It-Tnejn, 31 ta’ Mejju 2010

Il-Qawwiet Iżraeljani Għamlu Sew Sparaw

SFIDA U PROVOKAZZJONI PPJANATA
Bħalma kien mistenni wara l-inċident dalgħodu fuq il-vapur Tork "tal-paċi" mballat b'attivisti filo-Palestinjani u l-Ħamas fl-ibħra ta' Iżrael, il-media internazzjonali għaġġlet tħabbar il-"kundanna unanima għall-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-bastimenti mgħobbija b'eluf ta' tunnellati ta' għajnuna umanitarja" għall-Palestinjani f'Gaża.
Iżda aktar ma bdew jaslu aħbarijiet aktar beda jsir magħruf li:
1. Il-qawwiet Iżraeljani wissew lill-bastimenti biex ma jibqgħux isalpaw lejn l-istrixxa ta' Gaża għax dik kienet żona ta' gwerra taħt imblokk navali u kienu se jaqbżu l-ibħra internazzjonali;
2. Dawn offrewlhom li l-bastimenti jidħlu f'Port ta' Ashdod biex minn  hemm l-għajnuna lill-Palestinjani titwassal, bħalma ilu jsir, minn fuq l-art, taħt is-sorveljanza tal-istess attivisti;

3. Meta dawn il-bastimenti baqgħu jisfidaw it-twissija, u morini Lhud bdew neżlin mill-ħelikopters fuq l-ewwel u l-ikbar bastiment Tork, il-"Mavi Marmara", dawn ġew attakkati vjolentement mill-attivisti filo-Palestinjani, l-biċċa l-kbira Torok, b'kanen, arbli,  ktajjen, mazez, boċċi tal-ħadid, skieken, hand-grenades, bombi tan-nar, u pistoli li ħatfu lis-suldati, b'uħud minnhom mis-suldati mixħuta l-baħar;
4. Kien hawn li s-suldati Iżraeljani kellhom jiftħu n-nar biex jiddefendu lilhom infushom.
5. Dan kollu hu ppruvat b'filmati li nġibdu mill-ħelikopters u patrol boats Iżraeljani u li ntwerew mill-media internazzjonali, mhux kollha, għax dawn aktar kienu interessati juru l-protesti kontra l-Lhud, u l-ħruq ta' bnadar ta' Iżrael!
Dawn huma żewġ filmati miġbuda bil-lejl bl-infra-red, li xandru l-qawwiet armati Iżraeljani dwar l-attakki kontra s-suldati tagħha:





Sar magħruf ukoll li fost l-għaqdiet mdaħħla f'din il-flotta filo-Palestinjana li telqet minn Ċipru hemm il-Moviment Internazzjonali ta' Solidarjetà, li għandu rekord mill-agħar filli jpoġġi nies innoċenti ta' diversi nazzjonalità fil-periklu billi jibgħathom f'żoni ta' gwerra fil-Palestina, fosthom tfajla Maltija f'April li għadda (Ara l-post tas-27/04/10).
Mhux ta' min lanqas jinsa' il-każ tal-attakk f'ristorant f'Tel Aviv f'Iżrael li wassal għal qtil ta' tlett ċittadini innoċenti u għadd ta' feruti: dak l-attakk twettaq minn terroristi li nħbew wara l-istess moviment, li attivista tiegħu fl-2003 kien spiċċa arrestat fl-Istati Uniti meta pprova jgħaddi madwar $20,000 lil Ħamas.
Qed joħroġ ċar ukoll li dan l-episodju kollu kien ippjanat bħala provokazzjoni bl-iskop aħħari preċiż li jisfrattaw it-taħditiet li kellhom isiru proprju f'dawn il-jiem fl-Amerika bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Netanjaħu u l-President Obama. 
Fil-fatt Netanjaħu mill-Kanada ma baqax sejjer l-Istati Uniti kif kien ippjanat, iżda rritorna f'pajjiżu qabel iż-żmien,  minħabba din il-kriżi.
Dinj l-istrateġija Palestinjana ta' 'sfrattar', kull darba li jkun jidher li se jsir progress lejn soluzzjoni tal-kriżi Palestinjana, ilha titħaddem sa' minn żmien Arafat, u hekk jidher li sar din id-darba, meta kien qed jidher li l-isforzi ta' Obama lejn soluzzjoni kienu mexjin fit-triq it-tajba.

Il-Ħadd, 30 ta’ Mejju 2010

L-Ewropa Tkompli Titbiegħed mix-Xellug

REBĦA OĦRA GĦAĊ-ĊENTRU-LEMIN
Tkompli tiċkin t-tebgħa l-ħamra minn fuq l-Ewropa. Kontra s-soltu tbassir dejjem akjtar żbaljat ta' qabel l-elezzjonijiet ix-Xellug, anki fir-Repubblika Ċeka l-poplu mhux talli ma fdahx biex imexxi l-pajjiż, iżda sofra telfa umiljanti oħra wara dik fir-Renju Unit xi ġimgħat ilu.
Infatti l-Partit SoċjalDemokratiku Ċek (CSSD) fl-elezzjoni li saret il-bieraħ mhux talli ma żjiedx, iżda naqqas kważi 10% tal-voti li kien ġab 4 snin ilu, u tilef 18-il siġġu, sabiex it-tama li jifforma gvern billi wara 20 sena jerġà jdaħħal lill-Komunisti fil-gvern b'xorti tajba għebet għax anki l-Partit Komunista Ċek naqqas ukoll il-voti.
Minflok il-poplu ppremja ċ-Ċentru-Lemin żied bi kważi 10 fil-mija, għal 52.2% , mit-42.6% li kellhom iż-żewġ partiti taċ-ċentru-lemin, li issa saru erba'.
Infatti partit li twaqqaf biss is-sena l-oħra, it-TOP09, jew "Tradizzjoni, Responsabbiltà u Prosperità" –imwaqqaf mill-eks ministru tal-affarijiet barranin, il-prinċep Karl Schwarzenberg (ritratt xellug taħt), wara qasma fi ħdan l-Unjoni Kristjana u Demokratika – minn xejn  kiseb 41 siġġu u 16.7% tal-voti, biex sar it-tielet l-ikbar partit, wara dak konservattiv Ċiviku Demokratiku (ODS) immexxi minn Petr Necas (lemin), li issa għandu 53 siġġu (u 20.2% voti).
Necas probabbli jinħatar Prim Ministru ġdid.


 Il-partit l-ieħor ġdid ċentru-lemini huwa l-"Affarijiet Pubbliċi" (
VV) li b'10.9% tal-voti daħal fil-parlament Ċek għall-ewwel darba  b'24 siġġu.
Dan  ifisser li bejntihom il-partiti taċ-ċentru-lemin flimkien se jkollhom maġġoranza komda ta' 118-il siġġu f'parlament ta' 200.
Is-Soċjalisti issa għandhom 56 siġġu, il-Komunisti baqgħu b'26 siġġijiet, filwaqt li l-Ħodor tilfu s-6 li kellhom, u issa reġgħu sparixxew mill-parlament, wara li kienu daħlu l-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2006.
Dawk li marru jivvutaw f'dik ta' tmierm-il ġimgħa naqsu bi ftit inqas minn 2% għal 62.6%.

Aktar Inkwiet għal Obama

MILL-WHITE HOUSE OFFREWLU KARIGA GĦOLJA BIEX MA JOĦROĠX GĦAL ELEZZJONI
Bħas-soltu l-media, anki lokali, li jaduraw lill-President Amerikan Barak Obama, dwar din l-aħbar ftit li xejn smajna jew qrajna. Dan minkejja, jew aħjar, minħabba li qed theżżeż lill-istess amministrazzjoni Demokratika ta' Obama.
Bħallikieku Obama m'għandux biżżejjed inkwiet - minn  ta' quddiemnett li l-popolarità tinsab dejjem nieżla mal-Amerikani, matul  il-ġimgħa komplew ħerġin aktar dettalji dwar każ ta'  tentattivi ta' xiri ta' membru Demokratiku tal-Kamra tar-Rappreżentanti, sabiex dan ma jikkontestax għal siġġu fis-Senat, liema tentattiv ta' xiri sar mill-Whires House.
Joe Sestak fi Frar lki għadda kien ikkonferma li kienet saritlu offerta ta' kariga għolja mill-White House,  kemm-il darba hu ma jikkontestax l-elezzjoni primarja Demokratika għas-siġġu ta' Senatur fl-istat ta' Pensylvania preżentament okkupat minn Demokratiku ieħor, favorit minn Obama, Arlen Specter li, ta' m in infakkar, darba kien Repubblikan.
Wara silenzju suspettuż mill-White House, nhar il-Ġimgħa ħarġet stqarrija li fiha ġie ċċarat li ċ-Chief of Stafff tal-White House Rahm Emanuel kien qabbad lill-eks President Bill Clinton jipprova jikkonvinċi il Sestak biex jirtira n-nomina tiegħu fil-primarji kontra l-favorit ta' Obama, filwaqt li ntqal li kull ma oiffrew lil Sestak kien l-post, bla ħlas, ta' konsulent f'xi bord presidenzjali jew esekuttiv. 
Kariga li jekk jaċċettaha kien ikollu jirriżenja mill-Kungress, u minħabba f'hekk din l-isqarrija tal-White House ma konvinċitx, aktar u aktar meta hu magħruf kemm Sestak huwa ambizzjuż.
Issa Sestak qed jikkonferma li ħie avviċinat minn Clinton, iżda qallu li ma kienx interessat fl-ebda offerta mill-White House biex jagħmel wisa' lil Specter.
Meta fi Frar għamel l-ewwel dikjarazzjoni, Sestak kien semma' li offrewlu "kariga għolja". Issa qed jirrepeti dak li ddikjarat il-White House li ma kienux offrewlu "kariga għolja", imma sempliċi post ta' konsulent bl ħlas. 
"Liema hija l-verità? Dik li qal fi Frar jew t'issa?", qed  jistaqsu kummentaturi Amerikani. L-istorja kollha għandha xamma ta' falsifikazzjoni.
Hu x'inhu l-każ diversi esperti legali qed isostnu li kwalunkwe offerta ta' tixħim hija reat - u jwettaq reat ukoll jekk dak li jiġi avviċinat biex jixxaħħam ma jirrapurtax il-każ ta' korruzzjoni.
Żgur li l-istorja li diġà qed tissejjaħ SESTAK-GATE, ma spiċċatx hawn. Għal aktar tagħrif araw dan il-filmat tal-kummentatur Sean Hannity fuq FoxNews:

F'ġimgħa fejn il-popolarità ta' Obama, skond Rasmussen Poll, niżlet għal rekord ta' 40% biss, dan il-każ żgur mhux se jgħin biex jirkupra. Dan  minbarra problemi oħra serji li jinkludu
Iż-żejt ħiereġ kontinwament fil-Golf tal-Messiku;
Il-proposta li jgħabbi lill-poplu b'madwar 200,000 Miljun Dollari f'taxxi biex suppost joħloq ix-xoigħol meta l-maġġoranza tal-poplu ma taqbilx mal-mod kif qed jittratta l-ekonomija;
It-theddida tal-Korea Komunista li tattakka l-Korea t'Isfel bil-missili.

Il-PPE Inkwetat dwar l-Ukrajna

THEDDID GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
L-iżviluppi fl-Ukrajna wara l-elezzjoni presidenzjali f'dak il-pajjiż qed jinkwetaw bis-sħiħ lill-ikbar partit fil-Parlament Ewropew, iċ-ċentru-lemini Partit Popolari Ewropew (PPE).
Il-President tal-PPE Wilfried Martens fi stqarrija wera din il-preokkupazzjoni, meta qal li l-iżviluppi negattivi riċenti saru sistematiċi, u qed jheddu l-prinċipji tal-legalità (rule of law) u l-istess drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-libertajiet ċivili. Fost l-aktar żviluppi inkwetanti Martens semma dawn:
1. Fil-Parlament Ukrajn ġiet iffurmata maġġoranza u koalizzjoni mhux skond il-kostituzzjoni, li rriżultaw fi gvern illeġittimu;
2. Qed jiżdied il-ksur fil-libertà tal-istampa u qed terġà tiġi imposta ċ-ċensura, li qed twassal għall-kritika qawwija minn diversi għaqdiet rispettabbli tal-media internazzjonali bħal "Reporters Without Frontiers" u l-"Interrnational Freedom of Expression Exchange";
3. L-elezzjonijiet lokali ġew sospiżi mill-maġġoranza l-ġdida anti-kostituzzjonali fil-parlament;
4. Hemm ksur sistemnatiku tad-drittijiet tal-oppożizzjoni;
5. Hemm provi ċari ta' manipulazzjoni politika tas-sistema ġudizzjarja kriminali mill-awtoritajiet Ukrajni, li qed twassal għall-intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-oppożizzjoni.
"F'dawn l-aħħar ħames snin" qal Martens, "konna drajna naraw lill-Ukrajna bħala xempju tad-demokrazija f'dak ir-reġjun" Huwa tassew ta' swied-il qalb u ta' inkwiet nosservaw kif il-kisbiet demokratiċi tal-gvernijiet preċedenti qed jinqerdu u jiġu injorati mill-awtoritajiet preżenti."
Martens temm billi appella lill-President Ukrajn Viktor Yanukovich biex iwaqqaf dan il-ksur tal-prinċipji demokratiċi. Dan qed ibiegħed lil Ukrajna mill-Unjoni Ewropea, qal Martens, filwaqt li insista ma' Yanukovich biex jiżviluppa djalogu kostruttiv mal-mexxejja tal-oppożizzjoni b'mod demokratiku. 
Fir-ritratt Martens jidher mal-Kap tal-ikbar moviment fl-Oppożizzjoni Yulia Timoshenko.
Sadattant mat-tħassib ta' Martens din il-ġimgħa żdied il-Prim Ministru tal-Ġermanja Angela Merkel, il-Kummissarju Ġermaniż għad-Drittijiet Umani, filwaqt li t-Times ta' Londra nhar l-Erbgħa analizzat it-theddid għad-demokrazija u l-persekuzzjoni tal-oppozizzjoni fl-Ukrajna.
__________________________
KUMITAT POPOLARI GĦAD-DIFIŻA TAL-UKRAJNA
Sadattant aktar kmieni dan ix-xahar twaqqaf moviment politiku bl-isem ta' 'Kumitat Popolari għad-Difiża tal-Ukrajna' li għandu l-ħsieb li jorganizza kampanja ta' protesi fl-Ukrajna kontra l-politika tal-President Yanukovich.
L-iskopijiet ewlenin tal-Kumitat huma dawn:
Difiża tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-istat; Ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadin; Waqfien tal-policies umanitarji anti-Ukrajni; Rifjut tal-attentati ta' moniteraġġ barrani fuq intarpriżi u setturi strateġiċi  fl-industrja Ukrajna; Żamma tal-għażla Ewro-Atlantika tal-Ukrajna; Mixja lejn l-valuri taċ-ċiviltà Ewropej.
Fil-kumitat hemm disa' partiti tal-oppożizzjoni, fosthom il-partit 'Unjoni Ukrajna-Patrija' (Batykivshchyna) tal-eks Prim Ministru Yulia Timoshenko.
Il-gvern sejjaħ l-idea ta' dan il-kumitat bħala "isterika u iddisprata, bla tama u inutli", u l-ewwel rally li sar għamel minn kollox biex fixkel lill-poplu milli jattendi.

Is-Sibt, 22 ta’ Mejju 2010

Il-Falliment tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy)

FI SPANJA 2.2 IMPJIEGI MITLUFA GĦAL KULL GREEN JOB
Wara tant ftaħir dwar il-vantaġġi tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy) prattikata mill-gvern Soċjalista Spanjol ta' Zapatero, tant li kien hemm min hu lest jikkupjaha (fosthom Obama li kien jara fi Spanja mudell ideali), din il-ġimgħa nkixef rapport intern kunfidenzjali tal-amministrazzjoni ta' Zapatero  li jikkonfermna dak li ilhom isostnu esperti mhux governattivi Spanjoli dwar il-falliment ekonomiku katastrofiku tal-inizjattivi 'ħodor"tal-gvern Soċjalista.
Mhux hekk biss: din l-Ekonomija l-Ħadra, partikularment il-politika tal-hekk imsejħa "impjiegi ħodor", qed  ifixklu l-isforzi ta' Spanja biex toħroġ mill-kriżi ekonomika li qed tifni lill-pajjiż u tissogra li tagħmilha Greċja oħra. Id-dokument kunfidenzjali infatti juri kif ġie kkalkukat li għal kull impjieg aħdar (green job) li 'joħloq' l-istat qed jintilfu aktar minn tnejn oħra.
Mhux ta' b'xejn li dan l-aħħar Zapatero ħabbar li kien se jabbanduna l-ekonomija l-ħadra.
Wara l-iskandlu tal-Climategate din hija daqqa ta' ħarta oħra għal dawk li ilhom snin imexxu l-gidba li l-bniedem huwa ħati għat-tibdil fil-klima, b'mod speċifiku għat-tisħin tal-globu b'effetti katastrofiċi. Dan għax biex 'ibiegħu' l-qerq tagħhom, bħall-karrotta lill-ħmir, kienu jgħidu li grazzi għal Green Economy jinħolqu ħafna green jobs!
Imma issa anki din il-bużżieqa nfagħqet: L-ekonomija l-ħadra teħtieġ sussidju qawwi bi flus l-istat, jiġifieri flus il-poplu, u l-gvern Soċjalista hekk għamel: Minn studju li sar mill-Universidad Rey Juan Carlos ta' Madrid instab li mill-2000 sal-2009 Spanja nefqet €571,138 għal kull green job li ħolqot, inklużi sussusidji ta' aktar minn miljun Ewro għal kull impjieg maħluq, f'per eżempju, fl-industrja tal-imtieħen tar-riħ.
Fl-istess studju ġie kkalkukat  li l-programmi biex inħolqu dawk l-impjiegi wassal biex inqerdu 110,500 impjieg f'setturi oħra tal-ekonomija, jew eżattament 2.2 impjieg għal kull green job, jew 9 impjiegi għal kull 4 ħodor, u l-istudju jkompli josserva li hawn mhux qed isemmi kemm impjiegi oħra setgħu inħolqu fis-setturi l-oħra, li kieku rċevew l-istess sussidju bħal dawk ħodor.
Infatti jingħad li r-rapport intern governattiv jagħti ċifri aktar allarmanti ta' impjiegi mitlufa mill-istudju indipendenti. Barra minhekk minn dawn il-ftit impjiegi ħodor li nħolqu wieħed minn kull għaxra biss kienu f'xogħol permanenti.
Dwar dan kollu kienet wissiet il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjons (ETUC)  wara li l-Unjoni Ewropea qablet li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'20% u bl-istess persentaġġ jżiedu l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu sas-sena 2020, il-famuż 20-20-20, li ilna ma nisimgħu dwarha, wara l-fjask tal-Konferenza tan-NU f'Kopenħagen.
Bħala 'lixka' Barroso kien semma li l-proposta ta' 20-20-20 kienet "opportunità biex jinħolqu eluf ta' negozji (businesses) ġodda u miljuni ta' impjiegi fl-Ewropa".
Iżda l-ETUC talbet garanziji li jiġu mħarsa l-impjiegi Ewropej f'dinja globalizzata, għax rat "ir-riskji potenzjali tat-telf tal-impjiegi minħabba d-direttivi u l-miżuri lejn l-'enerġija l-ħadra'", u insistiet għall-"mekkaniżmu ta' kumpens  bħala garanzija tal-impjiegi għall-ħaddiema Ewropej fis-settur tal-heavy industry, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi fuq il-ħaddiema fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima", hekk kif tintilef il-kompetittività billi jiġu rijallokati r-riżorsi, bħalma, appuntu, ġara fi Spanja.
Is-sabiħa, jew aħjar il-kerha hija li b'dawn il-miżuri u s-sussidji kollha l-emissjonijiet tas-CO2 fi Spanja mhux talli ma naqsux, iżda żdiedu!
Kien għalhekk li dan l-investiment f'sussidji lill-enerġija 'alternattiva' ġie kundannat mill-eks Prim Ministru Spanjol Josè Maria Aznar li f'artiklu fil-Financial Times din il-ġimgha, hekk kif talab għar-riżenja tal-gvern ta' Zapatero.
Għalkemm Aznar kien iffirma t-Trattat ta' Kjoto, illum huwa kontra t-'teorija' tat-tisħin tal-globu tort tal-bniedem, u kien sejħilha reliġjon ġdida li qed thedded il-libertà għax hija skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali. Hu appella lill-UE biex tifhem l-kawżi fundamentali li wasslu għall-kriżi prezenti: infieq aktar milli tiflaħ, u policies li jimminaw it-tkabbir ekonomiku, bħal, appuntu s-sussidji għal din l-imbierka, jew misħuta, Green Economy, filwaqt li saħaq li mhux talli m'għandhomx jingħalqux l-impjanti nukleari, iżda jinbnew oħrajn ġodda.

L-Erbgħa, 19 ta’ Mejju 2010

Il-Kriżi tal-Greċja u l-U.E.

TORT TAS-SOĊJALISTI U X-XELLUG
Min ma semgħax bil-kriżi ekonomika/finanzjarja tal-Greċja u kif dak il-pajjiż immexxi mis-Doċjalistio ta' George Papandreou jinsab f'xifer il-falliment totali, allura mhux jgħix f'dinja.  Forsi smajtu wkoll min janalizza x'wassal għal din il-kriżi, u min kien jaħti għaliha. Il-media internazzjonali, ikkupjata, bħas-soltu minn dik lokali, ssostni li t-tort huwa tal-'gvernijiet' Griegi (jiġifieri mhux gvern wieħed partikulari),  li gidbu dwar il-qagħda tal-finanzi tal-pajjiż. Gidbu mal-poplu u gidbu mal-Unjoni Ewropea biex fl-2000 il-pajjiż jiġi aċċettat fiż-żona Ewro.
Iżda min kien fil-gvern  dak iż-żmien? Kien għad hemm il-Pasok, jew aħjar il-Partit Soċjalista Grieg immexxi minn Costas Simitis.
Qed ngħid kien għad hemm għax b'kollox, sakemm saret l-elezzjoni fl-2004, is-Soċjalisti kien ilhom fil-gvern 11-il sena. Allura b'liema wiċċ tost issib min irid iwaħħal it-tort tas-sitwazzjoni Griega fiċ-Ċentru-Lemini ND (jew "Demokrazija Ġdida) ta' Karamanlis, meta dan, malli rebaħ l-elezzjoni, sab li s-Soċjalisti kienu gidbu li rnexxilhom iniżżlu d-defiċit  taħt it-3% tal-Prodott Gross Domestiku u li d-dejn nazzjonali kien taħt is-60%. 
Issa wieħed diffiċli jifhem kif minn naħa tal-Unjoni Ewropea, min kien responsabbli ma ndunax b'dan il-qerq meta u jekk iċċekkja d-dikjarazzjoni tal-gvern Soċjalista ta' Simitis.

Is-Soċjalist Simitis beda t-triq biex illum ġab
 lil Greċja ta' sieħbu Papandreou tallaba
Iżda tafu min kien president tal-Kummissjoni Ewropea dak iż-żmien?
Ħadd inqas mix-Xellugi Taljan Romano Prodi li flimkien ma' xellugi ieħor, anzi s-Soċjalista Spanjol Pedro Solbes, li dak iż-żmien kien il-Kummissarju Ewropew għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, aċċettaw il-kontijiet imbagħbsa tal-Gvern Soċjalista Grieg, u qabel ma biss ivverifikaw dawk il-kontijiet iċċelebraw  dak it-tkabbir taż-ŻonaEwro!
Iżda x'kien wassal lil Greċja fil-qagħda finanzjarja/ekonomika daqshekk imwiergħa li s-Soċjalkisti riedu jaħbu għax inkella l-pajjiż ma kienx se jiġi aċċettat fiż-ŻonaEwro?  Ħafifa it-tweġiba: is-Soċjaliżmu.
Illum nafu li s-Soċjaliżmu ma jnissilx, ma jipproduċix ġid; iwassal għall-falliment u l-faqar. Għal dan iwassal meta għandek is-settur pubbliku, ċjoè il-gvern jikkontrolla l-ekonomija, billi jikkontrolla l-pagi jew 'jinnazjonalizza' l-industrji.
Dan iwassal għall-ħela, impjiegi bl-addoċċ mal-gvern, finanzi mħartbta u bla kontroll, insomma għall-agħar forma ta' welfare state, li llum ħafna qed isostnu li jrid jiġi kunsidrat mill-ġdid.
Imma nkomplu fuq il-gvern ta' Simitis u l-wirt li ħalla lil Karamanlis: malli rnexxielu jdaħħal lil Greċja fiż-ZonaEwro, minflok ma ta bidu għar-riformi strutturali meħtieġa, dan f'daqqa waħda ftakar li hu Soċjalista, u għalhekk ippospona l-miżuri xejn popolari meħtieġa, bħall-introduzzjoni tad-dixxiplina fiskali, lill-amministrazzjoni ta' warajh. L-istess għamel, imbagħad, meta għabba lill-pajjiż u lil Karamanlis bl-ispiża enormi tal-organizzazzjoni tal-Logħob Olimpiku.
Malli mbagħad tela' fil-gvern l-ND ta' Karamanlis u pprova jdaħħal id-dixxiplina fiskali jew josserva l-obbligazzjonijiet taż-ŻonaEwro, is-Soċjalisti kienu jaqilgħu l-inkwiet u jfixklu kull progress, anki bil-kompliċità tal-Unions.
F'din is-sitwazzjoni Karamanlis ma satax ikompli jiggverna u s-sena l-oħra sejjaħ elezzjoni sentejn qabel iż-żmien, bit-tama li l-poplu jagħtih raġun u jkabbarlu l-maġġoranza ta' siġġu wieħed biss li kellu. Minflok il-poplu ħasibha mod ieħor – veru kien hemm il-każ ta' żewġ ministri suspettati f'każi ta' skandli fi proprjetà u n-nirien katastrofiċi mqabbda apposta fil-foresti tal-Greċja fis-Sajf l-ieħor, iżda forsi ħaseb li jekk jivvota fil-gvern lis-Soċjalisti dawn ma kienux se jdaħħlu l-miżuri  ta' awsterità li Karamanlis sostna li jitla' min jitla' kien se jkollu jattwa ...kif fil-fatt qed jiġri, wara tant wegħdiet fiergħa minn Papandreu.
Dan issa ma setgħax iżomm kelmtu ma' dawk li vvutawlu u din hi r-raġuni tal-protesti tal-lum.
Fil-fatt skond stħarriġ tal-opinjoni pubblika mxandar mill-ġurnal Kathimerini fil-bidu ta' dan ix-xahar, 76% minn dawk mistoqsija wieġbu li xejn m'huma sodisfatti bil-ħidma tal-gvern, filwaqt li l-popolarità ta' Papandreu naqset għal 43% mit-53% f'Jannar - telf ta' 10 fil-mija.
Qabel bidlu l-gvern il-Griegi messhom ftrakru kif kull fejn jiggvernaw is-Soċjalisti mhux talli ma solvewx il-kriżi f'pajjiżhom anzi ggravawha – Spanja, il-Portugall, l-Ingilterra huma biżżejjed bħala eżempji u ftuh-il-għajnejn għal kulħadd mhux għall-Griegi biss.

Is-Sibt, 15 ta’ Mejju 2010

Ktieb ġdid dwar il-CLIMATEGATE

Għadu kemm ħareġ ktieb ġdid dwar l-iskandlu Climategate li kixef il-qerq ta' dawk li jsostnu li t-tibil fil-klima, jew aħjar it-tisħin tal-globu, jaħti għalih il-bniedem, li b'hekk se jwassal għall-katastrofi mill-aktar apokalittiċi fuq fil-pjaneta tagħna.
Dwar dan il-ktieb "Climategate"  tal-meteorologu veteran u korrispondent xjentifiku fuq it-televiżjoni Brian Sussman, li għandu wkoll wieħed mill-aktar radio shows ta' filgħodu popolari fl-Amerika, araw l-intervista li l-Fox-News għamillu dan l-aħħar. 
Matulha Sussman jispjega kif wara l-ingann tat-tibdil fil-klima kawżat mill-bniedem hemm ċarlatani li l-iskop tagħhom hu li jibdlu s-soċjetà f'waħda kontrollata f'kollox mill-gvern u li fl-istess ħin qed isiru sinjuruni huma.



Gvern Ġdid fir-Renju Unit

KOALIZZJONI FL-INTERESS TAN-NAZZJON
Bħalma kien xieraq li jsir u sata' biss isir, ir-Renju Unit issa għandu gvern ta' koalizzjoni ffurmat mill-aktar partit li kiseb voti fl-elezzjoni ta' għaxart ijiem ilu, dak Konservattiv, u dak Liberali-Demokratiku. Apparti li dan huwa l-ewwel gvern ta' koalizzjoni minn żmien it-Tieni Gwerra Dinjija, kurjuż aktar il-fatt li huwa gvern magħmul minn żewġ partiti b'filosofiji politiċi ferm differenti minn xulxin, anzi opposti f'ċerti aspetti.
Kien hemm min qal li dan kien possibbli minħabba li filwaqt li l-Prim Ministru David Cameron (lemin) hu meqjus fuq ix-xellug tal-Partit Konservattiv (Ċentru-Lemini), Nick Clegg (xellug, waqt l-ewwel konferenza stampa flimkien nhar l-Erbgħa), huwa fuq il-lemin ta' dak Liberal-Demokratiku (Ċentru-xellugi). Dan, allura, għamilha aktar faċli li t-tnejn li huma ma jkunux daqstant riġidi fuq l-ideat/ideali tagħhom, u għalhekk iż-żewġ naħat setgħu jaslu biex jagħmlu ċerti konċessjonijiet, fl-interess suprem tan-nazzjon.
Inevitabilment dan ma tantx ħadu gost biss dawk l-aktar intransiġenti (die-hards) fiż-żewġ partiti, u parti mill-bażi, partikularment il-Liberali-Demokratiċi, iżda dawn ma kellhomx alternativa oħra, għal tlett raġunijiet sempliċi iżda indiskutibbli.
1. L-ikbar partit llum huwa dak Konservattiv, u allura l-maġġoranza (li għal biss 16,000 vot mhix waħda assoluta) tal-elettorat riedet liċ-Ċentru-Lemin jiggverna;
2. Il-maġġoranza assoluta tal-elettorat ma riditx lil Labour fil-gvern (bi Brown jew mingħajru);
3. Anki jekk mhux ħafna, il-Liberali-Demokratiċi naqqsu n-numru ta' siġġijiet li kellhom fil-House of Commons, Kieku dawn, minflok, żjieduhom a skapitu tal-Labour, kien ikollhom argument li l-elettorat ried liċ-Ċentru-Xellug jiggverna, iżda bejithom huma u l-Labour kisbu biss 315 siġġu, 'l bogħod mit-326 li kienu jeħtieġu biex ikollhom maġġoranza sempliċi.
Għalhekk Clegg għażel l-aktar soluzzjoni stabbli għall-pajjiż, avolja kellu jissagrifika l-parti l-kbira tal-programm u l-aspirazzjonijiet tal-Lib-Demokratiċi, bit-tama li jgħaddi r-referendum dwar ir-riforma elettorali, u allura jaffrontaw elezzjoni oħra (li hemm qbil li ma ssirx qabel l-2015) b'ċans ikbar li jżiedu n-numru ta' siġġijiet, u l-influwenza, f'koalizzjoni eventwali oħra mal-Konservattivi.
Infatti wara t-telfa umiljanti tal-Labour, ir-riżenja ta' Brown u t-tfittxija ta' mexxej ġdid, dawn issa jidhru kundannti għal numru ta' snin fl-oppożizjoni, u l-unika alternattiva li se jkollhom l-Brittaniċi fl-elezzjoni li jmiss, se tkun jew koalizzjoni oħra Cameron-Clegg, jew gvern kollu kemm hu Konservattiv.
Dan jiddependi minn kif se jġibu rwiehom l-Liberali-Demokratiċi fil-parlament.
Dawn aċċċettaw li fuq tlett punti ewlenin tal-programm tagħhom: tnaqqis tat-taxxa lill-koppji tal-istess sess; aktar dħul b'xejn fl-universitajiet, u alternattivi għall-enerġija  nukleari, deputati tagħhom jistgħu jastjenu, iżda ma jivvutawx kontra l-gvern  u jwaqqgħuh.
Mill-banda l-oħra jridu jogħqodu għall-verdett tal-poplu dwar ir-riforma elettorali għax jekk, kif mistenni, l-elettorat fir-referendum jivvota kontra, u huma jissuppervjaw u jwaqqgħu il-gvern, il-poplu jixħet lilhom ukoll fl-oppożizzjoni, u jagħti maġġoranza ikbar lill-Konservattivi.
Jekk trid tara l-konferenza stampa konġunta kollha tal-Erbgħa  tal-Prim Ministru Cameron u l-Viċi tiegħu Clegg mur f'dan il-link:
http://www.youtube.com/watch?v=8FCOvu2NDio

Is-Sibt, 8 ta’ Mejju 2010

Iċ-Ċentru-Lemin Rebbieħ fir-Renju Unit Ukoll

IL-LABOUR TILFU U L-KONSERVATTIVI GĦANDHOM JIGGVERNAW
Anki jekk il-partit tiegħu ma rnnexxielux (minħabba wkoll is-sistema elettorali Ingliża) jikseb siġġijiet biżżejjed fil-Parlament biex jiggverna waħdu, David Cameron għandu fil-jiem li ġejjin jinħatar l-iżgħar Prim Ministru fl-istorja tar- Renju Unit mill-1812 'l hawn. Jekk dan ma jsirx tkun daqqa ta' ħarta kbira għad-demokrazija parlamentari li tant jiftaħru biha l-Ingliżi, u allura għandha ssir elezzjoni oħra fl-iqsar żmien.
Huma tal-mistħija u insult lis-sovranità tal-poplu t-tentattivi tal-mexxejja Laburisti li biss jikkontemplaw il-possibiltà li jiffurmaw koalizzjoni mal-Liberali-Demokratiċi ta' Nick Clegg biex jibqgħu imkaħħla mal-poter,  minkejja li l-elettorat skreditahom bil-kbir meta tqies li tilfu kważi 100 siġġu u 'l fuq  minn sitta fil-mija tal-voti li kellhom.
Mill-banda l-oħra minkejja l-ħafna agħa u tbassir ta' kemm Clegg se jmur tajjeb  wara d-dibattiti fuq it-televiżjoni – tant li kien hemm min bassar li saħansitra se jgħaddu lill-Laburisti!  – spiċċa biex mhux talli ma żjiedx il-voti, talli anki hu naqqas l-appoġġ u tilef ħames siġġijiet. B'hekk ukoll tgħib il-possibiltà ta' koalizzjoni "Xellugija-Progressiva", għax bejniethom il-Labour u l-Lib-Dem jgħaqqdu biss 315-il siġġu (Lab. 258 + Lib-Dem 57). Jiġifieri jonqoshom 11-il siġġu għat-326 meħtieġa biex jiffurmaw maġġoranza fil-House of Commons. Jistgħu jagħmlu dan biss jekk jirnexxilhom jikkonvinċu lilll-partiti żgħar separatisti Skoċċiżi (SNP), Irlandiżi (SF, SDLP, APNI) u ta' Wales (PC) jappoġġawhom. Iżda jekk jagħmlu dan ikunu qed jisifidaw il-vot ċar ta' sfiduċja tal-elettorat f'Gordon Brown u l-Labour Party, u fl-istess ħin favur il-bidla.
Iż-żjieda ta' 109 siġġijiet aktar milli kellhom fl-aħħar parlament hija l-ikbar waħda għat-Tories mill-1931. Infatti s-swing favur il-Konservattivi bi 306 siġġijiet x'aktarx hija ikbar minn dik li kienet kisbet il-mexxej storika tagħhom Margaret Thatcher fl-1979, u dan is-suċċess jidher ikbar meta wieħed jiftakar fejn kienu l-Konservattivi 13-il sena ilu mgħaffġa taħt l-avvanzata kbira ta' Blair fl-aqwa tiegħu. Dakinhar il-Konservattivi kienu spiċċaw b'165 siġġu biss.
Mill-banda l-oħra t-telfa għal Brown personalment hija tassew waħda umiljanti meta għandu jitlaq minn Downing Street mingħajr qatt ma se jkun irnexxielu jirbaħ elezzjoni waħda, lanqas dik stess  għat-tmexxija tal-partit tiegħu! 
U dan mhux kawża ta' xi żjieda f'dawk li, bħalma ġara f'diversi pajjiżi, għażlu li ma jmorrux jivvutaw, għax fil-fatt – kontra dak li ilu jigri f'dawn l-aħħar għaxar snin fir-Renju unit – dawk li marru jivvutaw ŻDIEDU bi kważi 4 fil-mija għal 65.1% !
Imma dan ma kienx biżżejjed biex Cameron jikseb maġġoranza komda meta quddiemu xejn ma għandu biċċa xogħol faċli – kemm minħabba li rari fir-Renju Unit partit ħa l-poter f'ċirkustanzi daqstant sfavorevoli ekonomikament, kif ukoll għax tiegħu se jkun gvern bl-inqas esperjenza minn nofs is-Seklu Tmintax, għajr għal individwi waħdanin bħall-veteran Ken Clarke. Żgur li mhux se jkun jistà iwettaq l-aktar pjani ambizzjużi fil-programm, qabel ma jsewwi l-ħsara mwettqa fi 13-il sena ta' gvernijiet tal-Labour.
Għaliex iżda Cameron ma rnexxielux jikseb maġġoranza komda ikbar? Jista' hemm diversi raġunijiet oħra, iżda jiena għandi din:
Dwar ċerti issues Cameron ma offrix alternattiva ċara għall-politika tal-Labour. Anzi f'ċerti kwistjonijiet għażel li jitbiegħed minn pożizzjonijiet tradizzjonali leminin lejn iċ-ċentru 'pinnur', jekk mhux ukoll xellugin. Insemmi per eżempju dawk dwar it-tibdil tal-klima, li llum qed joħroġ ċar li x-xellugin fid-dinja kollha qed jisservew bis-suppost tisħin tal-globu ħtija tal-bniedem, biex iwettqu l-ideali tagħhom ta' dejjem aktar kontrolli fuq il-ħajja tal-bniedem, u bħala mod sottili ta' tassazzjoni.
Cameron saħansitra biddel is-simbolu tradizzjonali Konservattiv (torċa fi sfond blu ta' żmien Thatcher) għal sempliċi siġra ħadra, biex jorbot lill-partit mal-ideali 'ħodor' tiegħu, iżda għallinqas (bħal Brown) mhuwiex kontra l-alternattiva  nukleari fil-qasam tal-enerġija. Il-bużillis li l-Lib-Dem ta' Clegg huma kontra n-nukleari.
Wieħed għalhekk jittama li dan il-fatt ma jfixkilx il-formazzjoni tal-koalizzjoni, minħabba xi ostinazzjoni anti-nukleari tal-Lid-Dem, meta llum dejjem aktar qed jidher ċar li din hija l-aktar alternattiva sostenibbli u ekonomika għad-    dipendenza fuq iż-żejt u l-kapriċċi/theddid tal-pajjiżi produtturi.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide