Is-Sibt, 16 ta’ Jannar 2010

U jibqgħu jinsistu li d-dinja qed tisħon!


STAQSU LILL-INGLIŻ, U MHUX LILHOM BISS!
Bħalma rrimarkajt fis-Sunday Times dan l-aħħar – bi tweġiba lill-qarrej li kien, u baqa’ jinsisti li l-bniedem jaħti għat-tisħin tal-globu u bil-konsegwenzi katastrofici li hemm jistennewna jekk ma nisimgħux minn dawn il-profeti foloz – l-ikbar trux hu dak li ma jridx jisma’.
Infatti, minkejja li jiġu wiċċ’imb’wiċċ mar-realtà, xorta waħda jibqgħu jaħsbuha u jgħidu l-istess. Hekk reġà għamel il-Ħadd li għadda George Debono, minkejja li stedintu għat-tieni darba biex jaqra l-paper “Caught Green-Handed” u tajtu wkoll l-indirizz tal-link jidher ukoll fil-ġenb ta’ dan il-blog.
Iżda dan jippreferi jagħmel bħas-suppost esperti fil-klima li jaħbu rashom fir-ramel bħan-nagħma, l-“esperti” li, minkejja li diversi pajjiżi bħalissa qed jintlaqtu mill-agħar xtiewi f’dawn l-aħħar 100 sena, qed jibqgħu xorta jippruvaw jinkkonvinċuna li d-dinja qed dejjem aktar tisħon.

Għax ma jistaqsux lill-miljuni ta’ Brittanici, iżda mhux lilhom biss, li f’dawn il-jiem, kuljum, qed ikollhom jeħduha ma’ borra u silġ bħalma qatt ma raw biex imorru għax-xogħol? Kif jistgħu qatt jikkonvinċu lil dawn li l-kundizzjonijiet ta’ kesħa estrema m’għandhomx jintużaw bħala provi li jgiddbu li l-bniedem hu responsabbli għat-“tisħin” tal-globu?
Il-fatti jibqgħu li l-emisferu fit-Tramuntana, mill-Amerika sal-Ewropa u l-Asja, għaddej mill-agħar xtiewi li niftakru: fiċ-Ċina u l-Korea t’Isfel, tul lvant, iċ-ċentru u l-punent tal-Ewropa, u wkoll fl-Amerika, anki fi stati l-aktar sħan bħal Florida, qed ikollhom iħabbtuha ma’ temperaturi rekord ta’ friża.
Diffiċli f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jirnexxielek tibqa` tbellagħha li għal dan kollu jaħti l-bniedem. Bħalma kkummentajt darbi oħra, trid tkun mogħmi b’suppervja u arroganza kbira jekk temmen li l-bniedem jista’ qatt jeffettwa l-klima jew ibiddel il-kors tan-natura!
Ix-xjenza tat-Tisħin tal-Globu  kawżat  mill-bniedem hija waħda falluta, ibbażata fuq data falsifikata, bħalma qed dejjem aktar joħroġ mill-iskandlu Climategate. Huwa qerq li wieħed isostni li dan qed jikkawżah il-bniedem.
Christopher Booker, awtur tal-ktieb best-seller u fost l-aktar komprensiv dwar is-suġġett “The Real Global Warming Disaster” jgħid li “Hija ħaġa tal-għaġeb kif dawn il-lobbyists tat-tibdil fil-klima kawżat mill-bniedem, jibqgħu jinsistu meta qed jiġu kostantement imgiddba mill-fatti. Is-sena l-oħra fl-Arabja Sawdita għamlet il-borra, iżda dawn l-eko-katastrofisti xorta waħda jibqgħu jippersistu li t-temperatura qed togħla", bħalma qal fl-ewwel paġna il-ġurnal Daily Express (06/01/10, ritratt)
Anzi oħroġ il-għaġeb sa’ jinsistu wkoll li dan it-temp kiesaħ hu kkawżat mit-tisħin tal-globu !!!!
Taf biex jonqos joħorġu issa? Li dan it-taqlib fit-temp huwa twissija tat-tieni miġja ta’ Kristu fid-dinja! Iżda, bilħaqq ….din diġà kien hawn min iddikjaraha!
Il-verità hija li d-dinja ħierġa minn ċiklu mill-aktar naturali, u probabbli resqin lejn era glaċjali ġdida, altru milli xi waħda tropikali, u l-bniedem jaqblillu jħejji biex jadatta ruħu għaliha. Dwar din, iżda, nikteb darb’oħra.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide