Il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2010

IL-VAGANZI T-TAJBA!

Minħabba li  matul l-eqqel ġimgħat tas-Sajf  l-avvenimenti politiċi fix-xena internazzjonali jonqsu, u elezzjonijiet rari jsiru, il-posts tiegħi għall-ġimgħat li ġejjin se jonqsu wkoll. Dejjem jekk ma jkunx hemm xi avveniment straordinarju.
Nerġà inkun magħkom b'mod regolari f'Settembru. Nawguralkom vaganzi ta' mistrieħ!

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju 2010

Maġġoranza Ċentru-Leminija Oħra fl-Ewropa

DAQQA TA' ĦARTA GĦAX-XELLUG FIS-SLOVAKKJA
Minkejja li reġgħu irriżultaw l-ikbar partit, is-SoċjalDemokratiċi fis-Slovakkja mhumiex se jkomplu jiggvernaw għax minflokom mistennija jkun hemm koalizzjoniu magħmula minn partiti taċ-ċentru u tal-lemin, li bejnithom issa għandhom maġġoranza ta' voti u siġġijiet fil-parlament.
B'hekk, għal darb'oħra x-xellug fl-Ewropa, mhux fis-Slovakkja biss, sofra daqqa ta' ħarta, disfatta oħra sabiex it-tebgħa l-ħamra ta' gvernijiet immexxija mix-xellug qed dejjem tiċkin.
Għalkemm is-Soċjaldemokratiċi Slovakki żjiedu l-persentaġġi u s-siġġijiet, iċ-Ċentru-Lemin żjied aktar minnu.
Infatti bejnithom dawn il-ħames partiti żjiedu 9.1% biex kisbu 49.2% tal-voti kontra l-34.8%% li kisbu s-Soċjaldemokratiċi u l-4.3% tal-partit xellugi LS-HZDS (li però ma rebaħ l-ebda siġġu), b'kollox 39.1%. Jiġifieri ċ-Ċentru-Lemin għadda .lix-Xellug b'aktar minn 10 fil-mija.
L-istess f'dawk li huma siġġijiet s-SoċjalDemokratiċi  tas-SMER-SD issa għandhom 62 siġġu, iżda biex jiggvernaw riedu jtellgħu 76 deputat fil-parlament ta' 150. Qabel kellhom 50 siġġu, iżda setgħu jiggvernaw għax ingħaqdu magħhom l-LS-HZDS (li issa s-SoċjalDemokratiċi prattikament ħadulhom s-siġġijiet) u n-Nazzjonalisti tal-SNS, li però issa naqqsu s-siġġijiet minn 20 għal 9 biss.
Fuq iċ-Ċentru-Lemin mill-banda l-oħra nsibu li filwaqt li l-Unjoni Demokratika u Kristjana Slovakkla (SDKU-DS) naqsu bi 3% u tlett siġġijiet, l-ikbar rebbieħ irriżulta l-partit Konservattiv-Liberali Ewroxettiku 'Libertà u Solidarjetà' (SAS) li twaqqaf is-sena l-oħra u ġab 12.1% tal-voti u rebaħ 22 siġġu.
Partit ieħor li, l-istess bħall-SDKU-DS hu memnbru fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) u l-Internazzjonali   Demokratika Ċentrista (IDĊ) hija d-Demokrazija Kristjana (KDH) li issa għandha 15-il siġġu u 8.5%.
Ma' dawn kollha l-Kap tal-SDKU-DS Iveta Radicova (ritratt) bdiet taħditiet biex tifforma gvern li analisti jħossu li minħabba l-omoġenjetà tagħhom, għandhom aktar ċans jaqblu dwar programm li, l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel hija li jnaqqsu d-defiċit fil-baġit li qabeż is-6.8% ta-prodott gross domestiku.

Il-Ħadd, 13 ta’ Ġunju 2010

Qagħda Politika Inċerta fl-Olanda?

IL-POPLU OLANDIŻ JIBQA' ĊENTRU-LEMINI
Filwaqt li l-partit Appell Kristjan-Demokratiku  (CDA) sofra l-ikbar telfa fl-elezzjoni li saret din il-ġimgħa, din l-istess elezzjoni wriet li l-poplu Olandiż politikament għadu ċentru-lemini, u għalhekk reġà bagħat messaġġ li jrid li jkun iggvernat b'dan il-mod.
Apparti żewġ partiti żgħar (wieħed Evanġelista u l-ieħor għad-drittijiet tal-annimali (!), il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament Olandiż huma maqsuma bejn tmien partiti, bil-maġġoranza għal darb'oħra jakkwistawhom partiti Ċentru-Lemini. Anki bħala perċentwali tal-voti mixħuta (li din id-darba naqsu  b'5.7%), iċ-Ċentru-Lemin issa żjied il-maġġoranza għal kważi 53%.
L-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin huma dawn:
Il-Partit għal-Libertà u Demokrazija (VVD), konservattiv-liberali, immexxi minn Mark Rutte (xellug) li issa huwa l-ikbar partit b'20.4% tal-voti u 31 siġġu.
Il-Partit tal-Appell Kristjan-Demokratiku (CDA) ċentrista jxaqleb lejn il-lemin, iżda li wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet għażel li jiggverna f'koalizzjonijiet Ċentru-Xellugin. Dan tilef  kemm voti kif ukoll siġġijiet: minn 26.5% niżel għal 13.7% , u tilef 20 siġġu biex spiċċa b'21, l-inqas minn meta twaqqaf fl-1977 meta kienu nagħqdu tlett partiti.
Il-Partit tal-Libertà (PVV) Konservatti-liberali, lemini-populista, ta' Geert Wilders (Lemin, waqt dibattitu qabel l-elezzjoni) li bil-15.5% tal-voti u 24 siġġu, sar it-tielet l-ikbar partit u indikazzjoni ċara ta' sentiment ta' animożità f'pajjiż tradizzjonalment tolleranti, iżda llum ansjuż dwar il-minoranza Musulmana.
L-Unjoni Kristjana (CU) Soċjal-konservattiv, ċentrista, li naqqas bi ftit il-persentaġġ għal 3.3% u għandu 5 siġġijiet.
B'hekk bejnithom dawn il-partiti Ċentru-Lemini issa għandhom maġġoranza ta' 52.9% tal-voti li tissarraf f'maġġoranza wkoll ta' siġġijiet: 81 minn total ta' 150 deputat fil-parlament, fejn allura kull partit jew koalizzjoni biex tiggverna jeħtieġ ikollha 76 siġġu.
Din il-maġġoranza m'għandux ċans jilħaqha ċ-Ċentru-Xellug Olandiz, lanqas jekk jingħaqdu magħhom iż-żewġ partiti żgħar li semmejt qabel, bl-erba' siġġijiet li akkwistaw flimkien.
L-erba' partiti huma dak Laburista (PvdA) li naqqas il-voti b'aktar minn 1.5% għal 19.6%, u tilef tlett siġġijiet, għal 30. Dak Soċjalista (SP) li tilef 10 siġġijiet għal 15, u naqqas bi kważi 6% tal-voti għal 9.9%. Il-Ħodor (GL) żjiedu 3 siġġijiet u 2% għal 6.6%, filwaqt li d-"Democratiċi 66" żjiedu kważi 3% għal 6.9%, u 7 siġġijiet. B'kollox b'hekk iċ-Ċentru-Xellugin għandhom 43% tal-voti (tnaqqis ta' 1.4%) u 65 siġġu, kontra l-81 taċ-Ċentru-Lemin.
Minn dan kollu jidher li r-rieda tal-poplu hija ċara u li, għallinqas fuq il-karta, il-formazzjoni ta' gvern ġdid u sod – li tant jeħtieġ il-pajjiż biex isolvi l-kriżi finanzjarja – m'għandhix tkun ħaġa diffiċli.
Għaliex, allura, diversi osservaturi u kummentaturi qed ibassru xhur twal ta' negozjati biex jitwaqqaf gvern, liema gvern, mbagħad, qed jiġi mbassar li ma jkollux ħajja twila?
Jan Vis, eks-membru tar-Raad van State, korp kostituzzjonali li jagħmilha ta' konsulent għall-gvernijiet Olandiżi, huwa tal-fehma li "kabinet uniformi, tal-istess għamla, huwa ta' impotanza vitali, għax inkella dan jaqa' u jkollna elezzjoni oħra fi żmien sena."
Filwaqt li ż-żewġ koalizzjoijiet preċedenti kien nrnexxilhom jilħqu kunsens fuq issues politiċi ċentrali, kwistjonijiet oħra periferali wasslu biex waqqgħu dawk li deheru gvernijiet, kabinet li dehru stabbli, kompla jgħid Vis.
Per eżempju, l-aħħar gvern mmexxi mid-Demokristjani flimkien mal-Laburisti, waqa' minħabba li dawn tal-aħħar ma qablux mal-gvern dwar l-impenn tal-gvern Olandiż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu favur il-libertà u d-demokrazija fl-Afganistan. Din kienet ħaġa prevedibbli meta għandek fil-gvern partiti b'ideoloġiji differenti, jekk mhux ukoll opposti.
Għalhekk osservaturi bħal Vis qed jittamaw li l-mexxej tal-VVD Rutte jimxi fid-direzzjoni li jrid il-poplu, mingħajr ebda preġudizzji, ħaġa li appellat għaliha wkoll l-istess Reġina Beatriċi meta ħeġġet lill-VVD biex jaħdem għall-possibiltà ta' koalizzjoni "bejn l-ikbar partit u l-ikbar rebbieħ", jiġifieri bejn il-VVD u l-PVV ta' Wilders, magħruf għall-policies kontroversjali tiegħu, l-aktar fejn tirrigwardja l-immigrazzjoni mill-pajjiżi Islamiċi, li r-riżultat tajjeb li kiseb Wilders jixhed il-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwarha. Iżda l-ikbar problemi tal-pajjiż huma dawk finanzjarji li jeħtieġu gvern ġdid  fl-iqsar żmien possibbli li kapaċi jieħu l-miżuri ta' awsterità meħtieġa u inevitabbli, u li dwarhom ukoll ma kienx irnexxilhom jiftiehmu d-Demokristjani u l-Laburisti.

Is-Sibt, 5 ta’ Ġunju 2010

L-Aħħar Bastiment lejn Gaża Mwaqqaf

IR-"RACHEL CORRIE" ESKORTAT LEJN IŻRAEL
L-aħħar bastiment tal-flotta filo-Palestinjana "Rachel Corrie' li kien qed jisfida lill-qawwiet Iżraeljani billi jhedded li jidħol f'Gaża mill-baħar –  minkejja l-imblokk li kellu jagħmel Iżrael – dalgħodu, għall-ħabta tat-8.30 (ħin ta' Malta) twaqqaf minn truppi Lhud li telgħu fuq il-vapur mingħajr ebda reżistenza minn dawk abbord, u issa qed jiġi eskortat lejn il-port Iżraeljan  ta' Ashdod.
Tlett bastimenti tal-gwerra tal-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani kienu ilhom jakkumpanjaw lir-"Rachel Corrie" minn dalgħodu kmieni, u wara li dawk fuqu injoraw ordni biex idawru r-rotta lejn Ashdod, malli l-bastiment wasal 30 kilometru barra l-kosta ta' Gaża, it-truppi Lhud imbarkaw fuqu mingħajr l-ħtieġa ta' ebda forza, kif kellhom jagħmlu nhar it-Tnejn li għadda, meta ġew attakkati minn attivisti filo-Palestinjani armati fuq il-"Mavi Marmara".
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta' Iżrael ikkonferma dan, u wkoll li l-imblokk se jibqa' fis-seħħ minħabba l-biżà li jitwasslu armi u munizzjoni Iranjani lir-reġim terroristiku tal-Ħamas li, l-istess bħall-Iran, dejjem jhedded li jrid jeqred lil Iżrael minn wiċċ id-dinja.
Ir-"Rachel Corrie"suppost kellu jkun mas-sitt bastimenti l-oħra li ppruvaw jisfurzaw l-imblokk nhar it-Tnejn, iżda kien żviluppa xi ħsarat, u kellu jagħmel xi jiem waqaf f'Malta, minn fejn telaq lejn Gaża bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li għaddew, b'19 il-attivista, fosthom Malasjani u Irlandiżi.
It-tagħbija umanitarja issa se titwassl xorta waħda f'Gaża, wara li tiġi ċċekkjata, iżda mill-art.
Offerta li saritilhom (qabel it-truppi Lhud telgħu fuq il-vapur) iżda li huma baqgħu jirrifjutawha, u li kienet saret ukoll lil dawk abbord il-"Mavi Marmara" mingħajr suċċess.
IL-PRIM MINISTRU TORK SE JMEXXI KONVOJ-SFIDA IEĦOR?
Sadattant f'rapport fil-ġurnal Libaniż "al Mustaqbal" uffiċjali tas-sigurtà tal-Prim Ministru Tork Recep T. Erdogan ġie kkwotat li qal li Erdogan qed jikkunsidra jakkumpanja flotta, konvoj-sfida ieħor biex ikisser l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża.
L-istess rapport jgħid li Erdogan qal lill-Istati Uniti li qed jippjana li jibgħat lin-navy Torka teskorta konvoj ieħor, iżda l-Amerikani insistew li jtawlu dan il-pjan ħalli jiflu sew il-każ.
Ta min ifakkar li sa' qabel il-gwerra f'Gaża t-Turkija kienet l-aktar pajjiż Islamiku ħabib ta' Iżrael, iżda dan l-aħħar sar dejjem aktar kritiku ta' dak il-pajjiż, irrikonoxxa l-IHH bħala ong leġittima, meta qabel kienet ferm kritikata mill-gvernijiet lajċi Torok ta' qabel Erdogan
L-IHH hija l-organizzatriċi ewlenija ta' dawn il-konvoj filo-Palestinjani, u għandha irbit mal-Ħamas, l-istess Ħamas li l-bieraħ Erdogan qal li ma jqishix għaqda terroristika.
Dan meta l-Ħamas hi kunsidrata bħala organizzazzjoni terroristika mhux minn Iżrael u l-Istati Uniti biss, iżda wkoll mill-Unjoni Ewropea, mill-Kanada, mill-Awstralja, mill-Ġappun u, saħansitra mill-Ġordan.
U fuq dan kollu t-Turkija għadha tistenna li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.

L-Erbgħa, 2 ta’ Ġunju 2010

Bastiment ieħor lejn Gaża ...issa minn Malta!

IKOMPLU JISFIDAW U JIPPROVOKAW
Aktar ma jgħaddu s-sigħat mill-inċident tat-Tnejn filgħodu kmieni  'l barra mill-istrixxa ta' Gaża, aktar qed jidher ċar li l-operazzjoni tas-suppost "għajnuna umanitarja" ma kienet xejn għajr pjan maħsub biex jiġu sfidati u provokati l-qawwiet militari u navali ta' Iżrael.
Tant hu hekk li minkejja dak li ġara meta l-bastiment filo-Palestinjani ppruvaw jkissru l-imblokk ta' Gaża – biex jiġi żgurat li ma tasalx għajnuna militari lit-terroristi tal-Ħamas – proprju minn pajjiżna, wara waqfa hawnhekk, telaq bastiment ieħor bl-iskop dikjarat li jerġà jipprova jikser dak l-istess imblokk, bit-tama li jerġà ikun hemm l-istess konsegwenzi. Dan mistenni jasal qrib Gaża nhar is-Sibt filgħodu.
Sadattant fil-media internazzjonali qed tkompli l-polemika dwar dak li verament ġara.
Araw x'kellu xi jgħid espert navali Ingliż fil-kontro-terrorizmu  waqt intervista fuq Channel 4:


Araw ukoll dan il-filmat dwar ir-reġim radikali Islamiku li qed jaħkem lill-poplu ta' Gaża, il-Ħamas ta' Ismail Haniyeh, dikjarat minn-Nazzjonijiet Uniti u minn Amnesty International bħala organizzazzjoni terroristika, li qed jiġi  mgħejjun mill-Iran u minn dik l-istess IHH Torka li qed torganizza dawn il-flotot hekk imsejħa ta' "għajnuna umanitarja għall-Gaża"  – tant li fuq il-Mavi Marmara nstabu flejjes kbar lesti biex jgħadduhom lill-Ħamas.




Aqraw ukoll dan il-kummentarju bilanċjat pubblikat illum fis-sit ta' Rassmussen Reports:
BEFORE YOU BEAT UP ISRAEL
>

... u araw dan id-dibattitu qasir fuq FOX-NEWS:

It-Tnejn, 31 ta’ Mejju 2010

Il-Qawwiet Iżraeljani Għamlu Sew Sparaw

SFIDA U PROVOKAZZJONI PPJANATA
Bħalma kien mistenni wara l-inċident dalgħodu fuq il-vapur Tork "tal-paċi" mballat b'attivisti filo-Palestinjani u l-Ħamas fl-ibħra ta' Iżrael, il-media internazzjonali għaġġlet tħabbar il-"kundanna unanima għall-attakki tal-qawwiet Iżraeljani fuq il-bastimenti mgħobbija b'eluf ta' tunnellati ta' għajnuna umanitarja" għall-Palestinjani f'Gaża.
Iżda aktar ma bdew jaslu aħbarijiet aktar beda jsir magħruf li:
1. Il-qawwiet Iżraeljani wissew lill-bastimenti biex ma jibqgħux isalpaw lejn l-istrixxa ta' Gaża għax dik kienet żona ta' gwerra taħt imblokk navali u kienu se jaqbżu l-ibħra internazzjonali;
2. Dawn offrewlhom li l-bastimenti jidħlu f'Port ta' Ashdod biex minn  hemm l-għajnuna lill-Palestinjani titwassal, bħalma ilu jsir, minn fuq l-art, taħt is-sorveljanza tal-istess attivisti;

3. Meta dawn il-bastimenti baqgħu jisfidaw it-twissija, u morini Lhud bdew neżlin mill-ħelikopters fuq l-ewwel u l-ikbar bastiment Tork, il-"Mavi Marmara", dawn ġew attakkati vjolentement mill-attivisti filo-Palestinjani, l-biċċa l-kbira Torok, b'kanen, arbli,  ktajjen, mazez, boċċi tal-ħadid, skieken, hand-grenades, bombi tan-nar, u pistoli li ħatfu lis-suldati, b'uħud minnhom mis-suldati mixħuta l-baħar;
4. Kien hawn li s-suldati Iżraeljani kellhom jiftħu n-nar biex jiddefendu lilhom infushom.
5. Dan kollu hu ppruvat b'filmati li nġibdu mill-ħelikopters u patrol boats Iżraeljani u li ntwerew mill-media internazzjonali, mhux kollha, għax dawn aktar kienu interessati juru l-protesti kontra l-Lhud, u l-ħruq ta' bnadar ta' Iżrael!
Dawn huma żewġ filmati miġbuda bil-lejl bl-infra-red, li xandru l-qawwiet armati Iżraeljani dwar l-attakki kontra s-suldati tagħha:





Sar magħruf ukoll li fost l-għaqdiet mdaħħla f'din il-flotta filo-Palestinjana li telqet minn Ċipru hemm il-Moviment Internazzjonali ta' Solidarjetà, li għandu rekord mill-agħar filli jpoġġi nies innoċenti ta' diversi nazzjonalità fil-periklu billi jibgħathom f'żoni ta' gwerra fil-Palestina, fosthom tfajla Maltija f'April li għadda (Ara l-post tas-27/04/10).
Mhux ta' min lanqas jinsa' il-każ tal-attakk f'ristorant f'Tel Aviv f'Iżrael li wassal għal qtil ta' tlett ċittadini innoċenti u għadd ta' feruti: dak l-attakk twettaq minn terroristi li nħbew wara l-istess moviment, li attivista tiegħu fl-2003 kien spiċċa arrestat fl-Istati Uniti meta pprova jgħaddi madwar $20,000 lil Ħamas.
Qed joħroġ ċar ukoll li dan l-episodju kollu kien ippjanat bħala provokazzjoni bl-iskop aħħari preċiż li jisfrattaw it-taħditiet li kellhom isiru proprju f'dawn il-jiem fl-Amerika bejn il-Prim Ministru Iżraeljan Netanjaħu u l-President Obama. 
Fil-fatt Netanjaħu mill-Kanada ma baqax sejjer l-Istati Uniti kif kien ippjanat, iżda rritorna f'pajjiżu qabel iż-żmien,  minħabba din il-kriżi.
Dinj l-istrateġija Palestinjana ta' 'sfrattar', kull darba li jkun jidher li se jsir progress lejn soluzzjoni tal-kriżi Palestinjana, ilha titħaddem sa' minn żmien Arafat, u hekk jidher li sar din id-darba, meta kien qed jidher li l-isforzi ta' Obama lejn soluzzjoni kienu mexjin fit-triq it-tajba.

Il-Ħadd, 30 ta’ Mejju 2010

L-Ewropa Tkompli Titbiegħed mix-Xellug

REBĦA OĦRA GĦAĊ-ĊENTRU-LEMIN
Tkompli tiċkin t-tebgħa l-ħamra minn fuq l-Ewropa. Kontra s-soltu tbassir dejjem akjtar żbaljat ta' qabel l-elezzjonijiet ix-Xellug, anki fir-Repubblika Ċeka l-poplu mhux talli ma fdahx biex imexxi l-pajjiż, iżda sofra telfa umiljanti oħra wara dik fir-Renju Unit xi ġimgħat ilu.
Infatti l-Partit SoċjalDemokratiku Ċek (CSSD) fl-elezzjoni li saret il-bieraħ mhux talli ma żjiedx, iżda naqqas kważi 10% tal-voti li kien ġab 4 snin ilu, u tilef 18-il siġġu, sabiex it-tama li jifforma gvern billi wara 20 sena jerġà jdaħħal lill-Komunisti fil-gvern b'xorti tajba għebet għax anki l-Partit Komunista Ċek naqqas ukoll il-voti.
Minflok il-poplu ppremja ċ-Ċentru-Lemin żied bi kważi 10 fil-mija, għal 52.2% , mit-42.6% li kellhom iż-żewġ partiti taċ-ċentru-lemin, li issa saru erba'.
Infatti partit li twaqqaf biss is-sena l-oħra, it-TOP09, jew "Tradizzjoni, Responsabbiltà u Prosperità" –imwaqqaf mill-eks ministru tal-affarijiet barranin, il-prinċep Karl Schwarzenberg (ritratt xellug taħt), wara qasma fi ħdan l-Unjoni Kristjana u Demokratika – minn xejn  kiseb 41 siġġu u 16.7% tal-voti, biex sar it-tielet l-ikbar partit, wara dak konservattiv Ċiviku Demokratiku (ODS) immexxi minn Petr Necas (lemin), li issa għandu 53 siġġu (u 20.2% voti).
Necas probabbli jinħatar Prim Ministru ġdid.


 Il-partit l-ieħor ġdid ċentru-lemini huwa l-"Affarijiet Pubbliċi" (
VV) li b'10.9% tal-voti daħal fil-parlament Ċek għall-ewwel darba  b'24 siġġu.
Dan  ifisser li bejntihom il-partiti taċ-ċentru-lemin flimkien se jkollhom maġġoranza komda ta' 118-il siġġu f'parlament ta' 200.
Is-Soċjalisti issa għandhom 56 siġġu, il-Komunisti baqgħu b'26 siġġijiet, filwaqt li l-Ħodor tilfu s-6 li kellhom, u issa reġgħu sparixxew mill-parlament, wara li kienu daħlu l-ewwel darba fl-elezzjoni tal-2006.
Dawk li marru jivvutaw f'dik ta' tmierm-il ġimgħa naqsu bi ftit inqas minn 2% għal 62.6%.

Aktar Inkwiet għal Obama

MILL-WHITE HOUSE OFFREWLU KARIGA GĦOLJA BIEX MA JOĦROĠX GĦAL ELEZZJONI
Bħas-soltu l-media, anki lokali, li jaduraw lill-President Amerikan Barak Obama, dwar din l-aħbar ftit li xejn smajna jew qrajna. Dan minkejja, jew aħjar, minħabba li qed theżżeż lill-istess amministrazzjoni Demokratika ta' Obama.
Bħallikieku Obama m'għandux biżżejjed inkwiet - minn  ta' quddiemnett li l-popolarità tinsab dejjem nieżla mal-Amerikani, matul  il-ġimgħa komplew ħerġin aktar dettalji dwar każ ta'  tentattivi ta' xiri ta' membru Demokratiku tal-Kamra tar-Rappreżentanti, sabiex dan ma jikkontestax għal siġġu fis-Senat, liema tentattiv ta' xiri sar mill-Whires House.
Joe Sestak fi Frar lki għadda kien ikkonferma li kienet saritlu offerta ta' kariga għolja mill-White House,  kemm-il darba hu ma jikkontestax l-elezzjoni primarja Demokratika għas-siġġu ta' Senatur fl-istat ta' Pensylvania preżentament okkupat minn Demokratiku ieħor, favorit minn Obama, Arlen Specter li, ta' m in infakkar, darba kien Repubblikan.
Wara silenzju suspettuż mill-White House, nhar il-Ġimgħa ħarġet stqarrija li fiha ġie ċċarat li ċ-Chief of Stafff tal-White House Rahm Emanuel kien qabbad lill-eks President Bill Clinton jipprova jikkonvinċi il Sestak biex jirtira n-nomina tiegħu fil-primarji kontra l-favorit ta' Obama, filwaqt li ntqal li kull ma oiffrew lil Sestak kien l-post, bla ħlas, ta' konsulent f'xi bord presidenzjali jew esekuttiv. 
Kariga li jekk jaċċettaha kien ikollu jirriżenja mill-Kungress, u minħabba f'hekk din l-isqarrija tal-White House ma konvinċitx, aktar u aktar meta hu magħruf kemm Sestak huwa ambizzjuż.
Issa Sestak qed jikkonferma li ħie avviċinat minn Clinton, iżda qallu li ma kienx interessat fl-ebda offerta mill-White House biex jagħmel wisa' lil Specter.
Meta fi Frar għamel l-ewwel dikjarazzjoni, Sestak kien semma' li offrewlu "kariga għolja". Issa qed jirrepeti dak li ddikjarat il-White House li ma kienux offrewlu "kariga għolja", imma sempliċi post ta' konsulent bl ħlas. 
"Liema hija l-verità? Dik li qal fi Frar jew t'issa?", qed  jistaqsu kummentaturi Amerikani. L-istorja kollha għandha xamma ta' falsifikazzjoni.
Hu x'inhu l-każ diversi esperti legali qed isostnu li kwalunkwe offerta ta' tixħim hija reat - u jwettaq reat ukoll jekk dak li jiġi avviċinat biex jixxaħħam ma jirrapurtax il-każ ta' korruzzjoni.
Żgur li l-istorja li diġà qed tissejjaħ SESTAK-GATE, ma spiċċatx hawn. Għal aktar tagħrif araw dan il-filmat tal-kummentatur Sean Hannity fuq FoxNews:

F'ġimgħa fejn il-popolarità ta' Obama, skond Rasmussen Poll, niżlet għal rekord ta' 40% biss, dan il-każ żgur mhux se jgħin biex jirkupra. Dan  minbarra problemi oħra serji li jinkludu
Iż-żejt ħiereġ kontinwament fil-Golf tal-Messiku;
Il-proposta li jgħabbi lill-poplu b'madwar 200,000 Miljun Dollari f'taxxi biex suppost joħloq ix-xoigħol meta l-maġġoranza tal-poplu ma taqbilx mal-mod kif qed jittratta l-ekonomija;
It-theddida tal-Korea Komunista li tattakka l-Korea t'Isfel bil-missili.

Il-PPE Inkwetat dwar l-Ukrajna

THEDDID GĦAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM
L-iżviluppi fl-Ukrajna wara l-elezzjoni presidenzjali f'dak il-pajjiż qed jinkwetaw bis-sħiħ lill-ikbar partit fil-Parlament Ewropew, iċ-ċentru-lemini Partit Popolari Ewropew (PPE).
Il-President tal-PPE Wilfried Martens fi stqarrija wera din il-preokkupazzjoni, meta qal li l-iżviluppi negattivi riċenti saru sistematiċi, u qed jheddu l-prinċipji tal-legalità (rule of law) u l-istess drittijiet fundamentali tal-bniedem u l-libertajiet ċivili. Fost l-aktar żviluppi inkwetanti Martens semma dawn:
1. Fil-Parlament Ukrajn ġiet iffurmata maġġoranza u koalizzjoni mhux skond il-kostituzzjoni, li rriżultaw fi gvern illeġittimu;
2. Qed jiżdied il-ksur fil-libertà tal-istampa u qed terġà tiġi imposta ċ-ċensura, li qed twassal għall-kritika qawwija minn diversi għaqdiet rispettabbli tal-media internazzjonali bħal "Reporters Without Frontiers" u l-"Interrnational Freedom of Expression Exchange";
3. L-elezzjonijiet lokali ġew sospiżi mill-maġġoranza l-ġdida anti-kostituzzjonali fil-parlament;
4. Hemm ksur sistemnatiku tad-drittijiet tal-oppożizzjoni;
5. Hemm provi ċari ta' manipulazzjoni politika tas-sistema ġudizzjarja kriminali mill-awtoritajiet Ukrajni, li qed twassal għall-intimidazzjoni u persekuzzjoni tal-oppożizzjoni.
"F'dawn l-aħħar ħames snin" qal Martens, "konna drajna naraw lill-Ukrajna bħala xempju tad-demokrazija f'dak ir-reġjun" Huwa tassew ta' swied-il qalb u ta' inkwiet nosservaw kif il-kisbiet demokratiċi tal-gvernijiet preċedenti qed jinqerdu u jiġu injorati mill-awtoritajiet preżenti."
Martens temm billi appella lill-President Ukrajn Viktor Yanukovich biex iwaqqaf dan il-ksur tal-prinċipji demokratiċi. Dan qed ibiegħed lil Ukrajna mill-Unjoni Ewropea, qal Martens, filwaqt li insista ma' Yanukovich biex jiżviluppa djalogu kostruttiv mal-mexxejja tal-oppożizzjoni b'mod demokratiku. 
Fir-ritratt Martens jidher mal-Kap tal-ikbar moviment fl-Oppożizzjoni Yulia Timoshenko.
Sadattant mat-tħassib ta' Martens din il-ġimgħa żdied il-Prim Ministru tal-Ġermanja Angela Merkel, il-Kummissarju Ġermaniż għad-Drittijiet Umani, filwaqt li t-Times ta' Londra nhar l-Erbgħa analizzat it-theddid għad-demokrazija u l-persekuzzjoni tal-oppozizzjoni fl-Ukrajna.
__________________________
KUMITAT POPOLARI GĦAD-DIFIŻA TAL-UKRAJNA
Sadattant aktar kmieni dan ix-xahar twaqqaf moviment politiku bl-isem ta' 'Kumitat Popolari għad-Difiża tal-Ukrajna' li għandu l-ħsieb li jorganizza kampanja ta' protesi fl-Ukrajna kontra l-politika tal-President Yanukovich.
L-iskopijiet ewlenin tal-Kumitat huma dawn:
Difiża tas-sovranità u l-integrità territorjali tal-istat; Ħarsien tad-drittijiet u l-libertajiet taċ-ċittadin; Waqfien tal-policies umanitarji anti-Ukrajni; Rifjut tal-attentati ta' moniteraġġ barrani fuq intarpriżi u setturi strateġiċi  fl-industrja Ukrajna; Żamma tal-għażla Ewro-Atlantika tal-Ukrajna; Mixja lejn l-valuri taċ-ċiviltà Ewropej.
Fil-kumitat hemm disa' partiti tal-oppożizzjoni, fosthom il-partit 'Unjoni Ukrajna-Patrija' (Batykivshchyna) tal-eks Prim Ministru Yulia Timoshenko.
Il-gvern sejjaħ l-idea ta' dan il-kumitat bħala "isterika u iddisprata, bla tama u inutli", u l-ewwel rally li sar għamel minn kollox biex fixkel lill-poplu milli jattendi.

Is-Sibt, 22 ta’ Mejju 2010

Il-Falliment tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy)

FI SPANJA 2.2 IMPJIEGI MITLUFA GĦAL KULL GREEN JOB
Wara tant ftaħir dwar il-vantaġġi tal-Ekonomija l-Ħadra (Green Economy) prattikata mill-gvern Soċjalista Spanjol ta' Zapatero, tant li kien hemm min hu lest jikkupjaha (fosthom Obama li kien jara fi Spanja mudell ideali), din il-ġimgħa nkixef rapport intern kunfidenzjali tal-amministrazzjoni ta' Zapatero  li jikkonfermna dak li ilhom isostnu esperti mhux governattivi Spanjoli dwar il-falliment ekonomiku katastrofiku tal-inizjattivi 'ħodor"tal-gvern Soċjalista.
Mhux hekk biss: din l-Ekonomija l-Ħadra, partikularment il-politika tal-hekk imsejħa "impjiegi ħodor", qed  ifixklu l-isforzi ta' Spanja biex toħroġ mill-kriżi ekonomika li qed tifni lill-pajjiż u tissogra li tagħmilha Greċja oħra. Id-dokument kunfidenzjali infatti juri kif ġie kkalkukat li għal kull impjieg aħdar (green job) li 'joħloq' l-istat qed jintilfu aktar minn tnejn oħra.
Mhux ta' b'xejn li dan l-aħħar Zapatero ħabbar li kien se jabbanduna l-ekonomija l-ħadra.
Wara l-iskandlu tal-Climategate din hija daqqa ta' ħarta oħra għal dawk li ilhom snin imexxu l-gidba li l-bniedem huwa ħati għat-tibdil fil-klima, b'mod speċifiku għat-tisħin tal-globu b'effetti katastrofiċi. Dan għax biex 'ibiegħu' l-qerq tagħhom, bħall-karrotta lill-ħmir, kienu jgħidu li grazzi għal Green Economy jinħolqu ħafna green jobs!
Imma issa anki din il-bużżieqa nfagħqet: L-ekonomija l-ħadra teħtieġ sussidju qawwi bi flus l-istat, jiġifieri flus il-poplu, u l-gvern Soċjalista hekk għamel: Minn studju li sar mill-Universidad Rey Juan Carlos ta' Madrid instab li mill-2000 sal-2009 Spanja nefqet €571,138 għal kull green job li ħolqot, inklużi sussusidji ta' aktar minn miljun Ewro għal kull impjieg maħluq, f'per eżempju, fl-industrja tal-imtieħen tar-riħ.
Fl-istess studju ġie kkalkukat  li l-programmi biex inħolqu dawk l-impjiegi wassal biex inqerdu 110,500 impjieg f'setturi oħra tal-ekonomija, jew eżattament 2.2 impjieg għal kull green job, jew 9 impjiegi għal kull 4 ħodor, u l-istudju jkompli josserva li hawn mhux qed isemmi kemm impjiegi oħra setgħu inħolqu fis-setturi l-oħra, li kieku rċevew l-istess sussidju bħal dawk ħodor.
Infatti jingħad li r-rapport intern governattiv jagħti ċifri aktar allarmanti ta' impjiegi mitlufa mill-istudju indipendenti. Barra minhekk minn dawn il-ftit impjiegi ħodor li nħolqu wieħed minn kull għaxra biss kienu f'xogħol permanenti.
Dwar dan kollu kienet wissiet il-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trejd Unjons (ETUC)  wara li l-Unjoni Ewropea qablet li tnaqqas l-emissjonijiet tas-CO2 b'20% u bl-istess persentaġġ jżiedu l-enerġija minn sorsi li jiġġeddu sas-sena 2020, il-famuż 20-20-20, li ilna ma nisimgħu dwarha, wara l-fjask tal-Konferenza tan-NU f'Kopenħagen.
Bħala 'lixka' Barroso kien semma li l-proposta ta' 20-20-20 kienet "opportunità biex jinħolqu eluf ta' negozji (businesses) ġodda u miljuni ta' impjiegi fl-Ewropa".
Iżda l-ETUC talbet garanziji li jiġu mħarsa l-impjiegi Ewropej f'dinja globalizzata, għax rat "ir-riskji potenzjali tat-telf tal-impjiegi minħabba d-direttivi u l-miżuri lejn l-'enerġija l-ħadra'", u insistiet għall-"mekkaniżmu ta' kumpens  bħala garanzija tal-impjiegi għall-ħaddiema Ewropej fis-settur tal-heavy industry, sabiex jiġu limitati l-konsegwenzi negattivi fuq il-ħaddiema fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima", hekk kif tintilef il-kompetittività billi jiġu rijallokati r-riżorsi, bħalma, appuntu, ġara fi Spanja.
Is-sabiħa, jew aħjar il-kerha hija li b'dawn il-miżuri u s-sussidji kollha l-emissjonijiet tas-CO2 fi Spanja mhux talli ma naqsux, iżda żdiedu!
Kien għalhekk li dan l-investiment f'sussidji lill-enerġija 'alternattiva' ġie kundannat mill-eks Prim Ministru Spanjol Josè Maria Aznar li f'artiklu fil-Financial Times din il-ġimgha, hekk kif talab għar-riżenja tal-gvern ta' Zapatero.
Għalkemm Aznar kien iffirma t-Trattat ta' Kjoto, illum huwa kontra t-'teorija' tat-tisħin tal-globu tort tal-bniedem, u kien sejħilha reliġjon ġdida li qed thedded il-libertà għax hija skuża biex jiġu limitati l-libertajiet individwali. Hu appella lill-UE biex tifhem l-kawżi fundamentali li wasslu għall-kriżi prezenti: infieq aktar milli tiflaħ, u policies li jimminaw it-tkabbir ekonomiku, bħal, appuntu s-sussidji għal din l-imbierka, jew misħuta, Green Economy, filwaqt li saħaq li mhux talli m'għandhomx jingħalqux l-impjanti nukleari, iżda jinbnew oħrajn ġodda.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide