"Jasal il-jum meta qorti onesta teżamina r-riżultat mill-ġdid"
Assolutament mhux veru li l-Prim Ministru tal-Ukrajna, Yulia Tymoshenko aċċettat it-telfa wara l-elezzjoni presidenzjali, bħalma ġie rappurtat illum mill-media internmazzjonali, iżda anki minn mezzi tax-xandir f'Malta.Tant hu hekk li dalgħodu fil-qorti hi ddikjarat li "Mill-inqas kien hemm żgur tbagħbis fil-voti ippruvat bil-provi li huma dokumentati fil-kawża depożitata fil-Qorti Għolja Amministrattiva tal-Ukrajna, u nemmen li għad jasal il-jum meta prosekutur jew qorti onesta jistabbilixxu li Yanukovich ma ġiex elett President tal-Ukrajna, u li r-rieda tal-poplu ġiet manipulata,"
Prova oħra ta' kemm hi m'aċċettatx ir-riżultat huwa l-fatt li l-istess Tymoshenko illum wara nofsinhar ħabbret li mhix se tattendi għaċ-ċerimonja tal-ġurament ta' Yanukovich bħala president, li mistennija ssir nhar il-Ħamis li ġej. Kelliemi għall-Prim Ministru, id-deputat tal-blokk tagħha "Patrija", Serhiy Mishchenko żvela li huma lanqas biss irċevew stedina, "din mhix il-festa tagħna u ma ġejnix mistiedna"
Hu kompla billi qal ċar u tond li l-fatt li Tymoshenko irtirat il-kawża m'għandux jiġi interpretat bħala sinjal ta' xi dgħjufija. "Yulia Tymoshenko ma ċeditx. Dan huwa biss il-bidu. Hi sempliċiment uriet li ma tridx tkun parti minn farsa," saħaq Mishchenko.
Tymoshenko irtirat il-kawża wara li l-Qorti Għolja Amministrattiva tal-Ukrajna rrifjutat l-petizzjonijiet ewlenin tagħha għall-għadd mill-ġdid tal-voti f'ċerti postijiet tal-votazzjoni fil-Krimea, u li teżamina r-Reġistru Elettorali, li jinkludi ismijiet doppji ta' votanti u wkoll ta' oħrajn li fil-fatt huma mejtin.
Hi ressqet provi u xhieda li jippruvaw li votanti vvutaw aktar minn darba, ismijiet ta' oħrajn miżjuda fil-lista fil-jum stess tal-votazzjoni, u abbużi fil-każi ta' dawk li setgħu jivvutaw f'darhom minħabba diżabilità.
"Dawn il-provi kollha tressqu lill-qorti mwieżna b'dokumenti mill-Ministeru tal-Intern u mill-istrutturi reġjonali tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali," sostniet Tymoshenko."Il-frodi kollha ġiet ippruvata, mhumiex sempliċi allegazzjonijiet."
"Deher ċar li l-qorti m'għandix interess tistabilixxi l-verità, u, sfortunatament, il-qorti hija preġudikata bħall-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, li tinkludi maġġoranza politika ma' Yanukovich," iddikjarat Yulia Tymoshenko.
Il-voti li qed tikkontesta Tymoshenko jgħoddu 'l fuq minn miljun, li jistgħu jagħmlu d-differenza meta wieħed jiftakar li l-pro-Russja Yanukovich għaddiha biss b'madwar 800,000 vot.
No comments:
Post a Comment