MISTENNI TERREMOT ĠUDIZZJARJU
Tiftakru kemm sar storbju dwar parties u orġi skandalistiċi li suppost seħħew f’waħda mir-residenzi tal-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, u li fiha kienet imdaħħla prostituta magħrufa, Patrizia D’Addario? Dan l-aħħar ftit bqajna nisimgħu dwar dik l-affari, forsi għax min xerred u ħeġġeġ kemm felaħ induna li dak l-iskandlu ftit li xejn effettwa l-popolarità ta’ Berlusconi fost il-poplu Taljan. Iżda l-istorja ma waqfitx hemm u min ipprova jagħmel il-ħsara lill-Prim Ministru Taljan u lill-Italja jidher li se jkollu jħallas.
Infatti l-Procura della Repubblica ta’ Bari qed tinvestiga f’segretezza kbira l-każ u r-riżultat jistà ikun dak li qed jissejjah “terremot ġudizzjarju” li mistenni jolqot mhux biss lid-D’Addario u l-kompliċi tagħha l-imprenditur Gianpaolo Tarantini, l-eks soċju tiegħu Massimiliano Verdoscia, li f’Awwissu spiċċa arrestat fuq traffikar ta’ droga, iżda anki professjonisti, ġurnalisti u, saħansitra politiċi u maġistrati.
Dan ħareġ minn rapport esklussiv li r-rivista popolari Taljana Panorama bdiet tippubblika fil-ħarġa ta’ din il-ġimgħa.
Panorama tgħid li dan it-terremot ġudizzjarju li se jfaqqa’ minn hawn u ftit ieħor mistenni jheżżeż mill-pedamenti l-kastell li nbena madwar is-suppost rivelazzjonijiet ta’ D’Addario u l-gwida tagħha Tarantini.
Id-D’Addario hija l-persunaġġ ewlieni fil-faxxiklu ġudizzjarju dwar il-każ, li qed jissejjah “Modello 21”.
Naturalment impossibbli jkunu magħrufa d-dettalji kollha tal-inkjesta, iżda xi ħaġa qed toħroġ: Per eżempju li l-Maġistrat Antonio Laudati, li qed imexxi l-inkjesta, qed jikkonċentra l-aktar fuq r-relazzjoni bejn D’Addario u Tarantini.
Jidher li kien Verdoscia li ppreżentaha lil Tarantini, li D’Addario hija esperta filli tirrekordjka u tiffilmja ‘klijenti’ bi skop ta’ rikatt, u li “intgħażlet” apposta għal “missjoni” speċifika permezz ta’ Tarantini, kumplott bi skop preċiz: li tiġi kompromessa r-reputazzjoni tal-Prim Ministru Taljan, u jpoġġuh politikament f’diffikultà.
Mill-inkjesta maġisterjali qed joħorġu elementi interessanti dwar kontijiet bankarji f’isimha jew f’isem membri tal-familja tagħha, u ċaqliq ta’ somom kbar ta’ flus, qabel u wara l-intervisti li tat D’Addario lill-istampa u li qajmu l-irwiefen kollha fis-Sajf li għadda. Fosthom Miljun u nofs Ewro li fi Frar 2008 mill-Italja hi stess ħadet fil-kapitali tal-Qatar, Doħa.
Sar stħarriġ ukoll dwar il-vjaġġi tagħha, malli faqqa’ “l-iskandlu sesswali”, fosthom fi Franza, Spanja, Brażil, Gran Brittanja, Ċina u Emirati Għarab, bl-iskop li jimbarazzaw, jirridikolizzaw lil Berlusconi anki fil-kamp internazzjonali, l-aħħar feles fil-kumplott. Qed jiġu investigati wkoll pagamenti ta’ flus trasferiti barra mill-Italja fuq kontijiet ta’ ċerti imprendituri u politiċi.
Is-sehem tal-istampa, ċerta stampa ukoll ġie mistħarreġ sew minn Laudati u l-maġistrati l-oħra fl-inkjesta maġisterjali.
Iżda min għażilha lil D’Addario? Min kien hemm wara dan il-kumplott?
Tarantini ma jidhirx li kien il-moħħ, iżda biss rota fil-kumplott. Kellu żgur interessi kummerċjali, kuntratti, negozji kbar li kien lest għal kollox biex jakkwistahom, u li ma rnerxxielux, minkejja li indiehes mal-Prim Ministru Berlusconi.
Biex għamel dan kien kera villa qrib dik tiegħu, u beda jorganizza parties biex jiġbidlu l-attenzjoni, fejn jingħad li nefaq mal-5 miljun Ewro, sabiex jibni d-dehra ta’ imprenditur żagħżugħ sinjur u ta’ suċċess.
Min kien jew kienu allura l-puppet masters tal-affari D’Addario? Min kellu interess jimbarazza lill-Prim Ministru u lill-gvern taċ-Ċentru-lemin? Il-loġika tgħidlek li dawn għandhom jinstabu fil-kamp avversarju tal-Popolo della Libertà.
Panorama ikompli jistħarreġ l-ġimgħa d-dieħla.
No comments:
Post a Comment