Illum l-Erbgħa qed jiġi ċelebrat il-Jum Internazzjonali tat-Tifkira tal-Vittmi tal-Olokawstu, skond riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti approvata unanimament ħames snin ilu.
L-Olokawstu kien il-qtil tal-massa, ġenoċidju sistematiku, tal-Lhud fi żmien ir-reġim Nażista bejn l-1941-45 fl-Ewropa, matul it-Tieni Gwerra Dinjija. Il fuq minn sitt miljun Lhudi Ewropew, kif ukoll membri ta’ gruppi oħra persegwitati, bħal żingari u omosesswali, nqatlu f’kampijiet ta’ konċentrament bħal dak ta’ Auschwitz, fil-Polonja.
Dan għax f’pajjiż Ewropew, li għal żmien twil kien ammirat għall-filosfi u l-mużiċisti magħrufa tiegħu, kien ġie deċiż li miljuni ta’ rġiel, nisa u tfal jiġu gassjati u maħruqa f’fornijiet apposta. L-irmied tagħhom jinstab ukoll midfun f’oqbra fl-Ukrajna, il-Polonja, Litwanja, Belarus u postijiet oħra. Oqbra li l-Lhud kienu jiġu mġiegħla jħaffru huma stess.
Element ewlieni tal-ideoloġija Nażista, jew Nazzjonal-Soċjalista (jiġifieri xellugija u mhux leminija bħalma ġeneralment, b’mod żbaljat jingħad) kien l-anti-Semitiżmu. In-Nażisti kienu jaraw lill-Lhud bħala s-Satana jikkontrolla lill-għedewwa kollha tal-Ġermanja.
Emmnu li l-Lhud kienu qed jippruvaw jisfrattaw, ifixklu l-bini ta’ dik il-ħolma, utopja ta’ ħakma globali Arjana Ġermanika, li f’isimha l-maġġoranza tal-poplu Ġermaniż ġie konvint mill-ħtieġa ta’ ġenoċidji, mill-inqas tlieta: kontra l-Polakki, iż-żingari Rom u l-Lhud.
Ma nkunx qed nesaġera jekk ngħid li t-Tieni Gwerra Dinjija, l-imwiet ta’ għexiren ta’ miljuni, il-qirda ta’ pajjiżi u kulturi, it-tortura u l-mewt ta’ tfal u kbar, kienu kawża in parti tal-mibiegħda enormi kontra l-Lhud.
Qatt m’għandna ninsew li l-utopji jwasslu għad-delitti: utopji radikali universali bħan-Nazzjonal-Soçjaliżmu, il-Komuniżmu, u llum ir-radikali li jappoġġjaw it-terroriżmu Isklamiku globali, li joqtlu radikalment u universalment.
Il-Lhud kienu l-vittmi speċifiċi tal-ġenoċidju. Iżda l-implikazzjonijiet huma universali, għax min jaf min jistgħu kunu l-Lhud darb’oħra.
Id-differenza bejn l-Olokawstu u, per eżempju l-ġenoċidju f’Darfur, fis-Sudan hija li tal-ewwel kien twettaq fil-qalba taċ-ċiviltà Ewropea u dinjija. Filwaqt li hemm elementi komuni li jiġu ripetuti f’kull ġenoċidju, hemm oħrajn fl-Olokawstu li ma ssibhomx fil-ġenoċidji li twettqu qablu.
In-Nażisti ippruvaw isibu, jirreġistraw, jimmarkaw, jumiljaw, jisirqu, jikkallzraw u joqtlu kull persuna li kellha sa’ tlieta jew erba’ nanniet jew bużnanniet Lhud, sempliċiment għax kienu Lhud. Dan fl-aħħarnett kellu jsir kullimkien fid-dinja, sabiex, għall-ewwel darba fl-istorja, kien hemm tentattiv ta’ ġenoċidju universali.
Qatt ma ġrat xi ħaġa bħall-Olokawstu qabel, u konna nittamaw li dak ma jsirx lanqas preċedent. Iżda għarralna. Sar preċedent, għax wara seħħew ġenoċidji oħra. Xi jfisser dan għall-umanità? Kif setgħa jiġri dan minkejja li llum għandna n-Nazzjonijiet Uniti, li proprju wieħed mill-iskopijiet tagħha huwa li ma jseħħux ġenoċidji?
Hemm xi possibiltà li l-bniedem ma jħallix jitwettqu ġenoċidji billi jitgħallem minn dak li sofrew il-Lhud? Il-bniedem għandu l-istint li joqtol, u aħna l-uniçi mammali li noqtlu lil dawk bħalna fi kwantità kbira. Frott il-mibegħda lkoll nistgħu nsiru qattiela tal-massa. Iżda jekk hu hekk, hemm xi mod realistiku kif nevitaw il-ġenoċidji?
L-Olokawstu li llum qed infakkru l-vittmi tiegħu jista’ jipprovdilna tweġiba. Mill-mijiet ta’ eluf ta’ każi mressqa lilha l-Yad Vashem (Awtorità Lhudija għat-Tifkira tal-Martri u l-Eroj tal-Olokawstu) s’issa onorat b’midalja (ritratt) ‘l fuq minn 22,000 individwi u gruppi msejħa “Virtużi” li salvaw Lhud mid-deportazzjoni f’kampijiet tal-konçentrament Nażisti u mill-mewt.
Dawn jixhdu li hemm il-possibiltà, li bnedmin jissugraw ħajjithom biex isalvaw dik ta’ bnedmin oħra, għalkemm il-każ ta’ Darfur juri kemm tassew dan huwa diffiċli. Iżda t-tama hemm tibqà, basta l-bniedem jibqà jiġi mfakkar, mgħarraf u edukat, biex b’hekk ma jibqax “gallarija” – anki għax wara kollox, għada jista’ imiss lilu, jista’ ikun hu l-“Lhudi”. Dan l-artiklu tiegħi ta’ tifkira kien deher, f’verżjoni itwal, f’In-Nazzjon is-sena l-oħra.
Sadattant illum l-preġudizzji kontra l-Lhud għadu ħaj daqs 60-70 sena. Dwar dan segwu s-sit Honest Reporting.com f'dan l-indirizz http://honestreporting.com/
Sadattant illum l-preġudizzji kontra l-Lhud għadu ħaj daqs 60-70 sena. Dwar dan segwu s-sit Honest Reporting.com f'dan l-indirizz http://honestreporting.com/
No comments:
Post a Comment