Matul din il-ġimgħa bilkemm għaddiet ġurnata li ma smajnix dwar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-president tal-Ukrajna fejn sal-aħħar għadd kien għad mhux magħruf min ħareġ rebbieħ. Fl-aħħar il-kummissjoni elettorali ħabbret li Viktor Janukovych, il-kandidat xellugi pro-Russja, għadda lill-Prim Ministru Ukrajna Ċentru-leminija favur il-Punent, Yulia Tymoshenko bi ftit aktar minn 3 fil-mija tal-voti, 888,000, minn total ta’ kważi 24 Miljun li marru jivvutaw.
Dan dejjem skond il-kummissjoni, li għad trid tħabbar uffiċjalment ir-riżultat nhar l-Erbgħa li ġejjin 17 tax-xahar, filwaqt li Tymoshenko m’aċċettatx ir-riżultat u l-koalizzjoni tagħha “l-Unjoni tal-Ukrajni Kollha – Patrija” mistennija tiċċalinġja r-riżultat fil-qorti, minħabba rregularitajiet serji f’madwar 900 postijiet tal-votazzjoni, l-aktar f’”fortizzi” ta’ Yanukovich, fejn allura għandhom jerġgħu jingħaddu l-voti, li jammontaw għal kważi miljun, u allura jistgħu effettivament jeffettwaw r-riżultat aħħari.
Minbarra d-differenza żgħira fil-voti bejn iż-żewġ kandidati, wieħed ta’ min jinnota (ħaġa li rari semmiet mill-media internazzjonali) li 4.63%, jew ‘l fuq minn miljun ruħ ivvutaw fuq il-kaxxa li kienet tgħid li kienu “kontra l-kandidati kollha”.
Fid-dawl ta’ dan kollu d-dikjarazzjonijiet ta’ osservaturi internazzjonali li l-elezzjoni tas-7 ta’ Frar kienet “trasparenti u onesta” (bħalma per eżempju, iddikjarat l-OSCE) dehru mgħaġġla wisq. L-istess bħal dawk ta’ għaqdiet u mexxejja internazzjonali li bagħtu jifirħu lil Yanukovich, fosthom il-President Amerikan Obama, dak Russu Putin, il-Kummissarju Ewropew Barroso u l-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE Van Rompuy.
Iżda, sakemm qed nikteb il-Partit Popolari Ewropew (PPE) għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar ir-riżultat imħabbar. Il-koalizzjoni ta’ Tymoshenko “Patrija” u l-Moviment Popolari tal-Ukrajna (RUKH) huma membri osservaturi tal-PPE.
Jumejn qabel l-elezzjoni, fil-5 ta’ Frar il-President tal-PPE Wilfried Martens ikkundanna t-tibdil fil-liġi elettorali għax dawk “kabbru ċ-ċansijiet ta’ falsifikazzjoni, manipulazzjoni waqt ir-tieni rawnd tal-elezzjoni”, bħalma fil-fatt issa qed tallega Tymoshenko.
Dan sata’ sar fid-distretti tal-Krimea, Donetsk u Luhansk fix-Xlokk tal-Ukrajna, minn fejn Yanukovich jikseb l-aktar voti, minħabba li hemmhekk il-popolazzjoni hija ta’ dixxendenza Russa (15-il miljun minn popolazzjoni ta’ 48 miljun), wara li fi żmien l-Unjoni Sovjetika r-Russja kienet kompliet imliet dawk ir-reġjuni b’ċittadini Russi, filwaqt li ‘eżiljat’ lill-Ukrajni.
Ir-Russja, infatti, anki jekk, uffiċjalment ma baqgħatx Komunista, bagħqet ma tistax tniżżilha li, mal-isfaxxar tal-imperu Sovjetiku, tilfet il-pajjiżi satelliti li ħakmet wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-aktar appuntu l-Ukrajna. Dan għal raġunijiet strateġiċi aktar milli ta’ prestiġju nazzjonali u internazzjonali.
Infatti meta r-Russja tilfet l-Ukrajna (l-ikbar fost il-pajjiżi li kienet taħkem) tilfet ukoll ‘barriera ta’ difiża’ naturali, il-muntanji Karpazji, li tul is-sekli dejjem ddefendewha minn attakki mill-punent tagħha. B’hekk illum ir-Russja hija vulnerabbbli, esposta għall-pressjoni minn kullimkien: mill-Ewropa fil-punent, miċ-Ċina fix-xlokk, u mill-Islamiċi fin-nofsinhar, f’medda art kbira li kważi mpossibbli tikkontrollaha u tħarisha kollha f’salt.
Kieku jerġa’ ikollha l-Karpazji bħala fruntiera fil-punent, ir-Russja tnaqqas mhux ftit il-piż enormi ta’ difiża (militari, iżda wkoll ekonomiku, ta’ intelligence, industrjali u diplomatiku), u b’hekk tikseb ftit aktar kapaċità offensiva. Kieku dan jiġri jinkwieta żgur lill-pajjiżi eks-satelliti tar-Russja, l-aktar dawk fil-punent tagħha – bħall-Ġorġja, il-Polonja u l-Litwanja, Latvja u Estonja – li rnexxilhom jinqatgħu mill-influwenza Russa u jersqu lejn il-Punent, anzi lejn l-Unjoni Ewropea.
Jekk l-Ukrajna terġà tispiċċa fl-orbita tar-Russja – bħalma jidher li lest jagħmel Yanukovich jekk jiġi konfermat li rebaħ hu – il-mixja ta’ dawn lejn il-Punent, u probabbli wkoll lejn l-istess sistemi demokratiċi ħielsa tispiċċa mhedda wkoll. Oħrajn aktar dgħajfa, bħal Belarus, l-Ażerbajġan u l-Każakistan diġà bdew ‘jimmollaw’ hekk kif qed jaraw tikber il-prepotenza ta’ Moska – effett domino, insomma.
Barra minhekk fattur ieħor li qed jagħti r-riħ lir-Russja huwa li Obama qed iħossu mgħobbi wisq bil-kriżi ekonomika, bir-riforma tas-saħħa li ntrabat magħha, żewġ gwerer (Aghanistan u l- Iran) u l-elezzjonijiet mid-term f’Novembru, u qed jittraskura, jekk mhux ukoll jagħti l-ġenb (mhux se jattendi s-Summit tal-UE fi Spanja f’Mejju) lill-Ewropa.
Għal dawn ir-raġunijiet u biex jiġi evita l-effett domino, il-Punent jagħmel sew jaħsibha sew qabel jiddikjara t-tmiem tar-rivoluzzjoni popolari Oranġju tal-2004 kontra l-istess Yanukovich, li dakinhar ipprova jisraq l-elezzjoni presidenzjali.
Filwaqt li hu veru li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna hija wkoll frott ta’ tilwim u piki interni bejn il-qawwiet taċ-Ċentru-lemin (speċifikament bejn iż-żewġ mexxejja tar-Rivoluzzjoni Oranġjo Tymoshenko u Yushenko), wieħed irid jammetti, bħalma ddikjaraw din il-ġimgħa żewġ deputati tal-PPE, il-Portugiż Mario David u l-Estonjan Tunne Kelam, li xi membri fl-Unjoni Ewropea kaxkru wisq saqajhom lejn is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, forsi biex ma jirritawx lir-Russja.Dan m'għandux għalfejn ikun, u m'għandux ikun, u jekk Obama dabbar rasu, l-Ewropa ma jaqblilhix tagħmel bħalu u tabbanduna lill-Ukrajni.
No comments:
Post a Comment