IT-TIELET TELFA GĦAL OBAMA
Dan il-bidu tas-sena, li jaħbat ukoll għeluq l-ewwel sena minn meta ħa l-ġurament, ma tantx jidher jipprometti għall-President Amerikan Barak Obama, u jekk, kif jgħidu t-Taljani, “il buon giorno si vede dal mattino”, allura bir-raġun għandu għalxiex jinkwieta, l-aktar meta jiftakar li proprju lejn tmiemha, eżattament f’Novembru li ġej, l-Amerikani jerġgħu imorru jivvutaw biex jaħtru nofs il-membri tal-Kungress.
Il-ġimgħa li għaddiet kompla jberraq għalih u għall-partit tiegħu. F’Massachusetts saret l-elezzjoni biex jimtela’ l-post ta’ senatur li spiċċa vojt wara l-mewt ta’ Ted Kennedy. Għal kważi 50 sena dan dejjem intrebaħ mill-partit Demokratiku, u li minħabba f’hekk l-istat kien meqjus bħala fortizza tad-Demokratiċi.
Iżda issa l-eletturi minflok għażlu lill-kandidat Repubblikan ftit magħruf Scott Brown b’maġġoranza ta’ 52%. Dan wara żewġ telfiet oħra umiljanti għal Obama ftit xhur ilu f’żewġ stati oħra meqjusa żguri għad-Demokratiċi, li peró ukoll kienu spiċċaw ħaduhom ir-Repubblikani: New Jersey u f’Virginia, minkejja li, bħal fil-każ ta’ dik f’Massachusetts, Obama mar personalment jappoġġjahom tul il-kampanji rispettivi tagħhom.
Minkejja dan hu spiċċa tilef il-maġġoranza kwalifikata ta’ 60 siġġu li kellu matul din is-sena li għaddiet, u li mingħajra issa mhux se jkun daqstant faċli għal Obama li jiggverna bil-kumditá u jevita t-tfixkil, is-sabutaġġ parlamentari , jew filibustering tar-Repubblikani f’liġijiet kontroversjali.
Bħal, per eżempju, dik tar-riforma fil-qasam tas-saħħa, li hu kien diġá għamilha fatta li għaddiet, għalkemm għad trid tgħaddi wkoll mill-Kamra tar-Rappreżentanti. Iżda jekk din il-liġi tiġi emendata b’xi mod, ikollha terġa’ titressaq quddiem is-Senat, fejn allura issa Obama tilef il-maġġoranza
Imma minbarra mir-Repubblikani, Obama issa jeħtieġlu jogħqod attent anki minn dawk ta’ madwaru. B’vapur qed jegħreq kulħadd jibda jaħseb biex isalva ġildu.
Li rrid ngħid huwa li fi ħdan il-partit Demokratiku qed jikber it-tgergir, l-iskuntentizza u n-nervużismu kontra ċerti għażliet politiċi ta’ Obama.
Il-bniedem li 15-il xahar ilu biss kien intqal li xegħel il-ħolm tal-folol bl-għajta tal-“Bidla”, issa qed inissel delużjoni, frustrazzjoni, dieqa jekk mhux ukoll irritazzjoni fost anki dawk ta’ madwaru.
Anki dwar il-liġi tas-saħħa l-verżjoni approvata fis-Senat ma tantx niżlet tajjeb ma’ diversi deputati Demokratiċi, ibda bl-istess speaker Nancy Pelosi li nhar l-Erbgħa stqarret dan fil-miftuh u qed tinsisti li l-liġi għandha terġá tiġi studjata mill-ġdid.
Dan għalih ifisser diżastru għax il-pjan ta’ Obama kien li tul l-ewwel 24 xahar tal-leġislatura tiegħu jgħaddi l-aktar riformi delikati u importanti, iżda dan issa jista’ jinsih tant kemm spiċċa dgħajjef.
Ma jistax aktar jibqà jipppreżenta ruħhu bħala l-president tal-bidla. F’għajnejn l-Amerikani Obama fi żmien rekord sar il-president tal-establishment. Mhux ta b’xejn li l-istħarriġ tal-opinjoni pubblika kollu issa ilu żmien juri l-popolarità dejjem nieżla, mis-70% ta’ madwar sena ilu, għall-inqas mill-50% ta’ bħalissa., rekord fl-istorja tal-ewwel sena ta’ kull president.
Ir-riħ tal-bidla jidher qed idur 90 grad favur ir-Repubblikani bi Scott Brown jirbaħ bi kważi l-istess slogan li kellu Obama ftit aktar minn sena ilu: “Change! Change! Change!
No comments:
Post a Comment