Il-Ħadd, 14 ta’ Frar 2010

JAMMETTI LI QARRQU

L-ISKANDLU CLIMATEGATE
Intefqu biljuni kbar biex 'iħaddru' d-dinja u wkoll biex jiġi ffinanzjat is-suq dubjuż tal-carbon credits (ara l-blog tas-6 ta' Frar), inħlew galluni ta' aviation fuel (u CO2!) biex iġorru 'esperti', lobbyists u politikanti għal konferenzi apokalittiċi dwar tisħin tal-globu.
Gvernijiet bidlu l-politika, mijiet ta' istituzzjonijiet akkademiċi, kurrikuli ta' skejjel sħaħ u l-prijoritajiet ta' xandara u ġurnalisti mad-dinja kollha kellhom jinbidlu – kollox f'ġieh id-dutrina ġdida li l-bniedem qed isaħħan il-pjaneta, u li jeħtieġlu jwettaq tibdil erojku u għali f'ħajtu biex isalva d-dinja milli tegħreq hekk kif jinħall is-silġ fl-Artiku.
Kollox fuq pariri tal-hekk imsejħa esperti tal-IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti.
 Iżda wara li faqqa' l-iskandlu CLIMATEGATE li kixef kif istituzzjonijiet ta' riċerka li fuqhom kienet togħqod l-IPCC, l-aktar fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti kienu jbagħbsu u jaħbu data biex isostnu li l-bniedem kien qed isaħħan il-globu, l-Kap ta' waħda minn dawn, Phil Jones tal-Climate Research Unit Ingliza, l-bieraħ ammetta li li ftit hemm differenza bejn is-sħana tal-globu fis-Snin Disgħin u żewġ perjodi mill-1860 'l hawn, filwaqt li ammetta li mill-1995         sal-lum l-pjaneta ma saħnitx b'xi mod sinfikanti.

Dan  għamlu waqt intervista li dehret il-bieraħ fuq il-web site tal-BBC, li matulha Jones ammetta wkoll il-possibiltà li fi żmien il-Medieval Warm Period bejn s-sena 800 u l-1300 it-temperatura kienet għola minn żmienna, u allura dan jipprova li mhux veru li llum jaħti l-bniedem meta jipproduċi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bħas-CO2.


Fid-dawl tat-tsunami li qed jikkawża Climategate, gvernijiet, politikanti, akkademiċi u l-media qed ikollhom jikkunsidraw mill-ġdid l-aġir tagħhom f'dawn l-aħħar snin wara l-ġenn tat-tibdil fil-klima suppost kawżat mill-bniedem.


IL-PARLAMENT INGLIZ JINVESTIGA
Sadattant  il-Parlament Ingliż qed jinvestiga l-Climategate, speċifikament il-ħruġ ta' data , e-mails u dokumenti mill-Climate Research Unit tal-East Anglia University.
Is-Science & Technology Committee ta żmien sa' nhar l-Erbgħa li għaddew biex jittressqu s-sottomissjonijiet, biex imbagħad ix-xahar d-dieħel tisma' ix-xhieda.
Interessanti naraw  jekk dakinhar jidhirx il-viċi direttur tas-CRU, Keith Briffa ta' dixxendenza Maltija, li minn meta faqqa' l-iskandlu f' Novembru li għadda (imħabbar f'Malta esklussivament minn dan il-blog), ma deher imkien.
Kien hemm ukoll rapporti li Briffa sata' kien hu stess responsabbli għal-leakage tal-e mails u d-dokumenti (Blog tat-12 ta' Diċembru, 2009)

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide