Is-Sibt, 6 ta’ Frar 2010

Il-KLIMA L-IKBAR KUMMERĊ TA' ŻMIENNA?

Illum – wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Climategate – aktar minn qatt qabel qed toħroġ il-verità li l-bniedem jaħti ftit li xejn għat-tibdil fil-klima, b’mod partikulari għat-tisħin tal-globu, bil-ħruġ tal-gassijiet serra (CO2), li dawk li jiena nħobb insejjaħ ekokatastrofisti jew ekoterroristi jibqgħu jinsistu dwaru. Għaliex, iżda, dawn jibqgħu iwebbsu rashom? Għaliex jibqgħu jinsistu, b’arroganza liema bħala, li aħna, l-bniedem kapaċi jeffettwa, jbiddel il-klima tal-pjaneta tagħna, jikkontrolla l-klima, jekk mhux ukoll iwaqqaf it-tibdil naturali tal-klima?!
Bħalma kelli okkażjonijiet oħra nistaqsi: jista’ il-bniedem jikkontrolla meta u kemm tinżel ix-xita jew kemm tagħmel kesħa jew sħana? Jista’ iwaqqaf ir-riħ?  LE.
Allura għaliex dawn ikomplu jinsistu fl-argumenti illoġiċi, arroganti tagħhom?
It-tweġiba tinsab biss f’ kelma waħda b’erbà ittri: F L U S.
Huwa għalhekk li wara Climategate (li dan il-blog, x’aktarx uniku f’Malta, ilu jsegwi sa’ mill-bidu tiegħu f’Novembru li għadda), qed dejjem jiżdiedu l-appelli biex l-eluf kbar ta’ miljuni li ntefqu u qed jintefqu fil-qasam tal-klima jiġu kontrollati, awditjati bis-serjetà u b’responsabbiltà.
Illum qed jinkixef dejjem aktar monopolju f’din ix-xjenza, dominata minn dawk li għandhom interessi, aġenda preċiża, motivati aktar minn preġudizzji milli frott ta’ riċerka prattika, konkreta u mhux spekulativa, sperimentali, fuq mudelli mbagħbsa.
Iżda x’inhi din l-aġenda? X’inhuma dawn l-interessi?
Kelli okkażjonijiet, drabi oħra, nuri kif illum hemm min jaqla’x’jiekol, anzi jiffanga b’mod dirett minn din it-teorija ta’ “tibdil fil-klima, tisħin tal-globu ħtija tal-bniedem”.
Hekk kif gvernijiet, awtoritajiet u politiċi, jkomplu jirrealizzaw kemm din hija biss, appuntu, teorija xejn ippruvata mill-fatti u mir-riċerka, l-impjiegi jew dħul finanzjarju kbir ta’ konsulenti jew “esperti”, jispiċċalhom. Iżda hawn mhux qed nitkellmu biss dwar dawn il-konsulenti jew psewdo-esperti (li anki f’pajjiżna ma jonqsux), imma wkoll impjegati sempliċi li jagħmlu xogħol ta’ rutina ma’ dawn l-istess konsulenti jew inkella ma’ istituzzjonijiet ta’ suppost riċerka xjentifika, bħall-Climate Research Unit tal-East Anglia University fl-Ingilterra minn fejn oriġina, appuntu, l-Climategate, u anki ġurnalisti u opinjonisti li ilhom tant snin imexxu din it-teorija qarrieqa.
Wieħed għalhekk jifhem għaliex dejjem aktar hemm min qed jinsisti għall-kontroll, awditjar xieraq ta’ fejn u fuqiex eżatt dawn il-flejjes kbar qed jintefqu bl-aktar mod ‘partiġġjan’ u xejn xjentifiku.
Imma dawn il-flus huma biss peanuts, “karawett”, ħdejn l-eluf kbar ta’ miljuni li hemm min qed idaħħal kemm mill-industrji tal-enerġija alternattiva (prinċipalment minflok iż-żejt u l-faħam), u aktar u aktar mis-suq tal-kummerċ fil-carbon credits li llum diġà hu kkalkulat li globalment ileħħaq il-fuq minn 126,000 Miljun Dollaru, jew mal-100,000 Miljun Ewro fis-sena, iżda li l-esperti qed ibassru li dan se jilħaq bejn iż-Żewġ u l-10 TRILJUN Dollaru jew is-7 TRILJUN Ewro, biex b’hekk il-karbonju jsir l-ikbar single comodity  fil-kummerċ, saħansitra aktar prezzjuż kemm miż-żejt kif ukoll il-faħam!
Għal min jafx dan il-carbon trading huwa sistema vvintata proprju wara li gvernijiet u istituzzjonijiet, minn ta’ quddiemnett n-Nazzjonijiet Uniti, ġew konvinti mix-‘xjenzjati’, riċerkaturi u ‘esperti’ li semmejt qabel, li l-ħruġ tal-gassijiet serra, CO2 kien qed jeffettwa l-klima tal-pjaneta tagħna u l-konsegwenti tisħin tagħha, u li biex il-bniedem jiskansa effetti, riperkussjonijiet mill-aktar katastrofiċi apokalittiċi, li bħalhom naraw biss fil-films, kien jeħtieġlu mmedjatament inaqqas, jew aħjar iwaqqaf għal kollox il-ħruġ ta’ dawn il-gassijiet.
Għalhekk kien ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto, li meta ndunaw li dan kien se jfalli fil-miri tat-tnaqqis li diversi pajjiżi għaġġlu jintrabtu li jwettqu, bdew iħaddmu s-sistema ‘inġenjuża’ li min jippoduċi CO2 inqas mill-kwota ta’ dħaħen li jkun ingħata, jista’ ibiegħ dik id-differenza lil ħaddieħor  biex dan ipatti               għall-emissjonijiet li ma jkunx naqqas skond l-obbligazzjonijiet li kien intrabat bihom.
Għal dan  is-suq twaqqfu trading platforms apposta (fl-Ewropa hawn xi sitta).


Iżda dan is-suq, in-negozju ġdid diġà inkixef li qed jinħataf mill-kriminalitá organizzata. 


F’Diċembru li għadda l-Europol ħabbret każ serju ta’ frodi ta’ mhux inqas minn 5 BILJUN Ewro (ara l-blog tat-12 ta’ Diċembru,2009).
Għalhekk ukoll wieħed jirrealizza wkoll kif dawk kollha li qed idaħħlu Biljuni ta’ Ewro u Dollari m’għandhom l-ebda interess jew inċentiv li jinkixef is-sehem irrelevanti tal-bniedem jew tas-CO2 fit-tibdil fil-klima. 
Anzi pjuttost il-kontra:li dan il-fatt jinħeba bħalma nqabdu li għamlu x-‘xjenzjati’ mdaħħla fl-iskandlu Climategate.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide