikanti.

Dan  għamlu waqt intervista li dehret il-bieraħ fuq il-web site tal-BBC, li matulha Jones ammetta wkoll il-possibiltà li fi żmien il-Medieval Warm Period bejn s-sena 800 u l-1300 it-temperatura kienet għola minn żmienna, u allura dan jipprova li mhux veru li llum jaħti l-bniedem meta jipproduċi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bħas-CO2.


Fid-dawl tat-tsunami li qed jikkawża Climategate, gvernijiet, politikanti, akkademiċi u l-media qed ikollhom jikkunsidraw mill-ġdid l-aġir tagħhom f'dawn l-aħħar snin wara l-ġenn tat-tibdil fil-klima suppost kawżat mill-bniedem.


IL-PARLAMENT INGLIZ JINVESTIGA
Sadattant  il-Parlament Ingliż qed jinvestiga l-Climategate, speċifikament il-ħruġ ta' data , e-mails u dokumenti mill-Climate Research Unit tal-East Anglia University.
Is-Science & Technology Committee ta żmien sa' nhar l-Erbgħa li għaddew biex jittressqu s-sottomissjonijiet, biex imbagħad ix-xahar d-dieħel tisma' ix-xhieda.
Interessanti naraw  jekk dakinhar jidhirx il-viċi direttur tas-CRU, Keith Briffa ta' dixxendenza Maltija, li minn meta faqqa' l-iskandlu f' Novembru li għadda (imħabbar f'Malta esklussivament minn dan il-blog), ma deher imkien.
Kien hemm ukoll rapporti li Briffa sata' kien hu stess responsabbli għal-leakage tal-e mails u d-dokumenti (Blog tat-12 ta' Diċembru, 2009)

Is-Sibt, 13 ta’ Frar 2010

IL-PUNENT SE JABBANDUNA LILL-UKRAJNA?

Matul din il-ġimgħa bilkemm għaddiet ġurnata li ma smajnix dwar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-president tal-Ukrajna fejn sal-aħħar għadd kien għad mhux magħruf min ħareġ rebbieħ. Fl-aħħar il-kummissjoni elettorali ħabbret li Viktor Janukovych, il-kandidat xellugi pro-Russja, għadda lill-Prim Ministru Ukrajna Ċentru-leminija favur il-Punent, Yulia Tymoshenko bi ftit aktar minn 3 fil-mija tal-voti, 888,000, minn total ta’ kważi 24 Miljun li marru jivvutaw.
Dan dejjem skond il-kummissjoni, li għad trid tħabbar uffiċjalment ir-riżultat nhar l-Erbgħa li ġejjin 17 tax-xahar, filwaqt li Tymoshenko m’aċċettatx ir-riżultat u l-koalizzjoni tagħha “l-Unjoni tal-Ukrajni Kollha – Patrija” mistennija tiċċalinġja r-riżultat fil-qorti,  minħabba  rregularitajiet  serji f’madwar 900 postijiet tal-votazzjoni, l-aktar f’”fortizzi” ta’ Yanukovich, fejn allura għandhom jerġgħu jingħaddu l-voti, li jammontaw għal kważi miljun, u allura jistgħu effettivament jeffettwaw r-riżultat aħħari.
Minbarra d-differenza żgħira fil-voti bejn iż-żewġ kandidati, wieħed ta’ min jinnota (ħaġa li rari semmiet mill-media internazzjonali) li 4.63%, jew ‘l fuq minn miljun ruħ ivvutaw  fuq il-kaxxa li kienet tgħid li kienu “kontra l-kandidati kollha”.
Fid-dawl ta’ dan kollu d-dikjarazzjonijiet ta’ osservaturi internazzjonali li l-elezzjoni tas-7 ta’ Frar kienet “trasparenti u onesta” (bħalma per eżempju, iddikjarat l-OSCE) dehru mgħaġġla wisq. L-istess bħal dawk ta’ għaqdiet u mexxejja internazzjonali li bagħtu jifirħu lil Yanukovich, fosthom il-President Amerikan Obama, dak Russu Putin, il-Kummissarju Ewropew Barroso u l-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE Van Rompuy.
Iżda, sakemm qed nikteb il-Partit Popolari Ewropew (PPE) għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar ir-riżultat imħabbar. Il-koalizzjoni ta’ Tymoshenko “Patrija” u l-Moviment Popolari tal-Ukrajna (RUKH) huma membri osservaturi tal-PPE.
Jumejn qabel l-elezzjoni, fil-5 ta’ Frar il-President tal-PPE Wilfried Martens ikkundanna t-tibdil fil-liġi elettorali għax dawk “kabbru ċ-ċansijiet ta’ falsifikazzjoni, manipulazzjoni waqt ir-tieni rawnd tal-elezzjoni”, bħalma fil-fatt issa qed tallega Tymoshenko.
Dan sata’ sar fid-distretti tal-Krimea, Donetsk u Luhansk fix-Xlokk tal-Ukrajna, minn fejn Yanukovich jikseb l-aktar voti, minħabba li hemmhekk il-popolazzjoni hija ta’ dixxendenza Russa (15-il  miljun minn popolazzjoni ta’ 48 miljun), wara li fi żmien l-Unjoni Sovjetika r-Russja kienet kompliet imliet dawk ir-reġjuni b’ċittadini Russi, filwaqt li ‘eżiljat’ lill-Ukrajni.
Ir-Russja, infatti, anki jekk, uffiċjalment ma baqgħatx Komunista, bagħqet ma tistax tniżżilha li, mal-isfaxxar tal-imperu Sovjetiku, tilfet il-pajjiżi satelliti li ħakmet wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-aktar appuntu l-Ukrajna. Dan għal raġunijiet strateġiċi aktar milli ta’ prestiġju nazzjonali u internazzjonali.
Infatti meta r-Russja tilfet l-Ukrajna (l-ikbar fost il-pajjiżi li kienet taħkem) tilfet ukoll ‘barriera ta’ difiża’ naturali, il-muntanji Karpazji, li tul is-sekli dejjem ddefendewha minn attakki mill-punent tagħha. B’hekk illum ir-Russja hija vulnerabbbli, esposta għall-pressjoni minn kullimkien: mill-Ewropa fil-punent, miċ-Ċina fix-xlokk, u mill-Islamiċi fin-nofsinhar, f’medda art kbira li kważi mpossibbli tikkontrollaha u tħarisha kollha f’salt.
Kieku jerġa’ ikollha l-Karpazji bħala fruntiera fil-punent, ir-Russja tnaqqas mhux ftit il-piż enormi ta’ difiża (militari, iżda wkoll ekonomiku, ta’ intelligence, industrjali u diplomatiku), u b’hekk tikseb ftit aktar kapaċità offensiva. Kieku dan jiġri jinkwieta żgur lill-pajjiżi eks-satelliti tar-Russja, l-aktar dawk fil-punent tagħha – bħall-Ġorġja, il-Polonja u l-Litwanja, Latvja u Estonja ­– li rnexxilhom jinqatgħu mill-influwenza Russa u jersqu lejn il-Punent, anzi lejn l-Unjoni Ewropea.
Jekk l-Ukrajna terġà tispiċċa fl-orbita tar-Russja – bħalma jidher li lest jagħmel Yanukovich jekk jiġi konfermat li rebaħ hu – il-mixja ta’ dawn lejn il-Punent, u probabbli wkoll lejn l-istess sistemi demokratiċi ħielsa tispiċċa mhedda wkoll. Oħrajn aktar dgħajfa, bħal Belarus, l-Ażerbajġan u l-Każakistan diġà bdew ‘jimmollaw’ hekk kif qed jaraw tikber il-prepotenza ta’ Moska – effett domino, insomma.
Barra  minhekk fattur ieħor li qed jagħti r-riħ lir-Russja huwa li Obama qed iħossu mgħobbi wisq bil-kriżi ekonomika, bir-riforma tas-saħħa li ntrabat magħha, żewġ gwerer (Aghanistan u l- Iran) u l-elezzjonijiet mid-term f’Novembru, u qed jittraskura, jekk mhux ukoll jagħti l-ġenb (mhux se jattendi s-Summit tal-UE fi Spanja f’Mejju) lill-Ewropa.
Għal dawn ir-raġunijiet u biex jiġi evita l-effett domino, il-Punent jagħmel sew jaħsibha sew qabel jiddikjara t-tmiem tar-rivoluzzjoni popolari Oranġju tal-2004 kontra l-istess Yanukovich, li dakinhar ipprova jisraq l-elezzjoni presidenzjali.
 Filwaqt li hu veru li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna hija wkoll frott ta’ tilwim u piki interni bejn il-qawwiet taċ-Ċentru-lemin (speċifikament bejn iż-żewġ mexxejja tar-Rivoluzzjoni Oranġjo Tymoshenko  u Yushenko), wieħed irid jammetti, bħalma ddikjaraw din il-ġimgħa żewġ deputati tal-PPE, il-Portugiż Mario David u l-Estonjan Tunne Kelam, li xi membri fl-Unjoni Ewropea kaxkru wisq saqajhom lejn is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, forsi biex ma jirritawx lir-Russja.
Dan m'għandux għalfejn ikun, u m'għandux ikun, u jekk Obama dabbar rasu, l-Ewropa ma jaqblilhix tagħmel bħalu u tabbanduna lill-Ukrajni.

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar 2010

Obama se jkun President ta' darba waħda?



Wara li minn diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika l-President Amerikan Barak Obama rriżulta l-inqas president popolari fl-istorja wara l-ewwel sena fil-kariga, f'dawk ta' madwaru bdiet tinbet il-biżà li probabbli Obama jista' jispiċċa wieħed mill-ftit presidenti Amerikani li ma jirnexxielux iservi t-tieni mandat, wara l-elezzjoni tal-2012.
Issa jidher li din il-biżà qed tirkeb lill-istess Obama. Araw x'qal waqt intervista esklussiva li ta dan l-aħħar lin-network ABC:
Wara dan il-kliem tiegħu diversi osservaturi nnutaw li jekk president fil-fatt ikun mexxa tajjeb, żamm il-wegħdiet li għamel waqt il-kampanja elettorali, u kkonvinċa lil dawk li tellgħu li hu ggverna fl-aħjar interess tal-pajjiż, allura probabbli dan jerġa' jagħżlu biex ikompli jmexxih. Mhux hekk?!
Mill-43 president 27 minnhom servew għal aktar minn term wieħed. Is-16 l-oħra ma kienx irnexxilhom jirbħu elezzjoni presidenzjali oħra. Tgħid Obama se jkun is-17-il wieħed?
Hafna jiddependi wkoll minn kemm ir-Repubblikani se jirnexxilhom isibu kandidat tajjeb biżżejjed. Diġà qed tissemma Sarah Palin, li kkontestat għall-kariga ta' Viċi-President ma' McCain. Iżda ssemma' wkoll Scott Brown li għadu kemm għamel rebħa storika fl-istat-fortizza ta' Obama, Massachusetts, biex b'hekk id-Demokratiċi tilfu l-maġġoranza assoluta li kellhom fis-Senat sa' xahar ilu.
Għad fadal sentejn għal elezzjoni oħra, iżda f'Novembru li ġej se jsiru dawk mid-term, fejn il-probabbiltà hija li r-Repubblikani jkomplu jnaqqru mill-maġġoranza ta' Obama fil-Kungress.

Is-Sibt, 6 ta’ Frar 2010

Il-KLIMA L-IKBAR KUMMERĊ TA' ŻMIENNA?

Illum – wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Climategate – aktar minn qatt qabel qed toħroġ il-verità li l-bniedem jaħti ftit li xejn għat-tibdil fil-klima, b’mod partikulari għat-tisħin tal-globu, bil-ħruġ tal-gassijiet serra (CO2), li dawk li jiena nħobb insejjaħ ekokatastrofisti jew ekoterroristi jibqgħu jinsistu dwaru. Għaliex, iżda, dawn jibqgħu iwebbsu rashom? Għaliex jibqgħu jinsistu, b’arroganza liema bħala, li aħna, l-bniedem kapaċi jeffettwa, jbiddel il-klima tal-pjaneta tagħna, jikkontrolla l-klima, jekk mhux ukoll iwaqqaf it-tibdil naturali tal-klima?!
Bħalma kelli okkażjonijiet oħra nistaqsi: jista’ il-bniedem jikkontrolla meta u kemm tinżel ix-xita jew kemm tagħmel kesħa jew sħana? Jista’ iwaqqaf ir-riħ?  LE.
Allura għaliex dawn ikomplu jinsistu fl-argumenti illoġiċi, arroganti tagħhom?
It-tweġiba tinsab biss f’ kelma waħda b’erbà ittri: F L U S.
Huwa għalhekk li wara Climategate (li dan il-blog, x’aktarx uniku f’Malta, ilu jsegwi sa’ mill-bidu tiegħu f’Novembru li għadda), qed dejjem jiżdiedu l-appelli biex l-eluf kbar ta’ miljuni li ntefqu u qed jintefqu fil-qasam tal-klima jiġu kontrollati, awditjati bis-serjetà u b’responsabbiltà.
Illum qed jinkixef dejjem aktar monopolju f’din ix-xjenza, dominata minn dawk li għandhom interessi, aġenda preċiża, motivati aktar minn preġudizzji milli frott ta’ riċerka prattika, konkreta u mhux spekulativa, sperimentali, fuq mudelli mbagħbsa.
Iżda x’inhi din l-aġenda? X’inhuma dawn l-interessi?
Kelli okkażjonijiet, drabi oħra, nuri kif illum hemm min jaqla’x’jiekol, anzi jiffanga b’mod dirett minn din it-teorija ta’ “tibdil fil-klima, tisħin tal-globu ħtija tal-bniedem”.
Hekk kif gvernijiet, awtoritajiet u politiċi, jkomplu jirrealizzaw kemm din hija biss, appuntu, teorija xejn ippruvata mill-fatti u mir-riċerka, l-impjiegi jew dħul finanzjarju kbir ta’ konsulenti jew “esperti”, jispiċċalhom. Iżda hawn mhux qed nitkellmu biss dwar dawn il-konsulenti jew psewdo-esperti (li anki f’pajjiżna ma jonqsux), imma wkoll impjegati sempliċi li jagħmlu xogħol ta’ rutina ma’ dawn l-istess konsulenti jew inkella ma’ istituzzjonijiet ta’ suppost riċerka xjentifika, bħall-Climate Research Unit tal-East Anglia University fl-Ingilterra minn fejn oriġina, appuntu, l-Climategate, u anki ġurnalisti u opinjonisti li ilhom tant snin imexxu din it-teorija qarrieqa.
Wieħed għalhekk jifhem għaliex dejjem aktar hemm min qed jinsisti għall-kontroll, awditjar xieraq ta’ fejn u fuqiex eżatt dawn il-flejjes kbar qed jintefqu bl-aktar mod ‘partiġġjan’ u xejn xjentifiku.
Imma dawn il-flus huma biss peanuts, “karawett”, ħdejn l-eluf kbar ta’ miljuni li hemm min qed idaħħal kemm mill-industrji tal-enerġija alternattiva (prinċipalment minflok iż-żejt u l-faħam), u aktar u aktar mis-suq tal-kummerċ fil-carbon credits li llum diġà hu kkalkulat li globalment ileħħaq il-fuq minn 126,000 Miljun Dollaru, jew mal-100,000 Miljun Ewro fis-sena, iżda li l-esperti qed ibassru li dan se jilħaq bejn iż-Żewġ u l-10 TRILJUN Dollaru jew is-7 TRILJUN Ewro, biex b’hekk il-karbonju jsir l-ikbar single comodity  fil-kummerċ, saħansitra aktar prezzjuż kemm miż-żejt kif ukoll il-faħam!
Għal min jafx dan il-carbon trading huwa sistema vvintata proprju wara li gvernijiet u istituzzjonijiet, minn ta’ quddiemnett n-Nazzjonijiet Uniti, ġew konvinti mix-‘xjenzjati’, riċerkaturi u ‘esperti’ li semmejt qabel, li l-ħruġ tal-gassijiet serra, CO2 kien qed jeffettwa l-klima tal-pjaneta tagħna u l-konsegwenti tisħin tagħha, u li biex il-bniedem jiskansa effetti, riperkussjonijiet mill-aktar katastrofiċi apokalittiċi, li bħalhom naraw biss fil-films, kien jeħtieġlu mmedjatament inaqqas, jew aħjar iwaqqaf għal kollox il-ħruġ ta’ dawn il-gassijiet.
Għalhekk kien ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto, li meta ndunaw li dan kien se jfalli fil-miri tat-tnaqqis li diversi pajjiżi għaġġlu jintrabtu li jwettqu, bdew iħaddmu s-sistema ‘inġenjuża’ li min jippoduċi CO2 inqas mill-kwota ta’ dħaħen li jkun ingħata, jista’ ibiegħ dik id-differenza lil ħaddieħor  biex dan ipatti               għall-emissjonijiet li ma jkunx naqqas skond l-obbligazzjonijiet li kien intrabat bihom.
Għal dan  is-suq twaqqfu trading platforms apposta (fl-Ewropa hawn xi sitta).


Iżda dan is-suq, in-negozju ġdid diġà inkixef li qed jinħataf mill-kriminalitá organizzata. 


F’Diċembru li għadda l-Europol ħabbret każ serju ta’ frodi ta’ mhux inqas minn 5 BILJUN Ewro (ara l-blog tat-12 ta’ Diċembru,2009).
Għalhekk ukoll wieħed jirrealizza wkoll kif dawk kollha li qed idaħħlu Biljuni ta’ Ewro u Dollari m’għandhom l-ebda interess jew inċentiv li jinkixef is-sehem irrelevanti tal-bniedem jew tas-CO2 fit-tibdil fil-klima. 
Anzi pjuttost il-kontra:li dan il-fatt jinħeba bħalma nqabdu li għamlu x-‘xjenzjati’ mdaħħla fl-iskandlu Climategate.

It-Tnejn, 1 ta’ Frar 2010

IPPROVA JAĦBI L-VERITÀ



Skond it-Times ta' Londra, Rajendra Pachauri, Chairman tal-International Panel of Climate Change (IPCC) kienu qalulu li l-assessment tal-IPCC lis-silġ magħqud mal-ġnub tal-muntanji fl-Artiku kien se jdub kollu sal-2035 kien żbaljat, iżda hu stenna xagħrejn sħaħ qabel xorta kellu jħabbar dan. Dan  minkejja li kienu ħafna l-glaċjoloġisti li qalulu diversi drabi ma qablux ma' dak l-assessment.


MA' MIN RAJTEK XEBBAĦTEK !


F'tejp awdjo li tfaċċa matul il-ġimgħa li għaddiet  it-terrorista ewlieni Islamiku Osama Bin Laden iddikjara li anki hu jemmen fit-tisħin tal-globu u li dan qed jikkawżah il-bniedem. 


Min jitterrorizza mod u min jagħmel dan mod ieħor.

Is-Sibt, 30 ta’ Jannar 2010

Kumplott kontra Berlusconi

MISTENNI TERREMOT ĠUDIZZJARJU
Tiftakru kemm sar storbju dwar parties u orġi skandalistiċi li suppost seħħew f’waħda mir-residenzi tal-Prim  Ministru Taljan Silvio Berlusconi, u li fiha kienet imdaħħla prostituta magħrufa, Patrizia D’Addario?  Dan l-aħħar ftit bqajna nisimgħu dwar dik l-affari, forsi għax min xerred u ħeġġeġ kemm felaħ induna li dak l-iskandlu ftit li xejn effettwa l-popolarità ta’ Berlusconi fost il-poplu Taljan. Iżda l-istorja ma waqfitx hemm u min ipprova jagħmel il-ħsara  lill-Prim Ministru Taljan u lill-Italja jidher li se jkollu jħallas.
Infatti l-Procura della Repubblica ta’ Bari qed tinvestiga f’segretezza kbira l-każ u r-riżultat jistà  ikun dak li qed jissejjah “terremot ġudizzjarju” li mistenni jolqot mhux biss lid-D’Addario u l-kompliċi tagħha l-imprenditur Gianpaolo Tarantini, l-eks soċju tiegħu Massimiliano Verdoscia, li f’Awwissu spiċċa arrestat fuq traffikar ta’ droga, iżda anki professjonisti, ġurnalisti u, saħansitra politiċi u maġistrati.
Dan ħareġ minn rapport esklussiv li r-rivista popolari Taljana Panorama bdiet tippubblika fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa.
Panorama tgħid li dan  it-terremot ġudizzjarju li se jfaqqa’ minn hawn u ftit ieħor mistenni jheżżeż mill-pedamenti l-kastell li nbena madwar is-suppost rivelazzjonijiet ta’ D’Addario u l-gwida tagħha Tarantini.
Id-D’Addario hija l-persunaġġ ewlieni fil-faxxiklu ġudizzjarju dwar il-każ, li qed jissejjah “Modello 21”.
Naturalment impossibbli jkunu magħrufa d-dettalji kollha tal-inkjesta, iżda xi ħaġa qed toħroġ: Per eżempju li l-Maġistrat  Antonio Laudati, li qed imexxi l-inkjesta, qed jikkonċentra l-aktar fuq r-relazzjoni bejn D’Addario u Tarantini.
Jidher li kien Verdoscia li ppreżentaha lil Tarantini, li D’Addario hija esperta filli tirrekordjka u tiffilmja ‘klijenti’ bi  skop ta’ rikatt, u li “intgħażlet” apposta għal “missjoni” speċifika permezz ta’ Tarantini, kumplott bi skop preċiz: li tiġi kompromessa r-reputazzjoni tal-Prim Ministru Taljan, u jpoġġuh politikament f’diffikultà.
Mill-inkjesta maġisterjali qed joħorġu elementi interessanti dwar kontijiet bankarji f’isimha jew f’isem membri tal-familja tagħha, u ċaqliq ta’ somom kbar ta’ flus, qabel u wara l-intervisti li tat D’Addario lill-istampa u li qajmu l-irwiefen kollha fis-Sajf li għadda. Fosthom Miljun u nofs Ewro li fi Frar 2008 mill-Italja hi stess ħadet fil-kapitali tal-Qatar, Doħa.
Sar stħarriġ ukoll dwar il-vjaġġi tagħha, malli faqqa’ “l-iskandlu sesswali”, fosthom fi Franza, Spanja, Brażil, Gran Brittanja, Ċina u Emirati Għarab, bl-iskop li jimbarazzaw, jirridikolizzaw lil Berlusconi anki fil-kamp internazzjonali, l-aħħar feles  fil-kumplott. Qed jiġu investigati wkoll pagamenti ta’ flus trasferiti barra mill-Italja fuq kontijiet ta’ ċerti imprendituri u politiċi.
Is-sehem tal-istampa, ċerta stampa ukoll ġie mistħarreġ sew minn Laudati u l-maġistrati l-oħra fl-inkjesta maġisterjali.
Iżda min għażilha lil D’Addario? Min kien hemm wara dan il-kumplott?
Tarantini ma jidhirx li kien il-moħħ, iżda biss rota fil-kumplott. Kellu żgur interessi kummerċjali, kuntratti, negozji kbar li kien lest għal kollox biex jakkwistahom, u li ma rnerxxielux, minkejja li indiehes mal-Prim Ministru Berlusconi.
Biex għamel dan kien kera villa qrib dik tiegħu, u beda jorganizza parties biex jiġbidlu l-attenzjoni, fejn jingħad li nefaq mal-5 miljun Ewro, sabiex jibni d-dehra ta’ imprenditur żagħżugħ sinjur u ta’ suċċess.
Min kien jew kienu allura l-puppet masters tal-affari D’Addario? Min kellu interess jimbarazza lill-Prim Ministru u lill-gvern taċ-Ċentru-lemin? Il-loġika tgħidlek li dawn għandhom jinstabu fil-kamp avversarju tal-Popolo della Libertà.
Panorama ikompli jistħarreġ l-ġimgħa d-dieħla.

Immigrazzjoni u Kriminalità fl-Italja

Numru kbir tar-reati kriminali fl-Italja jitwettqu minn immigranti, l-aktar dawk klandestini.
Filwaqt li l-immigrati jagħmlu biss 6 fil-mija tal-popolazzjoni fl-Italja, in-numru ta' reati mwettqa minnhom huwa tassew għoli, bħalma jixhdu dawn iċ-ċifri:


40% tal-istupri
52.9% tas-serq minn djar; 49% tas-serq ta' karrozzi; 33% serq bi vjolenza/armi; 39% serq ieħor; 70% pickpocketing
30% tat-traffikar u produzzjoni ta' droga
24% tad-delitti; attentati ta' qtil 32%, swat 39%
li jseħħu fl-Italja huma mwettqa minn klandestini.
Minn ta'  quddiemnett fil-lista hemm ir-Rumeni (sa' ftit ilu kienu l-Albaniżi), imbagħad, warajhom jiġi l-Marokkini, l-Albaniżi, it-Tuneżini, Peruvjani u l-Ekwadorjani, f'din l-ordni.


Dan it-tagħrif sar magħruf fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni ta' ktieb ġdid ta' Marzio Barbagli bl-isem ta' Immigrazione e Sicurezza in Italia. Għal min diġà qed jaħseb li dan Barbagli huwa xi lemini xenofobu razzista, ta min ikun jaf li huwa xellugi magħruf, lecturer fis-soċjoloġija fl-Università ta' Bologna "il-ħamra".
Barbagli ilu snin twal jistudja l-fenomenu tar-relazzjoni bejn il-kriminalità u l-klandestini, u hu jsostni li dawn faċilment u inevitabilment jaqgħu fix-xibka tal-kriminalità – bħalma nstab kien il-każ dan l-aħħar wara l-inkwiet li nqala bejn l-immigranti u ċ-ċittadini fil-belt ta' Rosarno, f'Calabria – għax minħabba li, appuntu, jkunu  klandestini, ma jistgħux jimpjegaw ruħhom regolarment.
Barbagli jżied ukoll li fil-każi ta' stupri minn klandestini, dawn kienu l-aktar bejnithom stess, u mhux kontra t-Taljani.

Il-Ħamis, 28 ta’ Jannar 2010

"GLOBAL WARMING THE OTHER SIDE"



   Ħabib tiegħi dan l-aħħar bagħtli link għal video qasir iżda interessantissimu li fih John Coleman, espert fit-temp u fundatur ta' The Weather Channel fl-Istati Uniti jwaqqa' l-argumenti ta' dawk li jsostnu li l-bniedem hu responsabbli għat-tibdil fil-klima, li għalihom ifisser it-tisħin tal-globu.
   Coleman mhux qed jaqla' il-miljuni bħal per eżempju, Al Gore bil-kampanja tiegħu ta' twerwir bit-tbassir ta' kull katastrofi kawżata mit-tisħin tal-globu.
   Fi tmien minuti Coleman iwassal dik li tistà titqies fost l-aħjar spjegazzjoni dwar is-suġġett, sempliċi, loġika, skjetta, ċara, u mingħajr il-ħtieġa ta' ħabi jew falsifikar ta' data, bħalma aktar u aktar qed jinkixef li wettqu suppost xjenzjati tal-affari tagħhom (Climategate) li fuqhom qagħdu u fdaw tant politiċi, s'issa.
Arawh u isimgħuh ...u min għadu ma fetaħx għajnejh għandu jibda jbexxaqhom żgur.



Climategate fl-Amerika wkoll
U hawnhekk araw lill-istess John Coleman fuq l-istazzjon ta' San Diego KUSI-NEWS jikxef kif anki fl-Istati Uniti – bħal fl-Ingilterra (fl-East Anglia University) – ukoll sar tbagħbis tad-data biex jiġu akkomodati il-katastrofisti.




L-Erbgħa, 27 ta’ Jannar 2010

Il-Jum Internazzjonali tal-Olokawstu



Illum l-Erbgħa qed jiġi ċelebrat il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Vittmi tal-Olokawstu, skond riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti approvata unanimament ħames snin ilu.
L-Olokawstu kien il-qtil tal-massa, ġenoċidju sistematiku, tal-Lhud fi żmien ir-reġim Nażista bejn l-1941-45 fl-Ewropa, matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il fuq minn sitt miljun Lhudi Ewropew, kif ukoll membri ta’ gruppi oħra persegwitati, bħal żingari u omosesswali, nqatlu f’kampijiet ta’ konċentrament bħal dak ta’ Auschwitz, fil-Polonja.

Dan għax f’pajjiż Ewropew, li għal żmien twil kien ammirat għall-filosfi u l-mużiċisti magħrufa tiegħu, kien ġie deċiż li miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal jiġu gassjati u maħruqa f’fornijiet apposta. L-irmied tagħhom jinstab ukoll midfun f’oqbra fl-Ukrajna, il-Polonja, Litwanja, Belarus u postijiet oħra. Oqbra li l-Lhud kienu jiġu mġiegħla jħaffru huma stess.
Element ewlieni tal-ideoloġija Nażista, jew Nazzjonal-Soċjalista (jiġifieri xellugija u mhux leminija bħalma ġeneralment, b’mod żbaljat jingħad) kien l-anti-Semitiżmu. In-Nażisti kienu jaraw lill-Lhud bħala s-Satana jikkontrolla lill-għedewwa kollha tal-Ġermanja.
Emmnu li l-Lhud kienu qed jippruvaw jisfrattaw, ifixklu l-bini ta’ dik il-ħolma, utopja ta’ ħakma globali Arjana Ġermanika, li f’isimha l-maġġoranza tal-poplu Ġermaniż ġie konvint mill-ħtieġa ta’ ġenoċidji, mill-inqas tlieta: kontra l-Polakki, iż-żingari Rom u l-Lhud.
Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-imwiet ta’ għexiren ta’ miljuni, il-qirda ta’ pajjiżi u kulturi, it-tortura u l-mewt ta’ tfal u kbar, kienu kawża in parti tal-mibiegħda enormi kontra l-Lhud.
Qatt m’għandna ninsew li l-utopji jwasslu għad-delitti: utopji radikali universali bħan-Nazzjonal-Soçjaliżmu, il-Komuniżmu, u llum ir-radikali li jappoġġjaw it-terroriżmu Isklamiku globali, li joqtlu radikalment u universalment.
Il-Lhud kienu l-vittmi speċifiċi tal-ġenoċidju. Iżda l-implikazzjonijiet huma universali, għax min jaf min jistgħu kunu l-Lhud darb’oħra.
Id-differenza bejn l-Olokawstu u, per eżempju l-ġenoċidju f’Darfur, fis-Sudan hija li tal-ewwel kien twettaq fil-qalba taċ-ċiviltà Ewropea u dinjija. Filwaqt li hemm elementi komuni li jiġu ripetuti f’kull ġenoċidju, hemm oħrajn fl-Olokawstu li ma ssibhomx fil-ġenoċidji li twettqu qablu.
In-Nażisti ippruvaw isibu, jirreġistraw, jimmarkaw, jumiljaw, jisirqu, jikkallzraw u joqtlu kull persuna li kellha sa’ tlieta jew erba’ nanniet jew bużnanniet Lhud, sempliċiment għax kienu Lhud. Dan fl-aħħarnett kellu jsir kullimkien fid-dinja, sabiex, għall-ewwel darba  fl-istorja, kien hemm tentattiv ta’ ġenoċidju universali.
Qatt ma ġrat xi ħaġa bħall-Olokawstu qabel, u konna nittamaw li dak ma jsirx lanqas preċedent. Iżda għarralna. Sar preċedent, għax wara seħħew ġenoċidji oħra. Xi jfisser dan għall-umanità? Kif setgħa jiġri dan minkejja li llum għandna n-Nazzjonijiet Uniti, li proprju wieħed mill-iskopijiet tagħha huwa li ma jseħħux ġenoċidji?

Hemm xi possibiltà li l-bniedem ma jħallix jitwettqu ġenoċidji billi jitgħallem minn dak li sofrew il-Lhud? Il-bniedem għandu l-istint li joqtol, u aħna l-uniçi mammali li noqtlu lil dawk bħalna fi kwantità kbira. Frott il-mibegħda lkoll nistgħu nsiru qattiela tal-massa. Iżda jekk hu hekk, hemm xi mod realistiku kif nevitaw il-ġenoċidji?
L-Olokawstu li llum qed infakkru l-vittmi tiegħu jista’ jipprovdilna tweġiba. Mill-mijiet ta’ eluf ta’ każi mressqa lilha l-Yad Vashem (Awtorità Lhudija għat-Tifkira tal-Martri u l-Eroj tal-Olokawstu) s’issa onorat b’midalja (ritratt) ‘l fuq minn 22,000 individwi u gruppi msejħa “Virtużi” li salvaw Lhud mid-deportazzjoni f’kampijiet tal-konçentrament Nażisti u mill-mewt.
Dawn jixhdu li hemm il-possibiltà, li bnedmin jissugraw ħajjithom biex isalvaw dik ta’ bnedmin oħra, għalkemm il-każ ta’ Darfur juri kemm tassew dan huwa diffiċli. Iżda t-tama hemm tibqà, basta l-bniedem jibqà jiġi mfakkar, mgħarraf u edukat, biex b’hekk ma jibqax “gallarija” – anki għax wara kollox, għada jista’ imiss lilu, jista’ ikun hu l-“Lhudi”.                                                                                 Dan l-artiklu tiegħi ta’ tifkira kien deher, f’verżjoni itwal, f’In-Nazzjon is-sena l-oħra. 
Sadattant illum l-preġudizzji kontra l-Lhud għadu ħaj daqs 60-70 sena. Dwar dan segwu s-sit Honest Reporting.com f'dan l-indirizz  http://honestreporting.com/

It-Tlieta, 26 ta’ Jannar 2010

Riħ ġdid tal-bidla fl-Istati Uniti


IT-TIELET TELFA GĦAL OBAMA

Dan il-bidu tas-sena, li jaħbat ukoll għeluq l-ewwel sena minn meta ħa l-ġurament, ma tantx jidher jipprometti għall-President Amerikan Barak Obama, u jekk, kif jgħidu t-Taljani, “il buon giorno si vede dal mattino”, allura bir-raġun għandu għalxiex jinkwieta, l-aktar meta jiftakar li proprju lejn tmiemha,  eżattament f’Novembru li ġej, l-Amerikani jerġgħu imorru jivvutaw biex jaħtru nofs il-membri tal-Kungress.
Il-ġimgħa li għaddiet kompla jberraq għalih u għall-partit tiegħu. F’Massachusetts saret l-elezzjoni biex jimtela’ l-post ta’ senatur li spiċċa vojt wara l-mewt ta’ Ted Kennedy. Għal kważi 50 sena dan dejjem intrebaħ mill-partit Demokratiku, u li minħabba f’hekk l-istat kien meqjus bħala fortizza tad-Demokratiċi.
Iżda issa l-eletturi minflok għażlu lill-kandidat Repubblikan ftit magħruf Scott Brown b’maġġoranza ta’ 52%. Dan wara żewġ telfiet oħra umiljanti għal Obama ftit xhur ilu f’żewġ stati oħra meqjusa żguri għad-Demokratiċi, li peró ukoll kienu spiċċaw ħaduhom ir-Repubblikani: New Jersey u f’Virginia, minkejja li, bħal fil-każ ta’ dik f’Massachusetts, Obama mar personalment jappoġġjahom tul il-kampanji rispettivi tagħhom.
Minkejja dan hu spiċċa tilef  il-maġġoranza kwalifikata ta’ 60 siġġu li kellu matul din is-sena li għaddiet, u li mingħajra issa mhux se jkun daqstant faċli għal Obama li jiggverna bil-kumditá u jevita t-tfixkil, is-sabutaġġ parlamentari , jew filibustering tar-Repubblikani f’liġijiet kontroversjali.
Bħal, per eżempju, dik tar-riforma fil-qasam tas-saħħa, li hu kien diġá għamilha fatta li għaddiet, għalkemm għad trid tgħaddi wkoll mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Iżda jekk din il-liġi tiġi emendata b’xi mod, ikollha terġa’ titressaq quddiem is-Senat, fejn allura issa Obama tilef il-maġġoranza


Imma minbarra mir-Repubblikani, Obama issa jeħtieġlu jogħqod attent anki minn dawk ta’ madwaru. B’vapur qed jegħreq kulħadd jibda jaħseb biex isalva ġildu.
Li rrid ngħid huwa li fi ħdan il-partit Demokratiku qed jikber it-tgergir, l-iskuntentizza u n-nervużismu kontra ċerti għażliet politiċi ta’ Obama.
Il-bniedem li 15-il xahar ilu biss kien intqal li xegħel il-ħolm tal-folol bl-għajta tal-“Bidla”, issa qed inissel delużjoni, frustrazzjoni, dieqa jekk mhux ukoll irritazzjoni fost anki dawk ta’ madwaru.
Anki dwar il-liġi tas-saħħa l-verżjoni approvata fis-Senat ma tantx niżlet tajjeb ma’ diversi deputati Demokratiċi, ibda bl-istess speaker Nancy Pelosi li nhar l-Erbgħa stqarret dan fil-miftuh u qed tinsisti li l-liġi għandha terġá tiġi studjata mill-ġdid.
Dan għalih ifisser diżastru għax il-pjan ta’ Obama kien li tul l-ewwel 24 xahar tal-leġislatura tiegħu jgħaddi l-aktar riformi delikati u importanti, iżda dan issa jista’ jinsih tant kemm spiċċa dgħajjef.
Ma jistax aktar jibqà jipppreżenta ruħhu bħala l-president tal-bidla. F’għajnejn l-Amerikani Obama fi żmien rekord sar il-president tal-establishment. Mhux ta b’xejn li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kollu issa ilu żmien juri l-popolarità dejjem nieżla, mis-70% ta’ madwar sena ilu, għall-inqas mill-50% ta’ bħalissa., rekord fl-istorja tal-ewwel sena ta’ kull president.
Ir-riħ tal-bidla jidher qed idur 90 grad favur ir-Repubblikani bi Scott Brown jirbaħ bi kważi l-istess slogan li kellu Obama ftit aktar minn sena ilu: “Change! Change! Change!
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide