It-Tlieta, 30 ta’ Novembru 2010

Riżultat Kif Mistenni fil-Moldova

IĊ-ĊENTRU-LEMIN IŻIED L-VOTI ... IMMA S-SITWAZZJONI INĊERTA
Mill-elezzjoni bikrija tal-Ħadd li għadda, bħalma kien mistenni l-Partit Komunista tal-Moldova (PCRM) kompla naqqas l-appoġġ wara li mill-2001, għal tlett elezzjonijiet wara xulxin, l-elettorat Moldav kien tah maġġoranza ta' voti u siġġijiet; l-uniku pajjiż fost l-eks satelliti tar-Russja Sovjetika li wara li ħeles mill-Komunisti reġà tellagħhom fil-gvern.
Il-Prim Ministru u kap tal-PLDM Vlad Filat
Għalkemm baqà l-ikbar partit il-PCRM tilef 6 siġġijiet u għall-ewwel darba kiseb inqas minn 40% tal-voti, 39.3 fil-mija. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta tal-Moldavi issa taw il-ġenb definittament lill-"avventura Komunista".
Mhux daqshekk ċar, iżda, l-messaġġ dwar x'alternattiva riedu l-Moldavi.
Infatti filwaqt il-koalizzjoni fil-gvern kabbret l-appoġġ f'voti bi 3% u żjiedet 6 siġġijiet, dan ma kienx biżżejjed biex isolvu l-problema li wasslet biex jirriżenja l-gvern Ċentrista li kellhom: il-ħatra tal-President tar-Repubblika  mill-parlament
Dan għax biex il-parlament jaħtar president dan irid jikseb 61 vot mill-101 deputat.
Issa l-koalizzjoni tal-Prim Ministru Vlad Filat għal żewġ siġġijiet biss ma tistax tagħmel dan għax issa għadhom 59 siġġu.
Dan żgur ġara għax l-erba' partiti f'din il-koalizzjoni msejħa 'Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea' għażlu li ma jagħmlux kampanja elettorali flimkien, u kull partit ikkontesta għal rasu u mhux bħala blokk elettorali wieħed.
X'aktarx li din kienet ħaġa mistennija għax l-Alleanza ma kenitx waħda omoġenja. Fiha kien hemm erba' partiti: Tlieta meqjusa bħala Ċentru-Lemini: dak Liberali Demokratiku (PLDM) b'ispirazzjonijiet liberali u KristjanDemokratiċi, membru-osservatur fil-PPE), il-Liberali (PL) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN) – dawn flimkien  kisbu 41.5% tal-voti, żjieda ta' kważi 3%, però l-AMN tilef is-7 siġġijiet li kellu.
Iżda fl-Alleanza kien hemm ukoll il-Partit Demokratiku (PDM) Ċentrista-Xellugi, SoċjalDemokratiku li jemmen fit-Tielet Triq (il-falluta "Third Way" ta' Blair u Clinton), membru fil-Partit Soċjalista Ewropew u l-Internazzjonali Soċjalista.
Barra minhekk, bħalma ktibt il-Ħadd li għadda, l-kap tal-PDM Marian Lupu kien membru tal-Partit Komunista Russu, u wara l-waqa' tal-Unjoni Sovjetika ingħaqad ma' dak Moldav, il-PCRM biex ġie nominat ministru u Speaker fi tlett gvernijiet Komunisti bejn l-2001 u l-2009.  Iżda minħabba, intqal, li la ġie nominat fil-Kunsill tas-Sigurtà mill-kap tal-PCRM Voronin, u lanqas għall-president, Lupu telaq mill-partit u nagħqad mal-PDM, fejn leħquh kap.
Meta l-koalizzjoni taċ-Ċentru rebħet l-elezzjoni, Lupu kien il-kandidat tagħhom għall-president, iżda ma kellhomx siġġijiet biżżejjed biex itellgħuh, għax id-deputati Komunisti ma vvutaw lil min qiesuħ bħala "traditur". B'hekk kellha ssir elezzjoni kmieni.
X'se jiġri allura issa meta l-partiti taċ-Ċentru għalkemm marru tajjeb, xorta m'għandhomx voti biżżejjed biex jaħtru l-president?
Marian Lupu (kap tal-PDM) parti minn
pjan li ħmew il-Komunisti?
Osservaturi Moldavi, fosthom ħabiba, Olguta Ciutac tal-Moldova.org, li qed nikkorrispondi magħha, ma jaħsbux li l-Moldova tiflaħ għal elezzjoni oħra.
L-istess Ciutac qaltli li x'aktarx jerġgħu jingħaddu l-voti ta' Moldavi li jgħixu barra l-pajjiż, fejn 77% ivvutaw lill-partiti tal-Alleanza, u allura dawn suppost rebħu aktar siġġijiet. Riżultat aħħari jkun magħruf sal-Ġimgħa jew is-Sibt li ġejjin.
Dwar Lupu, Ciutac semmitli kif ħafna qed jissuspettaw li dan iġġieled mal-Komunisti bħala pjan ta' Voronin biex, wara li qabel l-elezzjoni ma vvutawx lil Lupu, issa li ma rnexxilhomx, kif ittamaw, jirbħu l-elezzjoni, l-Komunisti jaqblu li jivvutawlu, imma jitolbu ċerti kundizzjonijiet mill-Alleanza.
Sadattant, qaltli wkoll li hemm xnigħat persistenti li żewġ deputati Komunisti jistgħu jiddikjaraw ruħhom indipendenti jew jingħaqdu mal-PDM, u jivvutaw lil Lupu għall-President.
Nistennew u nittamaw ... għall-ġid ta' Moldova demokratika u aktar ħielsa

It-Tnejn, 29 ta’ Novembru 2010

Summit Ieħor Inutli dwar il-Klima

MILL-KESĦA TA' KOPENĦAGEN GĦAX-XEMX TA' KANKUN!
Illum f’Kankun fil-Messiku jibda summit ieħor tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) fejn matul l-għaxart ijiem li ġejjin delegati minn ’l fuq  minn 200 pajjiż mid-dinja kollha –  b’kollox madwar 15,000 ruħ meta tgħodd rappreżentanti ta’ NGO’s u ġurnalisti – se jippruvaw jilħqu ftehim daqsxejn aktar sostanzjali minn dak li ħareġ sena ilu mill-aħħar summit fallut f'Kopenħagen li kellu jwassal għall-qbil dwar protokoll ieħor wara dak fallut ta’ Kjoto li jintemm fl-2012.
   Fir-realtà dawn diġà jafu li l-istess se jerġà jiġri din is-sena, u apparti li se jerġgħu jikkawżaw għexiren ta' eluf ta' emissjonijiet ta' CO2, dan se jkun biss summit ieħor inutli biex kollox jiġi pospost b'sena oħra għas-summit tal-2011 fl-Afrika t'Isfel.
    Dan għax l-ewwelnett il-pajjiżi żviluppati ma wettqux l-impenji finanzjarji li kienu ntrabtu bihom proprju sena ilu f’Kopenħagen, u ma tantx jidher li se jonorawhom fil-futur. U mingħajr ftehim li jorbot dwar il-finanzi m’hemmx ftehim dwar il-klima, għax huma l-flus li hawn jinteressaw l-aktar.
    L-hekk imsejjaħ Copenhagen Accord ħalla lil kull pajjiż jiddeċiedi hu b’kemm inaqqas l-ħruġ ta’ gassijiet serra (CO2), iżda dan la kien realment jorbot u lanqas kien hemm mekkaniżmu ta’ kontroll u infurzar.
Ftit jiem qabel Kopenħagen is-sena l-oħra kien faqqa’ l-iskandlu  Climategate, li kompla nissel dubji dwar is-serjetà tax-xjenza wara t-teorija li d-dinja qed tisħon tort tal-bniedem (AGW – Anthropogenic Global Warming). Dan żgur mewwet l-entusjażmu ta’ dawk li ġenwinament kienu ġew konvinti mill-argumenti tal-ekokatastrofisti, u għalhekk, sakemm tiġi studjata verament xjentifikament din it-teorija tal-AGW, qed ibiegħdu kemm jistgħu kull ftehim li jkompli jxekkel lill-pajjiżhom b’aktar restrizzjonijiet
       L-ekokatastrofisti nfatti kien irnexxilhom iġennu lill-gvernijiet biex jaċċettaw jonfqu miljuni kbar – li setgħu ntefqu f’kawżi aktar urġenti (bħall-ġuh fid-dinja) – biex suppost iwaqqfu t-tibdil fil-klima, li suppost huwa responsabbli għalih il-bniedem. Liema flus fil-fatt qed iservu l-aktar biex iħaxxnu l-bwiet ta’ dawn is-suppost esperti/studjużi, u ta’ min għandu interess ibiegħ teknoloġiji alternattivi insuffiċjenti u għolja ta’ enerġija.
     Fuq l-istess karru, bħalma qed naraw f’dawn is-summits, qed jippruvaw jirkbu wkoll pajjiżi sħaħ bl-iskop li jġiegħlu lil dawk l-aktar industrjalizzati, l-aktar fil-Punent, jagħtu lilhom ukoll biljuni biex “ipattu” talli huma qed ikollhom iħallsu l-aktar prezz qares f’“danni” kawżati mill-pajjiżi industrjalizzati, għax l-aktar jaħtu għat-tibdil fil-klima!
     Dan meta eluf ta’ xjenzati jsostnu li fir-realtà it-tort, jew aħjar is-sehem  tal-bniedem fit-tibdil tal-klima huwa tant żgħir li huwa irrelevanti, għax dan huwa l-aktar dovut għal fenomeni naturali, bħall-effetti mix-xemx, li fuqhom il-bniedem m’għandu l-ebda kontroll.
      Għalhekk lanqas il-pajjiżi l-aktar industrjalizzati ma jaħtu għaż-żjieda fit-temperatura, ħlief forsi b’mod insinfikanti, għax anki qabel l-era industrjali, it-temperatura telgħet, u anki nieżlet, skond ċikli mill-aktar naturali.

Meta tqies li l-ftit ftehim xejn sostanzjali li rnexxilhom jaslu għalihom il-pajjiżi f'Kopenħagen, allura dan xejn ma jawgura tajjeb  għal dan is-summit Messikan.
Xorta waħda, però, dan kollu ma qatgħax qalb il-UNFCCC u minn Kankun se terġà tipprova  toħroġ bi trattat li jorbot legalment dwar it-tibdil fil-klima.
Imma l-aqwa li dawn l-eluf li qed jaslu f'Kankun ikunu ħadu vaganza ta' kważi ġimgħatejn għax-xemx sħuna Messikana!

Is-Sibt, 27 ta’ Novembru 2010

Lejn Rebħa oħra Ċentru-Leminija

It-tielet elezzjoni f’sentejn fil-Moldova
Għada l-Ħadd, wara ftit aktar minn 15-il xahar, il-Moldavi se jkollhom jerġgħu imorru jivvutaw minħabba li l-gvern irriżenja għall-istess raġuni li kien xolja dak ta’ qablu. It-tielet elezzjoni fi żmien sentejn.
Vlad Filat, Prim Ministru attwali u
President tal-Partit Liberali Demokratiku
Iżda ħalli nfakkar fuq fuq x’inhija s-sitwazzjoni politika f’din l-eks satellita tal-Unjoni Sovjetika: l-ewwelnett, sa’ qabel appuntu l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra, l-Moldova kellha r-rekord xejn sabiħ tal-uniku pajjiż – wara l-waqa’ tal-Komunizmu fl-eks Unjoni Sovjetika u fl-Ewropa tal-Lvant – fejn l-elettorat, (l-inqas mis-60% li jmorru jivvutaw), kienu jissorpendu lid-dinja billi jagħtu maġġoranza lil partit imsejjaħ espressament ‘Partit tal-Komunisti tar-Repubblika Moldova’ (PCRM), u dan mhux darba, iżda tlett darbiet wara xulxin, f’elezzjonijiet meqjusa ħielsa u ġusti, għallinqas minn osservaturi internazzjonali.
Ġara li wara t-tielet elezzjoni in fila li, bla mistenni, f’April tas-sena l-oħra, ntrebħet mill-Komunisti, dawn ma setgħux jerġgħu jaħtru Komunista bħala President tar-Repubblika għax, minkejja li kienu żjiedu s-siġġijiet fil-parlament, kien jonqoshom ieħor għal 61 siġġu meħtieġa skond il-kostituzzjoni biex jaħtru president li riedu huma, u allura kellha tissejjaħ elezzjoni bikrija.
Dan għax dik id-darba l-oppożiżżjoni baqgħet magħquda, u ma kienx hemm xi partit ­– bħad-Demokristjani tal-PPCD li lkoll kienu vvutaw għall-President Komunista Vladimir Voronin – u xi 11-il deputati mill-partit liberali AMN. Żgur li dik kienet ir-raġuni l-għala l-elettorat lil dawn ma vvutalhomx fl-elezzjoni ta’ wara, bħalma ġralhom dawk kollha tal-PPCD, li fil-fatt kien spiċċa ma tella’ l-ebda deputat, u lanqas fil-parlament li għadda ma kellu rappreżentanti.
Intant niġu lura għal dak li ġara wara l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra:
Minkejja li l-Komunisti baqgħu l-ikbar partit, dawn kienu tilfu 12-il siġġu u naqsu kważi 5% tal-voti (għal 44.7%), filwaqt li l-erba’ partiti taċ-Ċentru li kienu fl-oppożizzjoni u kisbu siġġijiet fil-parlament rebħu 51.2% tal-voti u 53 siġġu kontra t-48 tal-Komunisti. B’hekk dawn aktar ma setgħux jaħtru l-president li riedu huma.
L-erba’ partiti taċ-Ċentru huma dak Liberali Demokratiku (PLDM, Ċentru-Lemin, li kiseb 18-il siġġu), il-Liberali (PL, Ċentru-Lemin, -15), id-Demokratiku (PDM, Ċentru-xellugi  - 13) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN, Ċentru-Lemin,  - 7), u f’Awwissu tas-sena l-oħra iffurmaw dik li ssejħet ‘Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea’.
Filwaqt li dawn bejnithom setgħu jiggvernaw u ffurmaw gvern immexxi mill-kap tal-PLDM Vlad Filat, xorta ma rnexxilhomx jaħtru l-president li xtaqu, Marian Lupu, kap tal-PDM. Lupu huwa post-Komunista u eks Ministru fl-aħħar tlett gvernijiet Komunisti tal-PCRM ta’ Voronin, minn fejn telaq f’Ġunju tas-sena l-oħra, għax qal li qatgħa qalbu li jirriforma l-PCRM minn ġewwa, iżda wkoll wara li Voronin ma kienx ħatru fil-Kunsill Suprem tas-Sigurtà tal-Moldova.
Intant sabiex joħorġu  minn din is-sitwazzjoni u l-Moldova jkollha president, l-Alleanza fil-gvern approvat u għamlet referendum f’Settembru li għadda biex il-poplu jivvota jridx tibdil kostituzzjonali, ħalli jkun il-poplu direttament li jivvota biex jaħtar President tar-Repubblika.
Kważi 88% vvutaw favur it-tibdil, iżda minħabba li b’kollox ma marrux jivvutaw it-terz tal-elettorat meħtieġ, ir-referendum ma kienx validu, u allura issa l-poplu se jkollu jmur jivvota mill-ġdid għall-parlament.
L-aktar stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika li sar mill-Institute of Public Policy fis-7 ta’ Novembru poġġa lill-Partit Komunista u lil dak Liberali Demokratiku (PLDM) ras imb’ras, b’medja ta’ 36 u 35 siġġu rispettivament (medja ta’ 30% tal-voti kull wieħed).
Jekk ma’ dawn tal-Liberali Demokratiċi nżiedu s-16-il siġġu li mbassar li jikseb l-PDM u 14 tal-Liberali, allura l-Alleanza taċ-ċentru jista’ ikollha 65 siġġu (u 56% tal-voti), aktar milli biżżejjed sabiex jaħtru l-President tar-Repubblika, u tlett siġġijiet biss inqas miż-żewġ terzi biex ibiddlu l-kostituzzjoni.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li 62.6% ta’ dawk li wieġbu qalu li jivvutaw favur kieku jellu jsir referendum biex il-Moldova tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Ħaġa li għallinqas il-partiti kbar kollha Moldavi jaqblu magħha.

Il-Ħamis, 18 ta’ Novembru 2010

Suċċess xjentifiku importanti għaċ-ĊERN

PASS IEĦOR LEJN IS-SOLUZZJONI TAL-BIG BANG
Kmieni din is-sena fl-Isvizzera, eżattament fiċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka Nukleari (ĊERN) kien twettaq b'suċċess esperiment importanti biex il-bniedem jibda jifhem minn xix hu magħmul l-univers u kif dan kellu l-bidu tiegħu. Hemmhekk saret simulazzjoni tal-kolliżżjoni qawwija bejn partiċelli tal-enerġija li jimitaw il-kundizzjonijiet  prevalenti fl-univers fl-ewwel frazzjonijiet ta' sekondi wara l-hekk imsejħa Big Bang, jew ix-xenarju kożmoloġiku li welled l-univers, madwar 13.7 Biljun sena ilu. (Dwar dan kollu ara l-blog tad-19 ta' April).
Minn dakinhar ix-xjenzjati taċ-ĊERN, li fosthom għandna l-unur li hemm il-Malti Nicholas Sammut, komplew bir-riċerki u l-esperimenti u l-bieraħ ħabbru li rnexxilhom iwettqu pass ieħor importanti biex eventwalment jaslu jsolvu l-misterju tal-Big Bang, meta nħolqu kwantitajiet ta' materja u antimaterja, iżda tal-ewwel kienet spiċċat dominanti, u d-dinja tagħna hija magħmula mill-materja.
The electrodes (gold) for the ALPHA Penning trap
 being inserted into the vacuum chamber and cryostat
 assembly. This is the trap used to combine or
"mix" positrons and antiprotons to make antihydrogen.
Għalhekk biex jinftiehem eżatt dak li kien seħħ fil-mument tal-Big Bang meta n-natura eskludiet l-antimaterja, u jsir magħruf jekk dan il-fatt kienx jostor xi sigriet, kelliem għall-esperiment imsejjaħ "Alpha", Jeffrey Hangst, qal li kien jeħtieġ li partiċelli ta' antimaterja "jinqabdu" għal ħin twil biżżejjed sabiex jiġu studjati.
Issa dan irnexxilhom jagħmluh billi "jaqbdu" għal 38 darba atomu ta' anti-idroġenu f'"nasba mekkanika" għal aktar minn 170 millisekondi.
Kelliem għall-Istituto Nazionale di Fisica Nucleare (INFN), il-fiżiku Andrea Vacchi, ddikjara li apparti biex jiġi solvut il-misterju tal-Big Bang, l-antimaterja għad tistà wkoll tkun il-bażi ta' sistemi futuri ta' propulsjoni, enerġija, għal muturi ta' vetturi spazjali li jivvjaġġaw b'veloċità tad-dawl lejn il-pjaneta Marte. Ħaġa mpossibbli llum, minħabba li ma jeżistix mutur b'saħħtu biżżejjed għall-vjaġġ l-hemm u lura.

It-Tnejn, 15 ta’ Novembru 2010

Aktar Qerq dwar it-Tibdil fil-Klima

CLIMATEGATE IEĦOR WARA SENA
L-Att. General Kenneth Cuccinelli
Bħal dan iż-żmien sena fl-Ingilterra faqqa' skandlu li kellu riperkussjonijiet mad-dinja kollha. Baqa' magħruf bħala CLIMATEGATE, għax minn mijiet kbar ta' emails u dokumenti li ħarġu mill-Climate Research Unit (CRU) tal-East Anglia University sar magħruf li huma jinsabu f’konfoffa ma’ riċerkaturi oħra fid-dinja biex ibiddlu, jaħbu jew jeqirdu riżultati tar-riċerki tagħhom li ma jippruvawx it-teorija li d-dinja qed tisħon tort tal-bniedem (AGW – Anthropogenic Global Warming).
Ta'  min jgħid li s-CRU regolarment tgħaddi riżultati tar-riċerka tagħha lill-Intergovernmental Panel on Climate Change tan-NU (IPCC), li fasslet il-ftehim (fallut) ta' Kjoto li wassal għall-miżuri restrittivi minn diversi pajjiżi biex suppost jitnaqqas il-ħruġ tal-gassijiet serra (CO2) ħalli suppost id-dinja ma tibqax tisħon.
Dawn għamlu minn kollox biex  inkjesti suppost indipendenti ma jsibu l-ebda ħtija jew qerq mis-CRU (ara l-blog tal-25 ta' April li għadda).
Imma issa mistenni jfaqqa' CLIMATEGATE 2, li qed jingħad li se juri kif l-ewwel Climategate kien biss it-tarf ta' muntanja tas-silġ, u jkomplu jiskredita lil dawn ir-riċerkaturi u jxejjen darba għal dejjem il-qerq u l-manipulazzjoni ta' dawk li għadhom jinsistu dwar l-AGW.
L-Attorney General tal-istat ta' Virginia Kenneth Cuccinelli qed ikompli l-ġlieda legali tiegħu biex l-Università ta' Virginia tagħmel pubbliċi mijiet kbar ta' emails u dokumenti oħra li għaddew bejnha u bejn s-CRU u li fihom jissemma ħafna r-riċerkatur/xjenzjat Michael Mann, li kien ivvinta t-teorija msejħa "hockey stick", li l-graff tagħha suppost juri li t-temperatura tad-dinja qatt ma kienet għolja daqs fis-Seklu 20, iżda li wara nstab li dik it-toerija ma kenitx valida.
Permezz tagħha, iżda, Mann kien irnexxielu jikseb grants li leħqu n-nofs miljun dollaru mill-Università ta' Virginia bejn l-1999 u l-2005 biex suppost ikompli dik ir-riċerka.
Michael Mann ingħata grant ta' mill-inqas
nofs miljun dollaru mill-Università
ta' Virgina
Minbarra li allura, t-talba ta' Cuccinelli għandha twassal biex isir magħruf jekk Mann kisibx dawn il-grants b'qerq u ksur tal-liġi magħrufa bħala l-Virginia Fraud Against Taxpayers Act, għandha tkompli tikxef aktar qerq minn dawk ir-riċerkaturi promoturi tal-AGW. 
Dan għax id-direttur tas-CRU Phil Jones kien ta ordni biex  jinqerdu numru ta' emails li għaddew bejnha u bejn Mann, iżda li jistgħu għadhom fis-server tal-Università ta' Virginia.
Jekk dawn l-emails u dokumenti iwasslu biex Mann ikollu jirtira l-istudji tiegħu bħala difettużi u qarrieqa dan joħloq tempesta sħiħa, għax ir-rapport tal-2001 tal-IPCC ibbaża l-każ favur li l-bniedem jaħti għat-tisħin tal-globu fuq proprju l-validità tal-hockey stick, li allura tista' tkompli tisfa' fix-xejn.
Sadattant min irid jaf aktar dwar sena minn Climategate jista' jaqra artiklu tassew tajjeb dwar l-"esperti tal-klima" li għadhom jinsistu fil-logħba komika (li kieku mhix daqshekk serja) tal-AGW, fil-blog "Air Vent" hawnhekk: http://noconsensus.wordpress.com/2010/11/12/climategate-a-year-of-comedy/   

Is-Sibt, 13 ta’ Novembru 2010

Farsa oħra fil-Burma (Mjanmar)

Ħelsu lil Suu Kyi biex inessu t-taparsi elezzjoni?
Suu Kyi (li llum għandha 65 sena) tifraħ bil-laqgħa kbira li tawha eluf ta'
partitarji tagħha quddiem darha l-lejl
a
Mela Aung San Suu Kyi fl-aħħar inħelset mat-tmien tas-sentenza li xeħtitha arrestata f'dartha. Mill-bieraħ l-għajdut li r-reġim dittatorjali militari tal-Burma (jew Mjanmar) kien se jeħles lil  Suu Kyi mill-arrest ma qata' xejn, u eluf ta' partitarji tar-rebbieħa l-Premju tal-Paċi u ġellieda għall-libertà u d-demokrazija, nġabru quddiem id-dar tagħha fejn ilha magħluqa għal dawn l-aħħar seba' snin,  u quddiem il-kwartieri ġenerali tal-partit tagħha, l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (LND), dikjarat iilegali mill-istess reġim.
Suu Kyi qattgħet 15 mill-aħħar 21 sena fil-ħabs minħabba l-oppożizzjon tagħha għal 48 sena ta' dittatura militari, u tgawdi l-istess popolarità, jekk mhux aktar, li kellha fl-1990 meta l-partit tagħha kien kiseb rebħa kbira. Rebħa li l-militar kien injora u minn dakinhar dejjem sab xi skuża biex jarrestaha.
Il-militar kien wettaq kolp ta' stat fl-1962 u taħt il-Ġeneral Ne Win mexxa l-pajjiż f'dik li kienet ssejħet "It-Triq Birmana għas-Soċjaliżmu", taħlita ta' Marxiżmu, nazzjonaliżmu u Buddiżmu, li wasslet lill-pajjiż u lill-poplu għall-faqar.
Ne Win kien spiċċa arrestat fl-1988 minn fazzjonijiet rivali fi ħdan l-istess militar (miet arrestat f'daru fl-2002), li però ma fissirx it-tmiem tad-dittatura militari, li anzi kompliet tabbuża d-drittijiet tal-bniedem.
Iżda minn protesti u rewwixti kbar mibdija mill-istudenti, li fihom f'Awwissu tal-1988 s-suldati sparaw u qatlu mat-3000 ruħ, Suu Kyi ħarġet bħala ikona nazzjonali.
Il-ġunta militari ħabbret elezzjonijiet  li ppruvat tikkontrolla b'restrizzjonijiet fuq meetings u b'ċensura, li però qajla swewlha, minkejja li mexxejja politiċi, fosthom l-istess  Suu Kyi, nżammew arrestati f'darhom. Infatti l-LND kien kiseb maġġoranza assoluta ta' 392 siġġu mill-492 fil-parlament, u 58.7% tal-voti.
Ir-reġim militari, naturalment m'aċċettax ir-riżultat, u diversi politiċi tal-oppożiżżjoni spiċċaw eżiljati jew arrestati.
Kellhom jgħaddu 20 sena biex saru elezzjonijiet oħra b'aktar minn partit wieħed, li saru l-Ħadd li għadda, u li reġgħu kienu elezzjonijiet farsa li ġew bojkottjati mill-LND ta' Suu Kyi għax m'aċċettawx li jikkontestaw mingħajrha bħala kap, bħalma riedet il-ġunta militari.
Wara li l-partit mwaqqaf mill-militari kiseb maġġoranza assoluta f'siġġijiet u voti, l-elezzjoni ġiet kundannata mill-pajjiż tal-Punent u minn Nazzjonijiet Uniti, iżda mfaħħra miċ-Ċina u mir-Russja!


Sabiex jippruvaw inessu din il-farsa elettorali quddiem id-dinja, qed juzaw il-ħelsien ta' Suu Kyi.
Issa jiddependi kif se jġib ruħu r-reġim, hekk kif Suu Kyi tidher deċiża li tibqà attiva fil-politika kontra dak li jidher li ried ir-reġim bħala kundizzjoni biex tinħeles. Infatti għada stess hi mistennija tindirizza rally tal-partit tagħha.
Ġurnalist tad-Democratic Voice of Burma, organizzazzjoni non-profit bażata fin-Norveġja u mmexxija minn eżiljati Birmani, Aye Min Soe ma tantx hu ottimist. F'intervista mal-ġurnal Taljan Il Foglio, hu qal li jinsab konvint li din m'hi xejn għajr logħba tal-ġunta li se tisserva b'Suu Kyi biex jibdew taħditiet mad-diversi gruppi etniċi li qed joħolqu wkoll l-inkwiet.
Wara jfittxu skuża biex joħolqu l-instabbilità u jakkużawhom b'terroriżmu,  ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jiddikjaraw l-istat ta' emerġenza u jaħtfu l-poter assolut.
Fi kliem ieħor l-istorja ta' dak li ġara bejn l-1988 u 1990 terġa' tirrepeti ruħha mill-ġdid. Nistgħu biss nittamaw li le.

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Novembru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 7

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
Tieqa lejn l-Ewropa permezz tal-Italja
Nerik fisser ukoll li minkejja li Malta kienet taħt il-ħakma u fl-isfera Ingliża, kellha tinżamm dejjem miftuħa beraħ it-tieqa lejn l-Ewropa, lejn il-kontinent, evidentement tramite l-Italja. L-Italja li kienet iċ-ċirkwitu storikament mixgħul u ġeografikament agħar; l-Italja li kienet u setgħet allura tiffaċilita l-aċess Malti għall-Ewropa, għaċ-ċiviltà Ewropea, li kif kien jgħid hu, la kienet Għarbija u lanqas Afrikana; l-Ewropa Kattolika, Latina, meridjonali, Mediterranea, f’kuntrast jew f’konfront mal-Imperu Protestant, Nordiku u Anglo-Sassonu li kien jippossiedi lil Malta, u jqisha qabel kollox bħala fortizza għall-bżonnijiet Ingliżi u Imperjali.
L-istorja anki kontemporanja turi kif l-Italja, għar-raġunijiet tagħha, għal darba wara l-oħra interċediet għal Malta internazzjonalment u wieġbet għal sejħiet Maltin b’għajnuna finanzjarja u militari, irrispettivament minn min kien fil-gvern.
    Mizzi fisser ukoll l-ideal ta’ riavviċinament prattiku u kooperazzjoni andanti bejn l-Ingilterra u l-Italja fil-Mediterran. Huwa kien jiffavorixxi kemm jista’ jkun relazzjonijiet tajbin bejn l-Italja u l-Ingilterra, anki għaliex dan kien jarah fl-interess ta’ Malta u, fis-snin tletin, fl-interess akbar tal-Ewropa kollha, kontra t-tendenza ta’ eġemonija ġdida Tedeska li kienet bdiet tirranka.
Sfortunatament, min kien imexxi l-politika estera Ingliża fis-snin tletin, Sir Anthony Eden, kien stupidament iktar imxaqleb favur il-Ġermanja, skomdu u biċ-ċiera mal-Italja; jemmen li l-periklu prinċipali għall-Ewropa kien ġej minn Mussolini u mhux minn Hitler. Nerik Mizzi ma kellu l-ebda simpatija mal-Ġermanja u, sa fejn kien irredentist, l-iktar f’żgħożitu, huwa ħolom b’patt mal-pajjiż ġar, mhux mal-pajjiż ħakkiem, kif warajh ħolom ħaddieħor.
Patrijott li miet fqir
Mizzi fisser ukoll xempju ta’ onestà, ta’ integrità, ta’ bżulija u ta’ kuraġġ fis-servizz pubbliku, fil-ħidma sfiqa u fil-patrijottiżmu tiegħu; patrijottiżmu li għalih hu ta ħajtu, u li għalih sofra minn kollox, iktar minn kull politiku Malti ieħor; patrijottiżmu li minnu hu żgur qatt ma abbuża jew stagħna. Nerik Mizzi miet fqir, ma ħalliex ġid materjali, apparti dak li fil-milja tas-snin irriżulta direttament u indirettament mill-viżjoni u l-impenn politiku, soċjali u kulturali tiegħu.
Mill-perspettiva nazzjonalistika tal-lum, l-għarqub ta’ Akille fil-politika Mizzjana jista’ jitqies li kien dak dwar il-Malti bħala lsien li kellu jingħata statut uffiċjali, nazzjonali, fl-edukazzjoni u fil-qrati, bi skapitu tat-Taljan, u ġeneralment bħala staffa għall-Ingliż fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva. Malti jitkellem bil-Malti, Mizzi iktar milli kien kontra l-Malti bħala tali, bħala lsien nattiv vernakulari, kien kontra l-użu tiegħu jew l-abbuż minnu bħala politika sfurzata ta’ Ingliżazzjoni u de-Italjanizzazzjoni fi gżira tant qrib il-ġara, l-Italja b’patrimonju Taljan-Latin tul sekli sħaħ, gżira li ma riditx tinbela’ mill-Ingliżi u internazzjonalment tisfa iżjed iżolata u iżjed soppressa milli kienet.
Il-Malti la kellu orotgrafija u lanqas letteratura
Bir-rispett kollu, niftakru li l-Malti fi żmienu bil-kemm kellu ortografija waħda pprattikata, jew xi letteratura li setgħet tibda tikkompara ma’ dik Taljana, jew imqar ma’ dik Ingliża.
Għalhekk Mizzi kien jilmenta mill-ipokrezija Ingliża meta jara lill-Ingilterra teqred il-Galliku fl-Irlanda u timbotta l-Malti f’Malta, tiftaħ l-istituti kulturali fl-Italja u tagħlaq dak li kien hawn Malta. Paradossi oħra bħal dawn, il-famużi two weights and two measures, jew fi kliem Dimech ‘kodiċi taċ-ċomb għall-Maltin u ieħor tal-karta strazza għall-Ingliżi’, wasslu għall-famuża diċitura: ‘yes, but not in Malta’.
Fil-milja tas-snin, l-impożizzjoni u ċ-ċirkustanzi ffavorew lill-Ingliż kontra t-Taljan, li però minn Malta ma sparixxiex, għax kif kien jgħid Nerik: il-politika tinbidel, il-ġeografija le.
Mill-konfront Anglo-Taljan gawda l-Malti; ħarġet u ssopraviviet demokrazija parlamentari, pluralista; u kien Gvern Nazzjonalista, immexxi iktar prammatikament minn filjozz devot ta’ Nerik Mizzi, li fl-1964 għamel il-Malti lingwa nazzjonali f’kostituzzjoni ta’ nazzjon indipendenti u sovran.
Kienet il-viżjoni u l-iżvolta Ewropea-kontinentali li rrendiet ruħha f’indipendenza mill- Ingilterra fil-21 ta’ Settembru, 1964 u, bejn l-1957 u l-2004, issarrfet fi sħubija sħiħa tat-tliet pajjiżi kkonċernati fl-istess Unjoni Ewropea.
TMIEM
Għal darb’oħra nrringrazzja mill-qalb lill-Professur Henry Frendo talli qabel li nippubblika d-diskors prezzjuż tiegħu f’dan il-blog. Fl-istess ħin xieraq infakkar li fil-ġimgħat li ġejjin se jiġi pubblikat il-ktieb ġdid tiegħu “Culture, Politics and the Future of Identity”(Midsea Publications).

Il-Ħadd, 7 ta’ Novembru 2010

L-attakki pwerili fuq Berlusconi

L-OPPOŻIZZJONI XELLUGIJA MA TITGĦALLEM QATT
Jidher li l-oppożizzjoni Centru-Xellugija fl-Italja ma fehmet xejn mil-lezzjoni ta' biss tmien xhur ilu. Bħalissa qed jaġixxu eżatt bħalma għamlu s-sena li għaddiet meta ppruvaw ikissru lill-Prim Ministru tal-gvern Ċentru-Lemini ta' Silvio Berlusconi ftit xhur biss qabel l-elezzjonijiet mid-term, (bħal dawk li fihom din il-ġimgħa il-President Amerikan Obama ħa tkaxkira nobis).
Is-sena l-oħra, infatti, l-oppożizzjoni approfittat ruħha minn żewġ stejjer-bombi hekk imsejħa "roża" (għax fihom ikunu mdaħħla nisa jew tfajliet) li kien jisimhom Patrizia u Noemi, li ħarġu bihom xi ġurnali fl-ewwel paġna, minn ta' quddiem ix-xellugija La Repubblica, li għamlet jiem sħaħ tippubblika 10 mistoqsijiet lil Prim Ministru, fost tgħajjir u insulti li xejn ma għamlu ġieħ lill-Italja fix-xena internazzjonali, u li l-klima taħraq u ta' mibgħeda u disprezz li ħolqu laħqu l-quċċata, jew aħjar il-qiegħ, bix-xħit tal-istatwa tad-Duomo li ferit serjament lill-istess Prim Minkistru f'wiċċu.
Iżda r-riżultat ta' dan  kollu x'kien?  L-inkjesti li saru dwar il-każijiet rriżultaw, politikament, tempesta tal-karta, u fl-elezzjonijiet amministrattivi li saru f'Marzu l-Popolo della Libertà u l-Lega ħarġu rebbieħa, anzi saħħew l-appoġġ tal-poplu Taljan  biex bdew jiggvernaw fi 11 mill-20 reġjun.
Iżda lanqas għaddiet sena, u minħabba li Fini waqqaf moviment għalih (dwar dan issibu l-aħħar tagħrif aktar 'l isfel), iċ-Ċentru-Xellugin qed jaħsbu li se ssir elezzjoni ma ddumx, u allura qed nassistu għall-istess xenarju ta' sena ilu.
Din id-darba t-tfajliet jisimhom Ruby u Nadia. Fl-istess jum li l-"każ" tal-ewwel waħda beda jinfaqà bħal bużżieqa, ħareġ dak ta' Nadia, bl-iskop li jġiegħlu lil Prim Ministru jirriżenja, mhux għal xi raġuni politika, iżda minħabba qlajjiet ta' relazzjonijiet ambigwi ma' xi tfajla jew oħra.
Wieħed, iżda, jrid jammetti li Berlusconi kultant ma jaħsibhomx u jipprovdi hu stess il-"porvli" biex il-ġurnali, il-media avversarja u l-oppożizzjoni, jattakkawh. Bħall-battuta dan l-aħħar, waqt l-inawgurazzjoni ta' fiera tal-muturi u roti, meta qal "Aħjar tħares lejn it-tfajliet milli tkun gay". Tgħidx xi storbju qajmu rappreżentanti ta' movimenti gay u wkoll min minn iqies ruħu "politically correct". Iżda għal dawn kollha forsi wieġeb is-sens komun ta' Vittorio Sgarbi meta staqsa illi kieku l-Prim Ministru qal "Aħjar tħares lejn il-gays milli tkun tfajla jew straight", allura n-nisa u dawk kollha li mhumiex gay għandhom jieħdu għalihom?!
Bossi u Berlusconi wara li rebħu l-elezzjonijiet amminis-
trattivi tas-sena l-oħra,. minkejja l-kampanja ħarxa ta' qlajja'
personali kontra l-Prim Ministru
Imma l-kundanni ma naqsux jixluh bħala omofobu jew maskilista, meta kulħadd jaf li fil-fatt Berlusconi  fil-ħajja professjonali u politika qatt ma ddiskrimina kontra ħadd.
Il-verità hija li l-oppożizzjoni mhux qed jirnexxilha tattakka l-gvern Ċentru-Lemin fuq il-politika tiegħu, u mhix qed toffri (u dan mhux f'dawn l-aħħar xhur, iżda s-snin) proposti alternattivi.
B'hekk dak li jifdal, l-aktar fl-ewwel paġni tas-soltu ġurnali, huwa s-soltu antiberlusconiżmu  b'kużitajiet li lill-biċċa l-kbira tal-eletturi Taljani m'għadhomx jinteressawhom, inqas u inqas meta jiġu biex jivvutaw.
                                    -------------------------------
Imma dan Fini xi jrid?
Din hija l-mistoqsija li t-Taljani qed jagħmlu minn kemm li-Speaker tal-Camera dei Deputati Gianfranco Fini tlewwem ma' Berlusconi u waqqaf moviment politiku li miegħu issieħbu għadd ta' deputati tal-Popolo della Libertà, li hu stess kien waqqaf flimkien ma' Berlusconi.
Fini flimkien mad-deputati li marru miegħu f"settembru  kienu spiċċaw ivvutaw favur l-hekk imsejħa "Ħames Punti" li għandhom iwasslu l-koalizzjoni Ċentru-Leminija tibqà tiggverna sa' tmiem il-leġislatura,  sal-2013, skond il-mandat tal-poplu.
Iżda proprju dalgħodu waqt l-ewwel kungress tal-moviment il-ġdid Futuro e Libertà, ħeġġeġ lill-Prim Ministru biex jirriżenja, jiddikjara kriżi governattiva, biex jiġi diskuss mill-ġdid il-programm tal-gvern, u tiġi verifikata n-natura tal-koalizzjoni u l-kompożizzjoni tal-gabinet. Kompla jgħid li l-moviment tiegħu la hu kontra l-Popolo della Libertà u lanqas kontra Berlusconi. Sempliċiment għandu proġett aktar ambizzjuż", għax dik il-fażi hija issa magħluqa. "L-elezzjonijiet ma rriduhomx, iżda ma jbeżżgħunix".
Fl-ewwel reazzjoni tiegħu wara nofsinhar, il-Prim Ministru iżda wieġeb li m'għandu l-ebda intenzjoni li jirriżenja. Jekk Fini jħoss li l-esperjenza tagħhom fil-gvern intemmet, għandu jkollu l-kuraġġ u r-reponsabbiltà li jivvota kontra l-gvern fil-Parlament.
Dan it-taħwid u indeċiżjoni ta' Fini ħarġu wkoll f'intervista li ta llum stess lill-ġurnal Ġermaniż Welt am Sonntag, filwaqt iddeskriva żball l-għaqda tal-partit li kellu, Alleanza Nazionale, ma' Forza Italia, u qal li kien ikun aħjar kieku baqgħu separati, iżda jkomplu jimmarċjaw flimkien bħala alleati, qal dawn il-preċiżi kelmiet lill-ġurnal Ġermaniż:
"Il-Gvern ta' Berlusconi nħatar mill-poplu, u Berlusconi għandu mhux biss il-possibilità, izda wkoll id-dover li jiggverna sal-appuntament elettorali tal-2013. Huwa dakinhar biss li wieħed ikun jista' jitkellem dwar alleanzi ġodda. Fl-Italja hemm gvern b'maġġoranza qawwija, u elezzjonijiet qabel iż-żmien "illum joħolqu problemi kbar u riskjużi". Jekk il-gvern  iwettaq dak li wiegħed, iżomm. Iżda hemm problemi, anmetta Fini.
Bir-raġun, allura, nistaqsu aħna wkoll: Imma dan Fini allura xi jrid? Forsi li sempliċiment ifittex jilħaq minflok Berlusconi u jmexxi l-gvern Ċentru-Lemini hu?!

Il-Ġimgħa, 5 ta’ Novembru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 6


Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

X’fisser Nerik għal pajjiżna?
Is-simpatiji Maltin għall-Italja la bdew minħabba l-avvent tal-Faxxiżmu fl-1922 u lanqas ma spiċċaw minħabba fih, iktar u iktar meta ftit kien hemm x’tagħżel bejn despotiżmu viċin tiegħek u ieħor f’artek stess. Kif se nuri fid-dettall imkien ieħor, f’nofs is-snin tletin, lil Mizzi nsibuh jissimpatizza mal-Italja meta permezz tal-Lega tan-Nazzjonijiet, l-Ingilterra, li kellha l-ikbar imperu tad-dinja inklużi l-Eġittu u s-Sudan, irsistiet iktar minn kulħadd għal sanzjonijiet ekonomiċi kontra l-Italja sabiex twaqqafha milli tieħu l-Abbissinja.
Patta qares; iżda f’ħajtu stess l-istorja sa ċertu punt irrijabilitatu.
X’fisser mela Nerik għal pajjiżna?
Immaġinaw x’pajjiż kienet tkun Malta, kenitx tkun pajjiż, kieku ħadd ma fetaħ ħalqu u ssogra ġildu biex jasserixxi l-jedd ta’ poplu, ta’ nazzjon, li gverta ta’ vapur ma kienx, u paljazza lanqas. B’liema dritt jiġi stranjier mistieden f’artek jordnalek biex malajr tibda titkellem b’ilsienu inkella b’rasek idur? Nerik fisser reżistenza għall-arroganza msarrfa f’assimilazzjoni forzata: reżistenza li għenet il-ħolqien ta’ kuxjenza nazzjonali u ta’ pluraliżmu politiku f’direzzjoni demokratika.
Kif urejt – fatti ftit li xejn magħrufa sal-lum – huwa offra u jfisser viżjoni moderna, aġġornata, fl-oqsma soċjali, sindakali u industrijali tal-politika soċjali u ekonomika ta’ pajjiżna. Eżempju ta’ dan hi l-ħerqa tiegħu għad-devoluzzjoni u d-diċentralizzazzjoni, realizzata fl-1993 mill-ħolqien tal-kunsilli lokali eletti, illum miġbura fi 68 muniċipju. Eżempju ieħor hu l-leġiżlazzjoni dwar kumpens lill-ħaddiem għall-korriment fuq ix-xogħol, li wara, fl-1928, fl-1956 u fl-1987, żvolġiet fil-liġi tal- assigurazzjoni nazzjonali u tas-sigurtà soċjali.
Eżempju bikri ieħor kien l-hekk imsejħa liġi protettiva tal-monopolji, f’kuntrast mal-kummerċ ħieles tal-Imperu, sabiex timmotiva, trawwem u tassisti lill-industrija lokali ħalli hekk tkun tista’ tinbet u żżomm fuq saqajha, sija jekk din kienet inizjalment għall-produzzjoni tal-birra, tal-mirja jew tal-blanduni; liema politika sfat ikkonsolidata fl-1959 mill-Bord għall-Għajnuna lill-Industriji.
Dan tant tħaddem, speċjalment mis-snin sittin ’il quddiem, megħjun ukoll mis-self ta’ kapital Malti lil intraprendituri Maltin u oħrajn da parti tan-National Bank of Malta, primarjament f’oqsma industrijali u turistiċi. Kif kien bassar luċidament l-għaref pijunier Malti Nikola Zammit sa minn deċennji qabel – fix-xogħol għammiel tiegħu Malta e sue industrie – dawn kienu ħtiġiet fl-interess ta’ żvilupp pro-attiv Malti sabiex ixellfu d-dipendenza ekonomika fuq l-interessi Imperjali, ġeneralment effimeri u skont id-daqqa. Meta jfettlilha anki l-flotta tħalli l-port u ssorġi x’imkien ieħor. Għalhekk huma proposti u prospetti li kienu jirrikaċjaw mal-iżvolti Imperjali inċerti u instabbli tas-soltu, fejn l-interess Ingliż jew Imperjali kien dejjem jiġi l-ewwel bl-iskuża tal-fortizza, tal-kummerċ ħieles, l-istrateġija jew tal-protezzjoniżmu għall-prodott Ingliż. Dawn il-miżuri, ideati partikularment minn Mizzi, fasslu sodda għammiela għal żvilupp futur minn żmienu sa żmienna. Nerik kien jgħid li l-flotta Ingliża tħammeġ il-port, biex jemfasizza li l-editti navali Ingliżi ma kellhomx jieħdu u jingħataw preċedenza fuq il-kummerċ u l-intrapriża portwarja Maltija. Il-Port il-Kbir ma kienx tal-Ingliżi jew għall-Ingliżi; kien il-port ewlieni ta’ Malta u tal-Maltin.
L-awtonomija kienet titlu għal artek u l-ibħra tagħha, dak li fil-fatt tfisser is-sovranità.
• Ikompli ġimgħa oħra

Il-Ħamis, 4 ta’ Novembru 2010

L-Amerikani jerġgħu iduru lejn iċ-Ċentru-Lemin

INFAQGĦET IL-BUŻŻIEQA OBAMAJANA
Lanqas temmen li sa' sentejn ilu biss ma kontx tisma' ħlief Obama tielgħa u Obama nieżel, u dan mhux fl-Istati Uniti biss. Donnu kien niżel xi messija mis-sema li f'qasir żmien kien se jsolvi l-problemi kollha mhux tal-Amerikani biss, u jġib paċi dejjiema fid-dinja. B'kampanja medjatika fost l-ikbar, jekk mhux l-ikbar li rat l-Amerika, bil-media stampata u viżiva mxaqilba oxxenatament favurih, bl-għajta tal-"Bidla" fejn Obama wiegħed kollox lil kulħadd, id-Demokratiċi mhux biss ħeġġew lill-elettorat fidil tagħhom joħroġ jivvota bi ħġaru, iżda kkonvinċew lill-maġġoranza tal-floating voters, dawk li m'għandhomx partit, jippruvaw u jivvutaw lil Obama: Infatti 57% mill-floaters ivvutaw lilu, kontra l-44%, li taw il-vot lir-Repubblikan McCain.
Dawn, però, ma damux ma bdew jirrealizzaw li, bħalma ngħidu bil-Malti, bejn il-paroli ta' Obama waqt il-kampanja elettorali u l-fatti li wettaq jew ma wettaqx malli sab ruħu fil-White House, kien hemm baħar jikkumbatti.
Id-diversi soluzzjonijiet li Obama pprova jħaddem mhux talli ma solvewx il-problemi, iżda komplew għarrquhom, u dan għax primarjament dawn  kienu soluzzjonijiet frott analiżi tal-problemi minn lenti xellugija, anzi Soċjalista, l-istess bħas-soluzzjonijiet.
Meta ma' dawn iżżid sentejn ta' arroganza mid-Demokratiċi lejn il-kostitwenti, l-aktar fejn  kellhom x'jaqsmu r-riforma tas-saħħa u l-miżuri dwar tibdil fil-klima li ried jgħaddihom akkost ta' kollox minkejja li l-poplu wera biċ-ċar li kien kontrihom, allura ir-risposta sovrana ta' kundanna mill-elettorat kienet mistennija, għalkemm mhux fl-entità li rriżultat.
Il-Partit Repubblikan kiseb l-ikbar żjieda fl-istorja mill-1994 (meta l-partit ukoll kien 'irxoxta' minn telfa umiljanti) u issa kiseb il-kontroll tal-Kamra tal-Rappreżentanti u s'issa għandu 239 siġġu kontra l-186 tad-Demokratiċi, jiġifieri żjieda, s'issa, ta' 61 siġġu, li mistennija jitilgħu għal 64, li tkun tfisser l-ikbar rebħa fil-kamra minn kull partit mill-1948 'l hawn.
Mill-banda l-oħra t-tkaxkira li se jkunu ħadu d-Demokratiċi meta s'issa tilfu 71 siġġu, se tkun l-ikbar waħda mill-1938 ' hawn, u li tmur ferm il-bogħod mis-soltu tnaqqis fil-popolarità f'elezzjonijiet ta' nofs leġislatura. Bir-raġun kien hemm sejjħilha TSUNAMI!
Mhux l-istess ġara fis-Senat, iżda jekk id-Demokratiċi ma nlaqtux minn tsunami, xorta sofrew disfatta għax, s'issa tilfu sitt siġġijiet li ħaduhom ir-Repubblikani biex sakemm qed  nikteb, is-sitwazzjoni hija 47 Senatur Repubblikan, kontra 53 tad-Demokratiċi, u b'hekk dawn m'għadx għandhom maġġoranza assoluta fis-Senat; maġġoranza li d-Demokratiċi kienu qed igawdu biss għax żewġ senaturi indipendenti kienu ġeneralment jivvutaw mad-Dems.
Wieħed kien jittama li Obama jitgħallem xi ħaġa minn dan kollu, iżda mid-diskors tiegħu wara r-riżultat diżastruż tal-elezzjoni tat-Tlieta, jidher li beħsiebu jibqà jwebbes rasu, għax filwaqt qal li se jirsisti aktar biex jikseb konsensus mar-Repubblikani, kompla li jaf li deċiżjonijiet li ħa kienu "iebsa", iżda dawn kienu "tajbin". Hu qal li r-rebħiet li għamlu r-Repubblikani kienu frott frustrazzjoni tal-Amerikani dwar l-ekonomija, u  ċaħad li l-elezzjonijiet kienu referendum dwaru jew dwar il-politika tiegħu.
Iżda bir-raġun kollu r-Repubblikani qed isostnu li dawn fil-fatt hekk kienu.
John Boehner, li issa se jilħaq speaker tas-Senat minflok d-Demokratika Nancy Pelosi, iddikjara li l-messaġġ tal-elettorat huwa ċar fiċ-ċaħda tal-politika ta' Obama, u jriduh ibiddel id-direzzjoni.
Infatti l-"mediċina" xellugija ta' dejjem aktar indħil mill-gvern fl-ekonomija, fil-banek, fl-industrja, fil-qasam tas-saħħa, fl-assigurazzjoni, ma jsolvux il-problemi, ikabbru l-infieq tal-gvern (flus il-poplu) u t-taxxi fuq l-istess poplu, b'riżultat ta' żbilanċ, defiċit fil-finanzi tal-pajjiż.
Minn meta d-Demokratiċi kienu kisbu l-kontroll tal-Kungress fl-2007 
• Il-Prodott Gross Domestiku baqà imwaħħal fi tkabbir ta' 2.5% fis-sena;
•  It-tberbiq tal-gvern żdied b'40%, filwaqt li l-infieq fuq l-edukazzjoni naqas bi 32.7%;
•  Id-dejn pubbliku kiber b'57.7%, jew $420,000 kull persuna;
•  Ir-rata tal-qagħad kibret b'101.5%, u llum leħaq id-9.7%;
•  Il-faqar kiber ukoll b'16.3%
Veru wettaqha il-bidla li wiegħed Obama ...għall-agħar!
U inutli li issa d-Demokratiċi jippruvaw iwaħħlu fl-amministrazzjonijiet Repubblikani ta' qabel għall-qagħda finanzjarja-ekonomika li jgħidu li "wirtu".
Huma l-Kungressisti Demokratiċi biss responsabbli, per eżempju, għall-kriżi tas-sistema tal-housing u l-credit markets meta kienu jġiegħlu lill-banek u istituzzjonijiet finanzjarji jselfu bilfors lill-ħbieb tagħhom anki jekk dawk ma kien ikollhom l-ebda garanziji – li tat bidu għall-krizi finanzjarja Amerikana in ġenerali, għar-riċessjoni.
Hawnhekk ma semmejtx il-politika barranija Obamajana, li wkoll kienet mimlija b'ħafna retorika matul il-kampanja elettorali ta' Obama sentejn ilu. Dan  għax l-elettorat Amerikan din il-ġimgħa vvota l-aktar minħabba t-tħassib tiegħu dwar is-sitwazzjoni ekonomika-finanzjarja mwiegħra li qed thedded l-istil tal-ħajja tiegħu b'mod aktar immedjat.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide