Is-Sibt, 16 ta’ Jannar 2010

U jibqgħu jinsistu li d-dinja qed tisħon!


STAQSU LILL-INGLIŻ, U MHUX LILHOM BISS!
Bħalma rrimarkajt fis-Sunday Times dan l-aħħar – bi tweġiba lill-qarrej li kien, u baqa’ jinsisti li l-bniedem jaħti għat-tisħin tal-globu u bil-konsegwenzi katastrofici li hemm jistennewna jekk ma nisimgħux minn dawn il-profeti foloz – l-ikbar trux hu dak li ma jridx jisma’.
Infatti, minkejja li jiġu wiċċ’imb’wiċċ mar-realtà, xorta waħda jibqgħu jaħsbuha u jgħidu l-istess. Hekk reġà għamel il-Ħadd li għadda George Debono, minkejja li stedintu għat-tieni darba biex jaqra l-paper “Caught Green-Handed” u tajtu wkoll l-indirizz tal-link jidher ukoll fil-ġenb ta’ dan il-blog.
Iżda dan jippreferi jagħmel bħas-suppost esperti fil-klima li jaħbu rashom fir-ramel bħan-nagħma, l-“esperti” li, minkejja li diversi pajjiżi bħalissa qed jintlaqtu mill-agħar xtiewi f’dawn l-aħħar 100 sena, qed jibqgħu xorta jippruvaw jinkkonvinċuna li d-dinja qed dejjem aktar tisħon.

Għax ma jistaqsux lill-miljuni ta’ Brittanici, iżda mhux lilhom biss, li f’dawn il-jiem, kuljum, qed ikollhom jeħduha ma’ borra u silġ bħalma qatt ma raw biex imorru għax-xogħol? Kif jistgħu qatt jikkonvinċu lil dawn li l-kundizzjonijiet ta’ kesħa estrema m’għandhomx jintużaw bħala provi li jgiddbu li l-bniedem hu responsabbli għat-“tisħin” tal-globu?
Il-fatti jibqgħu li l-emisferu fit-Tramuntana, mill-Amerika sal-Ewropa u l-Asja, għaddej mill-agħar xtiewi li niftakru: fiċ-Ċina u l-Korea t’Isfel, tul lvant, iċ-ċentru u l-punent tal-Ewropa, u wkoll fl-Amerika, anki fi stati l-aktar sħan bħal Florida, qed ikollhom iħabbtuha ma’ temperaturi rekord ta’ friża.
Diffiċli f’sitwazzjonijiet bħal dawn, jirnexxielek tibqa` tbellagħha li għal dan kollu jaħti l-bniedem. Bħalma kkummentajt darbi oħra, trid tkun mogħmi b’suppervja u arroganza kbira jekk temmen li l-bniedem jista’ qatt jeffettwa l-klima jew ibiddel il-kors tan-natura!
Ix-xjenza tat-Tisħin tal-Globu  kawżat  mill-bniedem hija waħda falluta, ibbażata fuq data falsifikata, bħalma qed dejjem aktar joħroġ mill-iskandlu Climategate. Huwa qerq li wieħed isostni li dan qed jikkawżah il-bniedem.
Christopher Booker, awtur tal-ktieb best-seller u fost l-aktar komprensiv dwar is-suġġett “The Real Global Warming Disaster” jgħid li “Hija ħaġa tal-għaġeb kif dawn il-lobbyists tat-tibdil fil-klima kawżat mill-bniedem, jibqgħu jinsistu meta qed jiġu kostantement imgiddba mill-fatti. Is-sena l-oħra fl-Arabja Sawdita għamlet il-borra, iżda dawn l-eko-katastrofisti xorta waħda jibqgħu jippersistu li t-temperatura qed togħla", bħalma qal fl-ewwel paġna il-ġurnal Daily Express (06/01/10, ritratt)
Anzi oħroġ il-għaġeb sa’ jinsistu wkoll li dan it-temp kiesaħ hu kkawżat mit-tisħin tal-globu !!!!
Taf biex jonqos joħorġu issa? Li dan it-taqlib fit-temp huwa twissija tat-tieni miġja ta’ Kristu fid-dinja! Iżda, bilħaqq ….din diġà kien hawn min iddikjaraha!
Il-verità hija li d-dinja ħierġa minn ċiklu mill-aktar naturali, u probabbli resqin lejn era glaċjali ġdida, altru milli xi waħda tropikali, u l-bniedem jaqblillu jħejji biex jadatta ruħu għaliha. Dwar din, iżda, nikteb darb’oħra.

Is-Sibt, 9 ta’ Jannar 2010

Terroriżmu Islamiku: Aħjar “Uff” inkella “Aħħ”

verifika kulturali (Cultural Profiling)
Abdulmutallab, it-terrorista suwiċida fallut ta’ Jum il-Milied fuq l-Istati Uniti, huwa Niġerjan ta’ 23 sena, edukat fi skola Brittanika u msieħeb f’al Qajda tal-Jemen. Jiġifieri żviluppa l-karattru tiegħu fi tlett kontinenti differenti (Afrika, Ewropa, Asja), u tlett kulturi distinti, ingħata l-ordni mill-Jemen, iżda wettaq il-vjaġġ tiegħu tal-mewt minn Niġerja għall-Olanda u lejn l-Amerika.
Fl-Ewropa ma mponejniex aktar restrizzjonijiet speċjali fuq min jasal mill-Afrika, filwaqt li l-Amerikani jippermettu dħul relattivament faċli f’pajjiżhom lil min imur hemm mill-Ewropa. Fl-ajruporti jkollna nneħħu ż-żraben, u ma nġorrux fuqna fliexken kbar mimlija b’xi likwidu. Iżda Abdulmutallab kien ħeba’ l-isplussiv fil-qalziet ta’ taħt!

Wara l-massakru fallut tal-Milied, is-sigurtá fl-ajruporti kompliet tiżdied bil-kbir. Iżda kemm verament se jirnexxielha twaqqaf attentat ieħor bħal dak? Il-veritá hija li dan it-tkabbir fil-miżuri ta’ sigurtá dejjem seħħew WARA l-ideat li vvintat l-al Qajda biex tiżgiċċahom.
Minħabba fit-terroristi qed ikollna dejjem innaqqru mil-libertajiet l-aktar sempliċi tagħna. Issa bniedem li qed jivvjaġġa fuq xogħol, għal bżonn jew inkella għall-pjaċir, lanqas jista’ imur fit-toilet tal-ajruplan fl-aħħar nofs siegħa tal-vjaġġ, lanqas jekk ikollu bżonn urġenti. Dan għax Abdulmutallab mar fit-toilet biex jarma l-bomba li kellu, hekk kif l-ajruplan kien wasal biex jillandja. Minħabba fih ukoll se jkollna wkoll nogħqodu għal scanning komplut ta’ ġisimna, ġaladarba hu ħeba l-isplussiv fil- qalziet ta’ taħt.
[[Fir-ritratt Abdulmutallab (bi flokk aħmar xellug) jidher meta, ta’ 15-il sena biss, kien ingħaqad fi protesta kontra s-sanzjonijiet mill-gvern Ingliż kontra l-Iraq fl-2001, organizzata mill-“paċifista” Brian Haw (lemin bilqiegħa wara t-tabella) f’Parliament Square, Londra]]
Allura kieku xi terrorista ieħor ifettillu jaħbi l-isplussiv f’xi toqba f’ġismu, nibdew niġu spezzjonati hemm ukoll?! U jekk ieħor jittanta jisplodi lilu nnifsu f’nofs l-oċean, allura jkollna nibqgħu bilqiegħda tul is-siegħat kollha tal-vjaġġ?

Probabbli hekk ikollna nagħmlu. Nannietna kienu jgħidu Aħjar “Uff” inkella “Aħħ”, jiġifieri aħjar tiddejjaq tagħmel xi ħaġa, milli tbati  l-konsegwenzi jekk ma tagħmilhiex. Aħjar id-dwejjaq milli l-uġigħ.

Iżda allura se nibqgħu sejrin hekk, innaqqru mill-libertajiet tal-maġġoranza minħabba minoranza fanatika li m’għandha l-ebda rispett lejn il-ħajja, lanqas dik tagħhom stess? Possibbli m’hemmx soluzzjonijiet oħra. Dażgur li hemm. Imma l-mexxejja politiċi responsabbli għandhom ir-rieda, biex ma ngħidx kuraġġ iwettquhom?
Sfortunatament ix-Xellugin fil-Punent għal snin twal irnexxielhom jiddominaw mhux biss politikament, iżda anki kulturalment, u l-ikbar żewġ saħtiet li wikkewna bihom kienu l-political correctness u l-multikulturaliżmu. Dwar il-ħrafa ta’ din tal-aħħar nikteb aktar fit-tul darb’oħra, għalkemm anki din mas-suġgett tal-lum għandha x’taqsam ukoll.
Bħala reazzjoni għal dawn l-attentati l-gvernijiet tal-Punent, bħalma qed nikteb, dejjem wara jimponu aktar restrizzjonijiet fuq dak li kull vjaġġatur  ­– indistintament minn nazzjonalitá, kulur tal-ġilda jew twemmin – jistgħu iġorru magħhom.
Wara l-attentat tal-Milied, u wara li l-offerta ta’ l-“id miftuħa” li għamel il-President Obama sena ilu malli ħa l-ġurament, baqgħet tintlaqa’ bil-ponn magħluq. Obama kellu joħroġ lista “sewda” ġdida ta’ 14-il pajjiżi meqjusa bħala perikolużi, jiġifieri li jistgħu ikunu għejun ta’ terroriżmu: il-Jemen (l-uniku pajjiż fid-dinja fejn al Qajda taġixxi fil-miftuħ, torganizza meetings politiċi, eċċetra), Somalja, Afghanistan, Pakistan, Iran, Sirja, Libanu, Iraq, Niġerja, Sudan, Arabja Sawdita, Ċina, Kuba u Korea Komunista.
Il-lista ma tagħmel ebda distinzjoni ta’ razza, sess jew reliġjon. It-turista u l-missjunarju Nisrani li fuq il-passaport ikollhom it-timbru ta’ wieħed mill-pajjiżi fuq din il-lista sewda jiġu ttrattati fil-fruntiera eżattament bħal min jippriedka l-mibiegħda  jiħadista.
Fil-veritá la l-ethnic u lanqas il-country profiling (jiġifieri li wieħed jiġi ċċekkjat għax twieled f’xi pajjiż partikulari jew hu ta’ razza partikulari) ma jistgħu iserħulna rasna għal kollox kontra t-terroristi. Dan għax al Qajda jistgħu jinqdew biċ-“ċelluli b’għajnejhom koħol” fl-Ewropa, magħmula minn individwi mill-Punent, Bojod u mwielda fl-Ewropa. 
L-al Qajda, peró, ma tista’ qatt tasal tuża Musulman moderat, Lhudi, Nisrani, Komunista, ateu jew Liberali biex iwettaq attentat suwiċida. Dan għax huwa biss musulman partikolarment radikali, appuntu jihadista konvint, li jasal jemmen li billi joqtol lilu nnifsu (u lil għajru) b’hekk se jmur il-ġenna mdawwar b’għexiren ta’ verġni!
Għalhekk bħala miżura oħra, żgur aktar effettiva ta’ sigurta’ preventiva, s-servizzi sigrieti tal-Punent jeħtieġ li jibdew immedjatament iħaddmu sistema ta’ cultural profiling, iċċekkjar jew verifika kulturali. X’jiġifieri?
Abdulmutallab fl-iskola kien magħruf bħala propagandista ta’ ideat jiħadisti. Kien sostenitur dikjarat tal-gwerra qaddis tal-Islam kontra l-infidili, il-“Kruċjati u s-Sijonisti”, tant li kienu jsejħuku “il-Papa”, u hu fil-Milied sempliċiment wettaq att ta’ gwerra, skond it-twemmin tiegħu.
Trid tiġi rfinata, għalhekk, sistema teknika u metodi biex issir magħrufa l-viżjoni tad-dinja ta’ passiġġier qabel dan jitħalla jitla’ fuq ajruplan, ferrovija jew vapur.
Li kieku saret din il-verifika kulturali fuqu, Abdulmutallab kien żgur jispiċċa fin-no-fly list tas-CIA/FBI, u lanqas biss kien jitħalla jitla’ fl-ajruplan li ttanta jisplodi. Dejjem kieku dawn għamlu dmirhom kif suppost, u kieku Obama ma ppruvax, quddiem it-theddid terroristiku, jaħbi rasu fir-ramel bħan-nagħma, u ta’ taħtu għamlu bħalu u naqqsu l-allerta.
Iżda wisq nibżá li sistema bħal din ta’ cultural profiling ma ssirx għax, skond idea ripetuta bla waqfien f’dawn l-aħħar għaxar snin, il-kulturi kollha għandhom l-istess dinjitá, illi jekk niddikjaraw gwerra lill-jiħadisti naħsbu li b’hekk qed noffendu l-Islam kollu kemm hu, u rridu nevitaw “battalja ta’ ċiviltá”.
Allura nippermettu lil jiħadisti dikjarati jippriedkaw l-mbiegħda kontra l-Punent 24 siegħa kull 24 siegħa, nħalluhom jirkbu ferroviji, ajruplani u vapuri wara li jgħaddu minn kontrolli l-istess għal kulħadd, joqtlu indistintament Lhud, Insara u Musulmani f’isem l-ideoloġija totalitarja qattiela tagħhom! Hekk sewwa!
Jidher, peró, li minkejja l-indotrinazzjoni Xellugija, il-popli qed jiftħu għajnejhom u jirribellaw: stħarriġ tal-opinjoni pubblika li sar minn Rasmussen din il-ġimgħa juri li 71% tal-Amerikani jemmnu li għallinqas għandu jsir xi tip ta’ racial, ethnic profiling jew dehra ġenerali, sabiex jiġi determinat fuq liema passiġġieri għandha ssir tfittxija fuq il-persuna tagħhom fl-ajruporti. Aħjar mix-xejn. Avolja hemm jista’ ikun diġá tard.

Il-Ħadd, 3 ta’ Jannar 2010

Obama jerġa’ isib l-Amerika

Erba’ ġimgħat ilu (eżattament fit-13 ta’ Diċembru) ikkummentajt dwar id-diskors stramb (meta tqies min kien qed jagħmlu u f’liema okkażjoni) tal-President Amerikan Obama meta aċcetta l-Premju Nobel għall-Paċi u kif dan jipprova kemm huwa veru li bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkumbatti. Obama ddikjara li “…fid-dinja hawn il-ħażen…” u li “ …il-movimenti paċifisti ma rnexxilhomx iwaqqfu l-armati ta’ Ħitler…” u li għalhekk “… li jkun hemm żminijiet meta n-nazzjon – waħdu jew ma’ oħrajn – isibu li l-użu tal-forza mhux biss ikun neċessarju iżda moralment ġustifikat”. Diskors li, wara li fis-sustanza kien jgħidu l-predeċessur tiegħu George W. Bush, tgħidx kemm qajmu rwiefen, kundanni, żeblieħ u tgħajjir ta’ ġellied (warmonger) kien jaqla’, anki mill-istess Obama, sħabu d-Demokratiċi, u x-Xellugin psewdo-paċifisti mid-dinja kollha.
Wara dak id-diskors il-qawwa tal-ajru Amerikana attakkat bażijiet ta’ taħriġ tal-al Qajda, u wara l-attentat fallut tat-terrorista Niġerjan Abdulmutallab fuq ajruplan li kien wasal biex jillandja fl-Istati Uniti, nhar it-Tnejn li għaddew Obama reġa “sab l-Amerika” meta ddikjara li “dan l-inċident serju huwa twissija tal-periklu li qegħdin niffaċċjaw, u min huma dawk li qed jheddu l-patrija tagħna.
Iżda forsi aktar interessanti huwa l-mod kif Obama irreaġixxa meta qalulu l-ewwel darba bl-attentat. Għax għandkom tkunu tafu li dak il-ħin hu kien, u hemm għadu sal-lum il-Ħadd meta qed nikteb, fil-bajja ta’ Kajlua, fil-Ħawaj għall-vaganzi (fir-ritratt jilgħaq il-ġelat favorit tiegħu fil-Ħawaj)!
Infatti l-istqarrija li ħareġ l-istaff tiegħu mill-White House kienet qalet li wara li Obama ġie infurmat bl-attentat tlett sigħat wara li falla, dan kien “qed isegwi” is-sitwazzjoni, u li l-iskeda tiegħu ma kenitx se tinbidel – jiġifieri li kien se jibqa’ jgawdi l-vaganzi fil-Ħawaj.
(Tiftakru xi storbju kienu għamlu (anki fid-dokumentrju politiku ta' Michael Moore) għar-reazzjoni ta' Bush meta kien fi skola mat-tfal u nfurmawh bl-attakki ta' 9/11?!)
Dan l-atteġġjament taparsi kalm, iżda fil-fatt ta’ suppervja, kważi infantili, biex ma jammettix mal-elettorat li tellgħu, li al Qajda xorta baqgħet tittrattah bħal Bush, beda jinkwieta bil-kbir lil dawk ta’ madwaru, tant li Doug Schoen, li kien ħadem għad-Demokratiku Bill Clinton fis-Snin 90, iddikjara li “Obama assolutament missu affronta s-sitwazzjoni bħala emerġenza ta’ sigurta’ nazzjonali, ġie lura Washington u sejjaħ laqgħa għolja bipartiġġjana, mal-Oppożizzjoni Republikana.”
Iżda Obama webbes rasu u baqa’ vaganza mal-familja, għalkemm wara li nduna, jew qalulu, li għaxxaqha meta, nhar it-Tnejn ukoll, sejjaħ lil Abdulmutallab “an isolated extremist” (!), il-bieraħ kellu jammetti li dak tħarreġ mill-grupp al-Qajda tal-Peniżola Għarbija ta’ al Awlaki, li bħal Abdulmutallab u tant oħrajn, qed jiġu edukati fil-Punent, biex imbagħad f’daqqa waħda jinbidlu f’terroristi suwiċidi!
Sadattant, l-ewwel opinion polls li saru wara l-attentat, juru li l-popolarita' ta' Obama kompliet tonqos, tant li skond dak ta' Rasmussen 56% tal-Amerikani ma japprovawx it-tmexxija tieghu, u huma biss  44% li jaqblu miegħu. Dan f'inqas minn sena minn meta ħa l-ġurament!
Huwa wkoll wieħed mill-aktar ratings baxxi (anki skond il-poll l-iehor influwenti, Gallup) ta' kull president fil-bidu tat-tieni sena tal-mandat tiegħu!
Annimal timmansaħ, Terrorista LE!



F’Mejju tas-sena l-oħra l-President Obama ħabbar il-pjan tiegħu biex, bl-iskuża ta’ investigazzjoni dwar allegati abbużi ta’ priġunieri tal-gwerra kontra t-terroriżmu taħt l-amministrazzjoni ta’ Bush, iwaqqaf unita’ ġdida biex tinterroga l-priġunieri  u b’hekk minn taħt is-CIA dawn jgħaddu taħt l-FBI, bil-kontroll dirett tan-National Security Council tal-President fil-White House.

Proprju wara l-attentat fallut tat-terrorista Abdulmutallab f’Jum il-Milied fuq ajruplan tal-passiġġieri li kien wasal biex jinżel f’Detroit, sar magħruf li t-terrorista rnexxielu, mingħajr ebda tfixkil, jitla’ fuq l-ajruplan, minkejja li missieru stess (fost l-ikbar sinjuri fl-Afrika) kien ilu li wissa’ lill-ambaxxata Amerikana fin-Niġerja kontra ibnu. Kif ġrat ħaġa bħal din, meta tqies li wara l-attakk terroristiku bl-ajruplani fuq l-Istati Uniti fil-11 ta’ Settembru, tul iż-żmien li damu jiggvernaw ir-Repubblikani b’Bush, l-ebda attakk jew attentat ta’ attakk ieħor simili ma seħħ?
Ta’ min ifakkar li xahar qabel dak l-attakk, li fih kienu inqatlu l fuq minn 3000 ruħ, is-CIA kienet wissiet lill-FBI dwar tnejn mill-ħames terroristi li, iżda, dan ma kenux ħadu dik it-twissija bis-serjeta’ biżżejjed. Għalhekk waħda mill-miżuri li kien ħa Bush kien it-twaqqif tan-National Counter Terrorism Centre (NTCC) biex jikkordina x-xogħol bejn dan iż-żewġ agenziji u oħrajn.
Jidher, iżda, li wara li Obama leħaq president u beda jwettaq riformi politiċi fil-qasam delikat tas-sigurta’ li jimminaw lill-istess sigurta’ u żġur ħallew effetti devastanti fuq is-CIA, reġa’ beda d-diżgwid u tħarbit tal-komunikazzjoni bejn din u l-FBI.
Infatti din il-ġimgħa sar magħruf li wara r-rapport ta’ missier Abdulmutallab, saret laqgħa għolja fl-ambaxxata li għaliha kien hemm preżenti uffiċjal tas-CIA, iżda mhux tal-FBI, u meta ntbagħat rapport lin-NCTC, dawn ma qiesux lil Abdulmutallab perikoluż biżżejjed biex jinkluduh fil-listi tat-Terrorist Screening Centre tal-FBI, la f’dik ġenerali ta’ individwi suspettużi, la f’dik li dwarhom irid isir iċċekkjar massimu qabel jitilgħu fuq ajruplan lejn l-Amerika, u wisq inqas f’dik ta’ madwar 3000 li m’għandhom qatt jitħallew jivvjaġġaw fuq ajruplan, in-"no fly list"!
Barra minhekk fuq l-ajruplan tad-Delta Airways ma kien lanqas Air Marshal wieħed Amerikan (jiġifieri aġent tas-sigurta’ pajżan għassa f’każ ta’ xi attentat terroristiku), u kellu jkun passiġġier, reġista Olandiż, li b’kuraġġ kbir qabeż fuq it-terrorista u waqfu qabel leħaq sploda lilu nnifsu u l-ajruplan.


     Issa Obama qed jgħid li se jżied in-numru ta’ dawn il-Marshalls fit-titjiriet lejn u ‘l barra mill-Istati Uniti, wara li, bħal fi żmien l-aħħar amministrazzjoni Demokratika (dik ta’ Clinton), fil-pajjiż tnaqqset l-allerta, il-viġilanza, għax ħasbu li la minflok Bush kien leħaq Obama, it-terroristi mmansaw ukoll.

Il-Ħadd, 27 ta’ Diċembru 2009

Enrico Mizzi 59 Sena minn mewtu

PATRIJOTT SFORTUNAT

Bħala blogg dedikat u ispirat minnu, ma nistax inħalli dan ix-xahar jgħaddi mingħajr ma nfakkar lil wieħed mill-ikbar patrijotti Maltin li kellu l-isfortuna li jmut proprju f’Diċembru ta’ kważi 60 sena ilu ftit xhur biss wara li laħaq Prim Ministru. Enrico Mizzi miet fl-20 ta’ Diċembru 1950 fl-eta ta’ 65 sena, li mal-40 minnhom iddedikahom għall-politika u għall-patrija. Jiġifieri s-sena l-ġdida li tibda nhar il-Ġimgħa taħbat is-60 anniversarju mill-mewt tiegħu 
Nistgħu  ngħidu li dawn l-aktar minn 40 sena fil-politika mhux biss swewlu l-karriera ta’ avukat u flusu (miet fqir), iżda wkoll saħħtu, bil-ħafna dispjaċiri u ftit sodisfazzjonijiet, minħabba l-isfortuna li baqgħet tiġri warajh sal-aħħar nifs ta’ ħajtu, proprju meta, għat-tieni darba l-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu, ifforma gvern, iżda, għat-tieni darba wkoll ma kellux ix-xorti jara l-partit tiegħu itemm il-leġislatura kollha.
L-ewwel darba kienet fl-1932 meta l-PN immexxi minnu flimkien ma’ Ugo Mifsud kien kiseb maġġoranza assoluta, iżda wara li huma marru Londra u talbu d-Dominio Status għal Malta (l-ewwel pass lejn l-indipendenza), il-gvern Imperjali Ingliż minflok wettaq kolp ta’ stat: qabad u ritira l-kostituzzjoni, reġa’ ħataf il-gvern f’idejh, u waqqaf dittatura kolonjali (Dwar dan ktibt fit-tul fl-ewwel post tiegħi fil-blogg fis-17 ta’ Ottubru).
Sfortunament, anki dak iż-żmien, waqt li kien Londra, Enrico Mizzi wkoll kien fil-periklu li jitlef ħajtu minħabba mard, bħalma sar magħruf biss wara.
Iżda l-isfortuna, bħalma bdejt ngħid, bdiet sa’ mill-bidu tal-karriera politika tiegħu. Fl-1912 kien l-awtur ta’ ktejjeb bl-isem ta’ Il Convegno di Malta o una nuova soluzione alla Questione Maltese, li fiha ssuġġerixxa li l-Ingilterra ċċedi lil Malta lill-Italja bi tpartit mal-Eritrea.  Kienet riesqa l-Ewwel Gwerra Dinjija u, minkejja li f’dik il-gwerra l-Italja u l-Ingilterra spiċċaw alleati, Nerik kien ingħadda Qorti Marzjali akkużat bi slealta’ lejn il-Kuruna Ingliża!
Ħalliha li wara t-Tieni Gwerra Dinjija sar magħruf li Churchill kien offra Malta lil Mussolini biex dan jibqa’ newtrali fil-gwerra bħalma kien għamel Franco ta’ Spanja!
Wara dik il-gwerra – li matulha Enrico Mizzi u mal-40 Malti ieħor spiċċaw internati mill-gvern Ingliż fl-Afrika – il-Malta Labour Party, taħt it-tmexxija ta’ Pawlu Boffa, rebaħ l-ewwel elezzjoni tal-1947, iżda d-deputat ta’ Boffa, Duminku Mintoff irriżenja minn ministru mill-kabinett, u fost aktar inkwiet fil-MLP, dan spiċċa qalibha lil Boffa li waqqaf partit għalih.
Il-gvern Laburista f’inqas minn sentejn u nofs irriżenja, u mill-elezzjoni li saret fl-1950 ħarġu rebbieħa n-Nazzjonalisti taħt it-tmexxija ta’ Enrico Mizzi, għalkemm hu sata’ jifforma biss gvern ta’ minoranza.
Din l-isfortuna żgur li kkawżat aktar minn għafsa ta’ qalb lil Nerik meta għal darb’oħra, meta sab ruħu meritatament jiggverna, ma setgħax iwettaq dak kollu għall-qalbu għall-ġid tal-pajjiż, b’mod partikulari t-tagħlim tat-Taljan, li għalih, u għall-maġġoranza li vvutaw lll-PN, kienet tfisser id-difiża ta’ l-identità nazzjonali u kulturali ta’ Malta.
Infakkar li din kienet reazzjoni għall-attentati tal-imperu Ingliż li minflok it-Taljan, li għal sekli sħaħ kienet il-lingwa kulturali tal-Maltin, idaħħal dik Ingliża, bl-iskop finali li b’hekk jiddenazzjonalizza ‘l Maltin, u jkun jista’ jiddominahom aħjar.
Iżda Enrico Mizzi ta prova ta’ realista u statista li kien, warrab għal mument l-idealiżmu, ġaladarba l-mument politiku (kellu bżonn il-voti fil-parlament tad-deputati ta’ Boffa u l-Kostituzzjonalisti biex jgħaddi l-budget u jassikura s-sussidji mill-Ingilterra ħalli ma togħlix il-ħajja) ma setgħax jagħmel mod ieħor.
Din is-sitwazzjoni ta’ gvern ta’ minoranza kienet tinkwetah, aktar u aktar li, ironikament, kellu jrażżan it-tbaqbiq tad-demm patrijottiku proprju meta rega’ sab ruħu jmexxi lill-għażiża patrija tiegħu.
Dan kollu, jekk ma kienx il-kawża, probabbli kellu sehem ukoll fl-attakk tal-qalb li tah mas-sebħ ta’ bħal Ħadd li għadda,  59 sena ilu.
Kawża oħra kienet żġur il-fatt li minkejja li, ma ħassux jiflaħ – u kontra l-parir tat-tabib tiegħu li ma jmurx tard filgħaxija l-ajruport x’ħin kienet ġejja Malta l-Prinċipessa Margaret – ma riedx jonqos mid-dover tal-kariga tiegħu bħala Prim Ministru, u mar xorta jilqagħha f’lejla ta’ kesħa kbira, meta kellu qalbu dgħajfa minħabba l-malarja li ħa waqt li kien eżiljat fl-Uganda.

Kemm l-eżempju jista’ ikollna bħalu ta’ politiku veru sfortunat, iżda ġenwin, sinċier, determinat u responsabbli?

Is-Sibt, 19 ta’ Diċembru 2009

MUNTANJA LI WELLDET ĠURDIEN

il-falliment ta’ kopenħagen
Il-muntanji tħabblu, iżda mill-ħlas welldu biss ġurdien tal-imramma ridikolu”. Dan il-vers (Parturient montes, nascetur ridiculus mus) minn poeżija tar-Ruman  Quintus Horacius Flaccus tiddeskrivi eżattament ir-riżultat tas-summit f’Kopenħagen dwar il-klima wara ġimgħatejn ta’ diskussjonijiet u konfużjoni bejn rapprażentanti ta’ ‘l fuq minn 190 pajjiż. L-organizzaturi, in-Nazzjonijiet Uniti, bnew muntanja kbira ta’ aspettattiva u katastrofiżmu kemm-il darba dik il-konferenza dinjija ma tilħaqx l-iskopijiet li għaliha saret, li l-ewwel kien li jiġi ffirmat trattat li jieħu post il-Protokoll ta’ Kjoto li jintemm fl-2012, u wara, meta bdew ixommu li dan ma kien hemm l-ebda ċans li jseħħ, bdew jgħidu li l-konferenza kellha twassal biex għallinqas jintlaħaq ftehim globali li jorbot lill-pajjiżi kollha, sabiex aktar tard s-sena d-dieħla, dawn jiffirmaw protokoll ġdid.   
 Ġara, iżda, li lanqas dan il-ftehim ma waslu għalih, għax mhux biss m’għandnix Protokoll ta’ Kopenħagen, iżda lanqas Ftehim ta’ Kopenħagen li jorbot lill-pajjiżi kollha. falliment. Dan, ma’ oħrajn, kont bassartu kważi xahar ilu, fil-21 ta’ Novembru.
Il-President Obama irnexxielu biss jikkonvinċi lill-mexxejja ta’ erba’ pajjiżi oħra, li suppost għadhom qed jiżviluppaw, biex jingħaqdu miegħu  f’sempliċi “Qbil (Accord) ta’ Kopenħagen”. Sakemm qed nikteb kien għad mhux magħruf jekk l-Unjoni Ewropea jew ir-Russja kienux se jingħaqdu ma’ dawk il-ħames pajjiżi, filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li għadhom qed jiżviluppaw xejn ma ħarġu kuntenti bil-qbil, li Obama stess ammetta li mhuwiex biżżejjed u li għad fadal ħafna xi jsir.
Falliment għax l-uniku ftehim, anzi, biex inkunu eżatti, qbil politiku dgħajjef u vag, huwa karta ta’ tlett paġni skarsi, s’issa ffirmat minn ħames pajjiżi biss minn 193, meta biex dan ikun effettiv jrid jiġi approvat b’konsensus. Fil-fatt il-Konferenza ta’ Kopenħagen sempliċiment “ħadet nota” tiegħu, iżda ma adottattux bħala d-dokument finali tagħha. Kulħadd, għalhekk, se jaqdef għal rasu.  Fuq kollox dan il-qbil ma jorbot lil ħadd legalment! Falliment.
Iżda, għal min forsi xorta jinteressah, ħalli naraw il-fatti ta’ dan il-Qbil ta’ Kopenħagen, u mhux il-ftaħir tas-soltu media internazzjonali dwar “ftehim storiku –  sinifikanti (meaningful)”.
L-erba’ pajjiżi li qablu ma’ Obama (li għal xi raġuni ma ħassx il-bżonn li jikkonsulta lill-Unjoni Ewropea) huma  biss iċ-Ċina, l-Indjan, il-Brażil u l-Afrika  t’Isfel. Dawn ma setgħux ma jaqblux għax Obama kien hu li qabel mal-erba’ kundizzjonijiet ewlenin li dawn baqgħu jinsistu dwarhom mill-bidu:
1.     L-ebda limiti obbligatorji ta’ emissjonijiet ta’ karbonju.
2.     L-ebda tnaqqis ta’ emissjonijiet sakemm dan ma jħallasx għalihom il-Punent.
3.     L-ebda kontroll internazzjonali ta’ kwalunkwe tnaqqis li ma jħallasx għalih il-Punent.
4.     L-ebda użu tal-“global warming” bħala skuża biex jiġu imposti restrizzjonijiet fuq pajjiżi li ma jnaqqsux l-emissjonijiet
Dawn fil-qosor huma l-punti ta’ dan il-Qbil ta’ Kopenħagen:
Il-ħames pajjiżi qablu li, “jenfasizzaw li t-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar sfidi  ta’ żmienna” u “r-rieda politika qawwija li jiġġieldu t-tibdil fil-klima” filwaqt li jirrikonoxxu “il-ħtieġa xjentifika li ż-żjieda fit-temperatura globali għandha tkun taħt iż-2ºĊ u forsi taħt il-1.5ºĊ”, jimmiraw li “jikkoperaw biex jilħqu dawn l-għanijiet globali u nazzjonali kemm jista’ ikun malajr”, jirrikonoxxu li l-qirda tal-faqar  hija “il-prijorita’ assoluta għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw”, u jaċċettaw il-ħtieġa li jgħinu lill-pajjiżi vulnerabbli – speċjalment dawk l-inqas żviluppati, il-gżejjer żgħar u l-Afrika  – biex jadattaw għat-tibdil fil-klima.
Miri: Il-partijiet fil-Qbil se jimponu fuqhom infushom miri ta’ emissjonijiet għas-sena 2020, u jridu jissottomettu l-istess miri lis-segretarjat sal-31 ta’ Jannar 2010. Pajjiżi li qed jiżviluppaw u li se jitħallsu biex inaqqsu l-emissjonijiet jistgħu jiġu kkontrollati biex jiġi żgurat li dan qed jagħmluh. Pajjiżi żviluppati se jgħinu finanzjarjament lil dawk inqas żviluppati biex ma jkomplux jeqirdu l-imsaġar tagħhom. Jista’ jiddaħħal in-negozju tal-karbonju (carbon trading).
Burokraziji ġodda u finanzjament: Taħt is-superviżjoni ta’ “panel ta’ livell għoli”, il-pajjiżi żviluppati jagħtu sa’ €21 Biljun bejn l-2010-12, bil-mira ta’   €70 Biljun sal-2020, f’finanzjament “gradwali, addizzjonali, prevedibbli u adekwat” lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, permezz ta’ Copenhagen Green Fund. “Mekkaniżmu ta’ Teknoloġija” għandu “iħaffef it-trasferiment ta’ żviluppi teknoloġiċi” lill-istess pajjizi.
Dak kollox. Qbil għali, li jista’ jiswa’ ħafna flus? Iva. Neċessarju? Le. Il-paragun bejn l-allarmiżmu mgħajjat minn diversi mexxejja qabel u waqt il-konferenza dwar is-suppost ħtieġa li “Insalvaw il-pjaneta issa” qabel ikun tard wisq, u r-riżultat dgħajjef  li ħareġ minnha huwa verament każ ta’ muntanja li welldet ġurdien żgħir! U mn’Alla!
Minkejja r-retorika kollha li smajna minnhom f’dawn il-jiem, jidher li l-mexxejja ta’ dawk in-nazzjonijiet fejn dawn perjodikament ikollhom jaffrontaw il-ġudizzju elettorali, bdew jiddubitaw kemm ċerti xjentisti qed jgħidulhom il-verita’, speċjalment minn meta, ftit qabel marru Kopenħagen, faqqa’ l-iskandlu ta’ Climategate.
Dawn issa suppost li se jerġgħu jiltaqgħu sitt xhur oħra fil-Ġermanja, iżda sa’ dakinhar mistennija jkunu ħarġu r-riżultati tal-investigazzjonijiet dwar Climategate li diġa’ tħabbru li se jsiru kemm fl-Ingilterra kif ukoll fl-Istati Uniti.
B’hekk l-iskandlu mistenni jkompli jikber, u għalhekk aktar probabbli li konferenza oħra ma ssirx qabel Diċembru ieħor, fil-Messiku.
Sa’ dak iż-żmien il-babaw tat-“Tisħin tal-Globu”  ikun kompla sfuma. Kopenħagen fisser il-bidu tat-tmiem ta’ dan li hemm  min qed iqiesu “Komuniżmu Aħdar”: attentat mill-Eko-Komunisti ta’ kolp ta’ stat burokratiku globali li falla, u qajla jkollu ċans jirnexxi xi darb’oħra. Iżda tajjeb li nibqgħu viġilanti, għassa, u nirreżistu kontra kull attentat simili li għad jista’ jitfaċċa.

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Diċembru 2009

Kopenħagen: Jitneħħew il-Maskri

Jekk xi ħadd kellu d-dubji dwar dak li qed jinħema fil-kapitali Daniża għas-Summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima, u l-iskop veru tal-biċċa l-kbira tad-delegati tal-pajjiżi li suppost għadhom qed jiżviluppaw (p.e. ċ-Ċina!) żgur li m’għadx hemm skużi għal dubji. Id-diskorsi u l-atteġġjamenti tal-kapijiet u d-delegati kixfu dak li verament jinteressahom: Flus …FLUS … u aktar FLUS!
Tneħhew il-maskri u l-ingwanti u l-iskop veru tal-babaw tat-‘tisħin tal-globu’ ħareġ ċar. Diskorshom kien jikkonsisti jew f’biki u tnewwiħ dwar il-faqar u t-theddid mit-tibdil fil-klima, jew inkella f’tgħajjir sfrenat lill-pajjiżi kapitalisti li ġabu dan il-gwaj kollu fid-dinja, u kif allura huma obbligati jħallsu sa’ mniħirhom.
Qalilna l-kampjun tal-liberta’ u d-demokrazija, l-Komunista Hugo CHAVEZ tal-Venezwela, li huwa l-kapitaliżmu li jaħti għat-‘tisħin tal-globu’ , “…iżda b’xorti tajba, jekk hawn ġew hawn l-ispettru ta’ dan il-kapitaliżmu, hawn ukoll il-ħares tas-Soċjaliżmu jħuf li se jsalva l-pjaneta” – u hawn is-sala nfaqgħet biċ-ċapċip itarrax ta’ dawk preżenti li qamu saħansitra bil-wieqfa, u li kienu jinkludu wkoll dawk xellugin estremi minn pajjiżi kapitalisti­  ­­– li kien hemm ħafna minnhom.
Qablu kien tkellem ix-xempju l-ieħor tad-demokrazija u l-liberta’, id-dittatur taż-Żimbabwe li wkoll intlaqa’ b’ċapċip kbir meta ma staħax jinsisti bi dritt għall-flus mill-Punent bħala tpattija għas-suppost “dejn klimatiku”!
Biex ikompli jgħaqqad iċ-ċirku, mbagħad tkellem ukoll in-negozjatur ewlieni tal-gżira ta’ Tuvalu, Ian Fry li, liebes ingravata-ċoff, mela’ għajnejh bid-dmugħ hekk kif talab lid-delegati l-oħra jieħdu azzjoni soda, għax qal li filgħodu qam jibki, u li “il-futur ta’ pajjiżi huwa f’idejkom”.
Ħalliha li wara sar magħruf li dan Fry lanqas biss jgħix f’Tuvalu, iżda fl-Awstralja fejn ilu fuq minn għaxar snin. Sadattant dwar ‘il-periklu’ li suppost qed jiffaċcjaw il-gżejjer żgħar mit-tibdil fil-klima , aqra aktar l-isfel.
Intant f’Kopenhagen tkellem ukoll il-President AmerikanOBAMA(viżibilment frustrat), illum appella lill-pajjiżi jaċċettaw ftehim, "anki jekk mhux perfett", u li probabbli se jkun wieħed sempliċiment politiku mingħajr ebda irbit sostanzjali.
Ta min ifakkar li lanqas Obama nnifsu ma jista’ jintrabat b’xi tnaqqis, għax dan għad irid jikseb l-approvazzjoni, diffiċli, tas-Senat f’pajjiżu.


Il-Gżejjer mhux veru fil-periklu
Wieħed mill-ikbar babaw favoriti u fl-istess ħin sottili hu dak li jbeżżgħu bil-periklu tal-baħar jogħla u jhedded li jgħarraq gżejjer żgħar u fost dawn jissemmew il-Maldivi, Tuvalu u għadd ta’ gżejjer fl-Oċean Paċifiku, iżda li ma jinkludux lil Malta, tant li l-istess European Envirnoment Agency ma tinkludix l-għoli tal-livell tal-baħar  fit-tbassir ta’ perikli fi-Mediterran mit-tibdil fil-klima .
Iżda l-Isvediż Dr. Niels-Axel Mörner, l-aqwa espert fid-dinja dwar problemi relatati mal-livell tal-baħar igiddeb bil-provi li gżejjer bħal Maldivi jew Tuvalu huma fil-periklu li ‘jgħerrqu’, bħalma ssostni l-IPCC tan-NU li mit-22 li kitbu r-rapport dwar is-suġġett ĦADD minnhom ma kien speċjalista dwar il-livell tal-baħar.
Mörner sab li l-baħar veru kien qed jogħla, bejn l-1850 u l-1940, b’mhux aktar minn millimetru kull sena. Wara baqa’ stabbli, sakemm fis-Snin Sebgħin, per eżempju fil-Maldivi, NIŻEL bejn 20 u 30 ċentimetru, u minn dakinhar baqa’ stabbli.
Dwar Tuvalu li suppost se tegħreq fi żmien ħamsin sena minħabba l-ħafna karbonju li pproduċew, hemm ukoll ma jirrizultax xi żjieda fil-livell tal-baħar kawżat mit-tibdil fil-klima f’dawn l-aħħar 30 sena.
Iżda fiż-żewġ każi l-gvernijet kien jaqblilhom isostnu t-teżi tal-UN-IPCC, biex jakkwistaw kemm jifilħu flus mill-pajjiżi żviluppati!

Il-Ħamis, 17 ta’ Diċembru 2009

It-Tibdil fil-Klima hu Naturali: 100 Raġuni

Ġabra ta’ dokumenti miġbura f’dossier mit-think tank rispettabbli European Foundation li għadu kemm ġie pubblikat juri bil-provi kif hemm mill-inqas 100 raġuni l-għala t-tisħin tal-globu, it-tibdil fil-klima huma parti minn ċiklu naturali.
Ir-rapport jibda billi jgħid li m’hemm l-ebda prova xjentifika vera li ż-żjieda fil-gassijiet serra kawżata mill-bniedem qed twassal biex tisħon id-dinja, u li minn kemm ilu jeżisti l-bniedem it-total ta’ emissjonijiet ta’ carbon dioxide li kien jaħti għalih kien biss ta’ 0.00022 fil-mija ta’ dawk kollha li ħarġu mill-mant, il-kappa tad-dinja!
Id-dossier ifakkar kif kienu inqas minn 60 x-xjenzjati li kitbu r-Rapport tal-IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1997, mentri qabel dak ħareġ numru ferm ikbar ta’ xjenzjati ffirmaw petizzjoni biex jgħidu lid-dinja li l-interpretazzjoni politika u tal-media tat-tisħin tal-globu kienet falza. Dak il-Heidelberg Appeal illum ġie ffirmat minn ‘l fuq minn 4000 xjenzjat, li jinkludu 72 rebbieħa tal-Premju Nobel minn 106 pajjiżi.
Id-dossier itemm billi jikkwota rapport tan-Nongovernmental International Panel on Climate Change (NIPCC) li jiddikjara li “Ma sibna l-ebda sostenn għall-asserzjoni tal-UN-IPCC li l-osservazzjonijiet klimatiċi matul s-Seklu 20 qatt ma seħħew qabel, jew li jippruvaw xi ħtija tal-bniedem fuq it-tibdil tal-klima.”
Biex taqra l-100 raġuni tal-European Foundation ikklikkja din il-link:

http://www.dailyexpress.co.uk/posts/view/146138
--------------------<>---------------

CLIMATE CHANGE 'LIES' BY BRITAIN

The UK Meteorological Office was last night facing accusations it cherry-picked climate change figures in Russia in a bid to increase evidence of global warming.
Read the whole story here:

Il-Ħadd, 13 ta’ Diċembru 2009

Gwerra u Paċi – Id-dilemma ta’ Obama


Aqraw dan u xtarruh sewwa:
President George Bush Barak Obama, looking quite thin, tall and tanned, accepted the Nobel Peace Prize Thursday, defending his ability to seek peace while fighting two wars abroad.
“We must begin by acknowledging the hard truth that we will not eradicate violent conflict in our lifetimes,” he said. “There will be times when nations — acting individually or in concert — will find the use of force not only necessary but morally justified.”
While espousing the moral standard of nonviolence as practiced by 1964 Nobel laureate Martin Luther King, Jr., Mr. Bush  Mr. Obama described its limits.
“But as a head of state sworn to protect and defend my nation, I cannot be guided by their examples alone,” Bush Obama said, speaking in the cavernous marble Oslo City Hall.
“I face the world as it is, and cannot stand idle in the face of threats to the American people. For make no mistake: evil does exist in the world,” Bush Obama said. A non-violent movement could not have halted Hitler’s armies. Negotiations cannot convince al Qaeda’s leaders to lay down their arms. To say that force is sometimes necessary is not a call to cynicism — it is a recognition of history; the imperfections of man and the limits of reason.”
Kważi kull kumment huwa żejjed. Imma ma nistax ma nfakkarx kemm kienu jgħajruh lil Bush warmonger, ġellied għax iddikjara Gwerra lit-Terroriżmu, u kemm Obama tul il-kampanja elettorali wiegħed li kien se jġib il-paċi fid-dinja billi jimxi mal-għedewwa dikjarati tal-Amerika u tal-Punent bid-djalogu u billi joħroġ idejh!
Iż-żmien dejjem jagħtina parir, u bejn il-paroli u l-fatti hemm baħar jikkumbatti, kienu, jgħidu l-antenati tagħna.
Qatt ma ġara li l-Premju Nobel għall-Paċi nagħta lil xi ħadd għall-kliemu biss u mhux għal għemilu, u min kien għad fadallu xi dubju dwar kemm il-Kumitat tal-Premju Nobel huwa motivat politikament, u verament jirrappreżenta x-xellug internazzjonali, żgur li issa neħħih.

Is-Sibt, 12 ta’ Diċembru 2009

Keith Briffa ikkawża l-Climategate?

Ix-xjenzat x’aktarx ta’ nisel Malti Keith Briffa, Deputat Direttur tal-Climate Research Unit (CRU) tal-East Anglia University fir-Renju Unit qed jiġi suspettat li kien hu stess li xandar l-eluf ta’ e-mails u messaġġi li kien hemm fis-server tal-istess CRU, u li wasslu għal dak li qed jissejjaħ l-iskandlu CLIMATEGATE, li jgiddeb li l-bniedem jaħti għal xi tisħin tal-globu u li jikxef li mhux veru hemm kunsens ġenerali bejn ix-xjenzjati dwar dan kollu.
Is-CRU huwa sors ewlieni ta’ riċerka għall-korp tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima (IPCC) li ħolqot il-Protokoll fallut ta’ Kjoto b’għadd ta’ miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 suppost responsabbli għas-suppost tisħin mhux naturali tal-globu. Iżda issa nkixef li x-xjenzjati tas-CRU bagħbsu fiċ-ċifri biex jaħbu li fil-fatt it-tisħin kien wieħed naturali, u li kien hemm perjodi meta t-temperaturi niżlu u mhux għolew.
Minbarra d-direttur tas-CRU Phil Jones kien issemma wkoll Keith Briffa li fl-imgħoddi kien diġà mdaħħal f’polemika dwar riċerka qarrieqa li hu kien għamel fuq siġar fir-Russja li kien qal li dawn jippruvaw li mhux veru li l-pjaneta tagħna għaddiet fl-imgħoddi minn perjodu ta’ sħana bħal żmienna, fl-hekk imsejjaħ Medieval Warming Period.
F’e-mail minnhom Briffa kien kiteb li Ippruvajt ħafna nibbilanċja l-bżonnijiet tax-xjenza u dawk tal-IPCC, li mhux dejjem kienu l-istess”. (għal aktar taghrif ara l-blogg tiegħi tas-26 ta’ Novembru, meta esklussivament – għal Malta – kont ħabbart dan l-iskandlu l-ewwel darba).
Iżda issa minn aktar stħarriġ li sar qed jikber is-suspett li, aktar minn xogħol ta’ hackers, dan kien xogħol xi ħadd "skrupluż" minn  ġewwa, dak li bl-Ingliż jgħidulu whistleblower, u li dan sata’ kien Keith Briffa innifsu permezz tal-kuntatti li għandu fir-Russja, fejn spiċċaw l-e-mails u l-messaġġi f’file transfer protocol (FTP) server anonimu, minn fejn imbagħad ġrew mad-dinja, tal-internet, kollha.
Fil-fatt, bħalma rrapurtajt ġimgħa ilu Keith Briffa, minn wara li faqqa’ l-iskandlu la deher u lanqas instemgħa xejn, lanqas meta – qabel ma l-Università ta’ East Anglia leħqet għalqet is-sit tas-CRU – ġie kkuntattjat minni u minn, kif sirt naf, ħaddieħor f’Malta.
Barra minhekk, kurjożament, meta d-direttur tas-CRU Phil Jones kellu jirriżenja ġimgħa ilu minħabba l-iskandlu, Briffa, bħala assistent direttur, ma ħax post Jones kif suppost, iżda leħaq ħaddieħor.
Fost min qed isostni li l-whistleblower huwa Briffa hemm min qed ixebbħu ma’ bniedem li jindem, jikkonverti meta jkun qrib il-mewt, sabiex ipatti għall-ħtijietu.
Minn aktar riċerka nfatti sibt li Briffa ilu żmien twil ibati serjament bil-kliwi u li probabbilment għadu, u forsi din ukoll hija r-raġuni li ma jistax jiġi kuntattjat … u li x’aktarx wasslet għal Climategate.
Minn aktar stħarriġ tal-e-mails tas-CRU wieħed jibda jinduna li dan l-aħħar Briffa kien qed iħossu dejjem aktar skomdu u mbarazzat b’dak li kien qed isir mir-riċerki tiegħu u ta’ sħabu x-xjenzjati l-oħra fil-qasam tal-klima, u bil-pressjoni politika li kienet qed issirilhom.
Minn waħda minnhom, per eżempju nkixef li ,waqt laqgħa għall-IPCC fit-Tanżanja, dawn kienu diġà ddeċidew li joħorġu minnha bil-“provi” li tul dawn l-aħħar 1000 sena t-temperatura tal-pjaneta qatt ma kienet daqshekk għolja.
Dan kien stqarru Briffa stess f’e-mail tat-22 ta’ Settembru 1999 li fih jgħid eżattament hekk: "I know there is pressure to present a nice tidy story as regards ‘apparent unprecedented warming in a thousand years or more in the proxy data … In reality the situation is not quite so simple - I believe that the recent warmth was probably matched about 1,000 years ago".

Barra minhekk il-bużillis iżda kien li riċerka li diġà kien għamel Briffa kienet turi li lejn tmiem is-seklu li għadda t-temperatura kienet naqset mhux żdiedet.
F’Tanżanja għalhekk, waqt il-laqgħa tal-IPCC, ġie deċiż li dak it-tnaqqis jinħeba fir-rapport u l-grafiċi fit-Tielet Assessment Report tagħhom, u fir-rapport lill-WMO (World Meteorological Organization).
Ħaġa li ġiet konfremata minn e-mail ieħor, din id-darba ta’ Jones, fis-16 ta’ Novembru tal-istess sena li se nerġà inħallih bl-Ingliż apposta, u kien jgħid eżattament hekk:
I’ve just completed Mike’s Nature trick of adding in the real temps to each series for the last 20 years (ie from 1981 onwards) and from 1961 for Keith’s to hide the decline.
  Fejn “Keith’s” qed jirreferi għal dak li sab Keith Briffa dwar tnaqqis fit-temperaturi, u mhux żjieda!
Il-fatt li dawn l-e mails, kif qed taraw, inaqqsu mill-ħtija ta’ Briffa, għax kienu dawk ta’ madwaru li bagħbsu fir-riżutati tal-istess riċerka tagħhom u tiegħu, ikomplu jsaħħu s-suspetti li jista’ kien hu li xandar l-e-mails u l-messaġġi ta’ Climategate. Jekk hu hekk allura Keith Briffa jista' jitqies EROJ. Nistennew aktar żviluppi.
-------------<>-------------

CLIMATEGATE f’KOPENĦAGEN
Filwaqt li l-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Klima tidħol fit-tieni ġimgħa bi ftit ċans ta’ ftehim sostanzjali u bil-pajjiżi żviluppati jippruvaw jaqblu dwar kemm se joħorġu miljuni ta’ Ewro/Dollari biex jikkuntentaw lil dawk li għadhom qed jiżviluppaw (bħaċ-Ċina!) ħalli jgħinuhom suppost inaqqsu s-CO2, id-dubji li tnisslu mill-iskandlu ta’ Climategate jidher li qed jeffettwaw l-impenji li lesti jintrabtu bihom dawk żviluppati, għalkemm dan ma jammettuhx.  
Sadattant ftit il-bogħod minn fejn qed issir din il-konferenza, saret konferenza alternattiva bl-isem ta’ Copenhagen Climate Challenge Conference, li fiha ltaqgħu grupp ta’ madwar 150 riċerkaturi dwar il-klima, li għalkemm fin-numru huma ferm iżgħar minn ‘l fuq minn 15,000 (bejn  politiċi, attivisti, impjegati fiċ-ċivili u ġurnalisti li waqt is-COP 15 se jkunu responsabbli għall-ħruġ ta’ CO2 daqs kemm kellu l-Messiku fl-2006!), huma żgur aktar kwalifikati biex jitkellmu dwar il-klima.
Dan hu dak li kellhom xi jgħidu wħud mill-mistednin:
u hawn issibu l-Climate Challenge b’għaxar mistoqsijiet li għamlu lid-delegati tal-konferenza tan-NU, u t-tweġibiet li jistennew li jagħtu:
---------------<>----------------
FRODI TA’ €5000 MILJUN FIS-SUQ TAL-KARBONJU
Minbarra l-mijiet ta’ miljuni ta’ Ewro li “sparixxew” meta nagħtaw mill-Unjoni Ewropea lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw (ara l-post tiegħi tas-26 ta’ Novembru) issa faqqa’ każ serju ta’ frodi ta’ mhux inqas minn 5 Biljun Ewro, jew 5000 Miljun Ewro, permezz tas-suq tal-emissjonijiet tal-Carbon Dioxide li suppost qed jikkawżaw sħana perikoluża fid-dinja,
Il-pulizija Ingliża, wara investigazzjonijiet mill-Europol, diġà wettqu xi arresti ta’ persuni mdaħħla f’din il-frodi. Dawn kienu jixtru l-carbon credits minn climate jew energy exchanges f’pajjiżi bħal Franza, Spanja, Danimarka u l-Olanda, fejn hemm rata tal-Vat baxxa fuq dan is-suq, u jbiegħhom fir-Renju Unit fejn jiċċarġjaw bir-rata aktar għolja tal-Vat t’hemmhekk, u jżommu d-differenza għalihom.
B’hekk f’dawn l-aħħar 18-il xahar dawn daħħlu mal-5 BILJUN Ewro, u hu kkalkulat li f’ċerti pajjiżi dawn il-frodisti jikkumerċjaw 90 fil-mija tan-negozju f’dan is-suq.
Dan kollu għandu jiftaħ għajnejn min qed jinsisti li jxerred proġetti ta’ Emission Trading Schemes, jew Cap-and-Trade mad-dinja kollha biex, mingħalih, inaqqas dawn l-emissjonijiet, meta kif qed naraw, kull ma jagħmlu huwa li joħolqu suq ġdid għal imbrolji finanzjarji.  

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2009

Climategate Tsunami

Jirriżenja direttur imdaħħal    fl-iskandlu Climategate
Il-Professur PHIL JONES ħabbar li rriżenja minn Direttur tal-Climate Research Unit (CRU) fl-Università ta’ East Anglia fl-Ingilterra sakemm tintemm l-investigazzjoni (il-kelma eżatta użata fl-istqarrija tiegħu hija Review) indipendenti, dwar l-allegazzjonijiet wara l-hacking u l-pubblikazzjoni ta’ e-mails li oriġinaw mill-istess CRU.
Jones – li huwa l-aktar xjentist implikat fl-iskandlu Climategate – qal li dan qed jagħmlu biex ma jfixkilx ix-xogħol tal-investigazzjoni (li trid tlesti xogħlha sar-Rebbiegħa tal-2010) u lanqas il-ħidma tal-istess CRU. 
   Kurjuż il-fatt li postu temporanjament mhux se jieħdu Keith Briffa li huwa  d-Deputat Direttur tas-CRU, iżda minflok professur ieħor, Peter Liss, se jagħmilha ta’ Acting Director.
Minn meta faqqa’ l-iskandlu Briffa, x’aktarx ta’ nisel Malti, ma nstemgħax iżjed, u ma weġibx għal diversi messaġgi li ntbagħtulu anki minn Malta, inkluż minni.
---------------<>----------------
Xi wħud ikkummentawli li fil-blogg tiegħi qed nagħti ħafna importanza lil dak li qed insejjaħ ġenn dwar t-tibdil fil-klima. Dan veru, iżda wara li faqqa’ l-iskandlu ta’ Climategate, kważi kuljum qed ikun hemm żviluppi importanti, li ħaqqhom li nġibhom għall-attenzjoni ta’ dawk li jsegwu dan il-blogg
Dan aktar u aktar meta l-media lokali, bħal ħafna minn dik internazzjonali, qed jinjoraw, jew għadhom ma stenbħux għall-importanza ta’ dan l-iskandlu xjentifiku, li bħal donnu tsunami, qed iħalli riperkussjonijiet  f’diversi pajjiżi.
Wara li nkixef dak l-iskandlu, minbarra li n-numru ta’ xettiċi dwar it-tibdil fil-klima u t-tisħin tal-globu suppost kawżat mill-bniedem kompla jikber, riperkussjonijiet oħra qed ivarjaw minn sejħiet għal inkjesti, riżenji, kunsiderazzjonijiet mill-ġdid ta’ pożizzjonijiet ta’ korpi u istituzzjonijiet, mhux biss xjentifiċi, u saħansitra bdil ta’ mexxej ta’ partit, dibattiti. u diżgwid fi ħdan partiti anki fi gvernijiet, b’uħud minn dawn fil-periklu li jaqgħu.



------------<>-------------
GVERN FIL-PERIKLU/KAP TAL-OPPOŻIZZJONI ĠDID
F’din is-sitwazzjoni jinsab il-gvern Laburista Awstraljan wara li l-Erbgħa, liġi li ried iressaq li tintroduċi Emissions Trading Scheme (ETS), suq ġdid biex l-industrji, u l-pajjiż, inaqqas il-ħruġ ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet CO2, m’għadditx mis-Senat b’41 kontra u 33 favur.
Fis-Senat Awstraljan il-Laburisti m’għandhomx maġġoranza u biex jgħaddi liġijiet iridu l-appoġġ tal-Ħodor. Jidher li din id-darba lanqas dawn ma kienu biżżejjed, għax minbarra li ħames deputati Laburisti ivvutaw kontra l-liġi, l-Oppożizzjoni Liberali/Nazzjonali, li għall-ewwel deher li kienet se tivvota favuriha, spiċċat ivvutat kontra.

Li kieku m’għamlitx hekk tnax-il senatur Liberali kienu lesti jirriżenjaw. Iżda l-mexxej Liberali Turnbull baqà jinsisti li huma jivvutaw favur. Dan wassal biex fil-Partit saret elezzjoni għall-ħatra tal-kap li ntrebħet minn Tony Abbot.
Wara li l-Oppożizzjoni għelbet lill-gvern, Abbott iddikjara li l-Awstralja m’għandhix tadotta sistemi ta’ kummerċ tal-emissjonijiet qabel din tkun parti minn sistema dinjija. “Dak ikun iż-żmien xieraq, jekk qatt jasal, għax ma jidhirx li dan se jseħħ, lanqas fl-Amerika”.
Il-Prim Ministru Laburista Kevin Rudd iddikjara li ma kienx se jirrizenja minkejja dan il-vot kontra, u beħsiebu jerġà jressaq il-liġi x’aktar fi Frar tas-sena d-dieħla. Jekk lanqas dakinhar ma jġibha żewġ, ikollu jsejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien, għax din suppost issir sa’ Novembru tas-sena d-dieħla.

Ta min ifakkar li l-Awstralja, flimkien mal-Istati Uniti, iċ-Ċina u l-Indja, ma kenitx iffirmat il-Protokol ta’ Kjoto fl-1997 meta kien hemm gvern Liberali. Iżda malli l-Labour rebħu l-elezzjoni fl-2007, l-ewwel miżura li ħadu kienet li ffirmaw dak it-trattat.


Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide