Is-Sibt, 9 ta’ Jannar 2010

Terroriżmu Islamiku: Aħjar “Uff” inkella “Aħħ”

verifika kulturali (Cultural Profiling)
Abdulmutallab, it-terrorista suwiċida fallut ta’ Jum il-Milied fuq l-Istati Uniti, huwa Niġerjan ta’ 23 sena, edukat fi skola Brittanika u msieħeb f’al Qajda tal-Jemen. Jiġifieri żviluppa l-karattru tiegħu fi tlett kontinenti differenti (Afrika, Ewropa, Asja), u tlett kulturi distinti, ingħata l-ordni mill-Jemen, iżda wettaq il-vjaġġ tiegħu tal-mewt minn Niġerja għall-Olanda u lejn l-Amerika.
Fl-Ewropa ma mponejniex aktar restrizzjonijiet speċjali fuq min jasal mill-Afrika, filwaqt li l-Amerikani jippermettu dħul relattivament faċli f’pajjiżhom lil min imur hemm mill-Ewropa. Fl-ajruporti jkollna nneħħu ż-żraben, u ma nġorrux fuqna fliexken kbar mimlija b’xi likwidu. Iżda Abdulmutallab kien ħeba’ l-isplussiv fil-qalziet ta’ taħt!

Wara l-massakru fallut tal-Milied, is-sigurtá fl-ajruporti kompliet tiżdied bil-kbir. Iżda kemm verament se jirnexxielha twaqqaf attentat ieħor bħal dak? Il-veritá hija li dan it-tkabbir fil-miżuri ta’ sigurtá dejjem seħħew WARA l-ideat li vvintat l-al Qajda biex tiżgiċċahom.
Minħabba fit-terroristi qed ikollna dejjem innaqqru mil-libertajiet l-aktar sempliċi tagħna. Issa bniedem li qed jivvjaġġa fuq xogħol, għal bżonn jew inkella għall-pjaċir, lanqas jista’ imur fit-toilet tal-ajruplan fl-aħħar nofs siegħa tal-vjaġġ, lanqas jekk ikollu bżonn urġenti. Dan għax Abdulmutallab mar fit-toilet biex jarma l-bomba li kellu, hekk kif l-ajruplan kien wasal biex jillandja. Minħabba fih ukoll se jkollna wkoll nogħqodu għal scanning komplut ta’ ġisimna, ġaladarba hu ħeba l-isplussiv fil- qalziet ta’ taħt.
[[Fir-ritratt Abdulmutallab (bi flokk aħmar xellug) jidher meta, ta’ 15-il sena biss, kien ingħaqad fi protesta kontra s-sanzjonijiet mill-gvern Ingliż kontra l-Iraq fl-2001, organizzata mill-“paċifista” Brian Haw (lemin bilqiegħa wara t-tabella) f’Parliament Square, Londra]]
Allura kieku xi terrorista ieħor ifettillu jaħbi l-isplussiv f’xi toqba f’ġismu, nibdew niġu spezzjonati hemm ukoll?! U jekk ieħor jittanta jisplodi lilu nnifsu f’nofs l-oċean, allura jkollna nibqgħu bilqiegħda tul is-siegħat kollha tal-vjaġġ?

Probabbli hekk ikollna nagħmlu. Nannietna kienu jgħidu Aħjar “Uff” inkella “Aħħ”, jiġifieri aħjar tiddejjaq tagħmel xi ħaġa, milli tbati  l-konsegwenzi jekk ma tagħmilhiex. Aħjar id-dwejjaq milli l-uġigħ.

Iżda allura se nibqgħu sejrin hekk, innaqqru mill-libertajiet tal-maġġoranza minħabba minoranza fanatika li m’għandha l-ebda rispett lejn il-ħajja, lanqas dik tagħhom stess? Possibbli m’hemmx soluzzjonijiet oħra. Dażgur li hemm. Imma l-mexxejja politiċi responsabbli għandhom ir-rieda, biex ma ngħidx kuraġġ iwettquhom?
Sfortunatament ix-Xellugin fil-Punent għal snin twal irnexxielhom jiddominaw mhux biss politikament, iżda anki kulturalment, u l-ikbar żewġ saħtiet li wikkewna bihom kienu l-political correctness u l-multikulturaliżmu. Dwar il-ħrafa ta’ din tal-aħħar nikteb aktar fit-tul darb’oħra, għalkemm anki din mas-suġgett tal-lum għandha x’taqsam ukoll.
Bħala reazzjoni għal dawn l-attentati l-gvernijiet tal-Punent, bħalma qed nikteb, dejjem wara jimponu aktar restrizzjonijiet fuq dak li kull vjaġġatur  ­– indistintament minn nazzjonalitá, kulur tal-ġilda jew twemmin – jistgħu iġorru magħhom.
Wara l-attentat tal-Milied, u wara li l-offerta ta’ l-“id miftuħa” li għamel il-President Obama sena ilu malli ħa l-ġurament, baqgħet tintlaqa’ bil-ponn magħluq. Obama kellu joħroġ lista “sewda” ġdida ta’ 14-il pajjiżi meqjusa bħala perikolużi, jiġifieri li jistgħu ikunu għejun ta’ terroriżmu: il-Jemen (l-uniku pajjiż fid-dinja fejn al Qajda taġixxi fil-miftuħ, torganizza meetings politiċi, eċċetra), Somalja, Afghanistan, Pakistan, Iran, Sirja, Libanu, Iraq, Niġerja, Sudan, Arabja Sawdita, Ċina, Kuba u Korea Komunista.
Il-lista ma tagħmel ebda distinzjoni ta’ razza, sess jew reliġjon. It-turista u l-missjunarju Nisrani li fuq il-passaport ikollhom it-timbru ta’ wieħed mill-pajjiżi fuq din il-lista sewda jiġu ttrattati fil-fruntiera eżattament bħal min jippriedka l-mibiegħda  jiħadista.
Fil-veritá la l-ethnic u lanqas il-country profiling (jiġifieri li wieħed jiġi ċċekkjat għax twieled f’xi pajjiż partikulari jew hu ta’ razza partikulari) ma jistgħu iserħulna rasna għal kollox kontra t-terroristi. Dan għax al Qajda jistgħu jinqdew biċ-“ċelluli b’għajnejhom koħol” fl-Ewropa, magħmula minn individwi mill-Punent, Bojod u mwielda fl-Ewropa. 
L-al Qajda, peró, ma tista’ qatt tasal tuża Musulman moderat, Lhudi, Nisrani, Komunista, ateu jew Liberali biex iwettaq attentat suwiċida. Dan għax huwa biss musulman partikolarment radikali, appuntu jihadista konvint, li jasal jemmen li billi joqtol lilu nnifsu (u lil għajru) b’hekk se jmur il-ġenna mdawwar b’għexiren ta’ verġni!
Għalhekk bħala miżura oħra, żgur aktar effettiva ta’ sigurta’ preventiva, s-servizzi sigrieti tal-Punent jeħtieġ li jibdew immedjatament iħaddmu sistema ta’ cultural profiling, iċċekkjar jew verifika kulturali. X’jiġifieri?
Abdulmutallab fl-iskola kien magħruf bħala propagandista ta’ ideat jiħadisti. Kien sostenitur dikjarat tal-gwerra qaddis tal-Islam kontra l-infidili, il-“Kruċjati u s-Sijonisti”, tant li kienu jsejħuku “il-Papa”, u hu fil-Milied sempliċiment wettaq att ta’ gwerra, skond it-twemmin tiegħu.
Trid tiġi rfinata, għalhekk, sistema teknika u metodi biex issir magħrufa l-viżjoni tad-dinja ta’ passiġġier qabel dan jitħalla jitla’ fuq ajruplan, ferrovija jew vapur.
Li kieku saret din il-verifika kulturali fuqu, Abdulmutallab kien żgur jispiċċa fin-no-fly list tas-CIA/FBI, u lanqas biss kien jitħalla jitla’ fl-ajruplan li ttanta jisplodi. Dejjem kieku dawn għamlu dmirhom kif suppost, u kieku Obama ma ppruvax, quddiem it-theddid terroristiku, jaħbi rasu fir-ramel bħan-nagħma, u ta’ taħtu għamlu bħalu u naqqsu l-allerta.
Iżda wisq nibżá li sistema bħal din ta’ cultural profiling ma ssirx għax, skond idea ripetuta bla waqfien f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-kulturi kollha għandhom l-istess dinjitá, illi jekk niddikjaraw gwerra lill-jiħadisti naħsbu li b’hekk qed noffendu l-Islam kollu kemm hu, u rridu nevitaw “battalja ta’ ċiviltá”.
Allura nippermettu lil jiħadisti dikjarati jippriedkaw l-mbiegħda kontra l-Punent 24 siegħa kull 24 siegħa, nħalluhom jirkbu ferroviji, ajruplani u vapuri wara li jgħaddu minn kontrolli l-istess għal kulħadd, joqtlu indistintament Lhud, Insara u Musulmani f’isem l-ideoloġija totalitarja qattiela tagħhom! Hekk sewwa!
Jidher, peró, li minkejja l-indotrinazzjoni Xellugija, il-popli qed jiftħu għajnejhom u jirribellaw: stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar minn Rasmussen din il-ġimgħa juri li 71% tal-Amerikani jemmnu li għallinqas għandu jsir xi tip ta’ racial, ethnic profiling jew dehra ġenerali, sabiex jiġi determinat fuq liema passiġġieri għandha ssir tfittxija fuq il-persuna tagħhom fl-ajruporti. Aħjar mix-xejn. Avolja hemm jista’ ikun diġá tard.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide