Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2011

Twerwir dwar il-Klima

WASAL SUMMIT IEĦOR U JIBDEW IŻIEDU D-DOŻA TA' ALLARMIŻMU
Jekk xi ħadd ma jinteressaħx, u ma jkunx jaf li lejn tmiem dan ix-xahar il-United Nations Framework on Climate Change (UNFCC) se torganizza, din id-darba fl-Afrika t'Isfel, s-summit ta' kull sena – biex forsi l-pajjiżi li jieħdu sehem fl-aħħar jirnexxilhom jiftiehmu dwar trattat ġdid għall-Protokoll (fallut) ta' Kyoto dwar "kontroll (!) tat-tibdil tal-klima", billi jitnaqqas l-ħruġ tal-gassijiet serra, jew CO2, liema tnaqqis dejjem aktar qed jirriżulta li qed isir għalxejn – malajr jinduna għax dawk li jiena nħobb insejjaħ eko-terroristi jibdew iżiedu doża tat-twerwir dwar il-konsegwenzi tat-tibdil tal-klima, għalkemm qabel aktar kienu jiddilettaw jużaw l-espressjoni "tisħin tal-globu".
Hekku li mmankabbilment hekk diġà beda jsir: l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) ħareġ rapport mill-aktar allarmistiku dwar it-tibdil tal-klima u l-perikli tat-temp estrem bħal heatwaves, għargħar, nixfa u maltempati.
Ir-rapport jgħid li jkun aħjar jekk nantiċipaw id-diżastri u nnaqsu r-riskji qabel iseħħu, milli nistennew iseħħu u mbagħad "innadfu wara". Mur obsor!
Qalu wkoll li t-tibdil fil-klima jwasal għal tibdil fil-frekwenza, fl-intensità, it-tul u l-kronometraġġ ta' temp estrem u l-avvenimenti klimatiċi, iżda mbagħad jiddikjaraw hekk:
"xi wħud - iżda mhux kollha - minn dawn l-avvenimenti estremi huma kawżati miż-żjieda fil-gassijiet serra (greenhouse gases) fl-atmosfera". Mela issa, fl-aħħar, qed nibdew nirraġunaw ftit. Jidher li mhux se nibqgħu inwaħħlu d-diżastri kollha tad-dinja fit-tibdil fil-klima, fit-tisħin tal-globu.
Ma setgħax ikun mod ieħor għax iċ-ċifri qed igiddbu ħafna mill-ħrejjef psewdoxjentifiċi rakkuntati mill-IPCC, l-UNFCC u bella compagnia: infatti qed jiġi dejjem aktar ippruvat li fil-fatt mhux biss l-ewwel ikun hemm żjieda fit-temperaturi, u huwa biss WARA li jizdied s-CO2, imma dan iseħħ b'bejn 600 u elf sena wara, u allura qatt ma jista' ikun li hija ż-żjieda fis-CO2 li tikkawża dik fit-temperatura tad-dinja.
Dan minbarra l-fatt li mill-1998 'l hawn ma kien hemm l-ebda żjieda fit-temperatura tal-pjaneta tagħna, għalkemm dan ippruvaw jaħbuh – vide l-iskandlu Climategates u l-post tiegħi tat-30 ta' Ottubru.
Forsi għalhekk li minflok "Global Warming" bdew jużaw sempliċiment "Climate Change"!
Fuq kollox għal dak li jsostnu rapporti bħal dawk tal-IPCC li t-tisħin tal-globu huwa l-kawża għal xtiwi estremi, m'hemm asolutament l-ebda prova xjentifika jew evidenza reali ta' dan.
Fl-aħħarnett dwar il-previżjonijiet ta' dawn l-allarmisti, anki t-tfal llum jafu li l-bniedem diffiċli jbassar fiż-żgur kif se jkun it-temp tlett ijiem oħra, għas-sempliċi raġuni li għadu ma jifhimx eżatt x'jikkawża t-tibdil fit-temp, iżda l-IPCC tippretendi li taf kif se jkun it-temp għexiren ta' snin oħra!
Ħaġa waħda tagħmel sens f'dan l-aħħar rapport tal-IPCC: li l-unika soluzzjoni f'każi estremi tat-temp huwa li, wara li nikkonvinċu ruħna li ma nistgħu nagħmlu xejn biex il-klima ma tinbidilx, nadattaw ruħna u nevitaw kemm nistgħu l-konsegwenzi u mhux l-kontra billi, per eżempju nibnu, anki abbużivament, f'żoni ta' periklu  bħal fil-mogħdijiet naturali tal-ilma tax-xita, xmajjar, xtajtiet jew f'riġlejn il-muntanji!, bħalma ma nibnux madwar xi vulkan ...ħalliha li anki dan isir!
Għal darb'oħra l-IPCC u l-ekoterrotisti qed jirrikorru għal frodi xjentifika u psewdoxjenza, biex forsi fl-Afrika t'Isfel, f'Durban, ma jkollhomx l-istess fjask li rriżultaw l-aħħar summits ta' Kopenħagen u l-Messiku.

Is-Sibt, 19 ta’ Novembru 2011

INstabilità fl-Italja (2)

FIDUĊJA LIL GVERN TAL-BANKIERA
Rekord assolut u storiku u x'aktarx dehen tal-Guinness Book of Records!
556 FAVUR. 61 KONTRA. B'dan il-vot il-bieraħ il-gvern iffurmat minn Mario Monti kiseb dak li hu żgur l-ikbar vot ta' fiduċja fl-istorja demokratika parlamentari Taljana.
Imma s-sabiħa, anzi l-kerha hi li Monti mhuwiex politiku u lanqas ma ġie elett mill-poplu.
Id-deputat Domenico Schillipoti jqassam
flyers (ritratt taħt)  fl-okkażjoni tal-jum li 

hu sejjaħlu "Jum il-Mewt tad-Demokrazija
Parlamentari" fl-Italja
Monti huwa konsulent anzjan tal-Goldman Sachs Bank & Investment, eks-Kummissarju Ewropew, maħtur l-ewwel senatur u l-għada Prim Ministru mill-President tar-Repubblika, l-post Komunista Napolitano biex jifforma gvern. Dan wara li l-Prim Ministru ta' qablu Silvio Berlusconi kien qed isibha diffiċli jiggverna wara li l-Ġuda Fini flimkien ma' numru mdaqqas ta' deputati, telqu mill-partit ta'  Berlusconi u ttradew lill-partit u lil dawk li vvutawlhom.
Minkejja li għandu s-saħħa, maġġoranza komda f'waħda mill-kmamar tal-Parlament (fis-Senat), il-partit ta' Berlusconi Popolo della Libertà (PdL) vvota favur il-gvern ta' Monti – magħmul biss minn bankiera oħra, finanzieri, ekonomisti u tekniċi – bil-patt li jimxi fuq il-programm ta' miżuri fil-Legge di Stabilità approvata mill-parlament bħala kundizzjoni qabel Berlusconi rriżenja, u l-ittra li hu kien bagħat lill-UE bil-pjan finanzjarju/ekonomiku tiegħu skond it-talbiet tal-istess UE.
Ivvutaw favur ukoll il-partiti tal-oppożizzjoni taċ-ċentru u tax-Xellug, l-istess partiti, speċjalment dawn tal-aħħar, li kienu lesti jkomplu jfixklu kemm jifilħu, jressqu mijiet ta' emendi u jivvutaw kontra l-Legge di Stabilità. L-istess liġi li issa, għax fl-aħħar "ħelsu" minn Berlusconi, se jkollhom ibaxxu rashom għall-miżuri li fiha ...basta mhux se jkun Berlusconi li jattwahom.
Basta wkoll ma jkunux huma li jkollhom jattwawhom, u huwa għalhekk ukoll li ma jridux elezzjoni bikrija, għax jibżgħu li jekk jirbħuha huma, hekk ikollhom jagħmlu: jattwaw huma l-miżuri xejn popolari li trid l-Ewropa, biex isolvu l-problema tad-dejn  li l-gvernijiet ta' Berlusconi wirtu minn dawk tax-Xellug.
Iżda mill-ġimgħa d-dieħla se nkunu nafu kemm se jistaportu d-deputati Xellugin, l-attivisti, l-partitarji, l-unions dominati minnhom, qabel jibdew jipprotestaw kontra d-diversi kapijiet tagħhom Bersani, Bindi, D'Alema  jew Di Pietro talli issa dawn se jaċċettaw il-miżuri li sal-bieraħ kienu lesti jopponu għax kien se jkollu jressaqhom Berlusconi, u issa għax minfloku hemm il-bankier Monti se jogħqodu għalihom.
F'dawn il-jiem ukoll ħadu tweġiba u se jkomplu jieħdu dawk kollha li kienu jwaħħlu s-sitwazzjoni mwiegħra tal-Italja f'Berlusconi u li malli jwarrab hu kollox kien se jirranġa, u jisparixxu l-problemi kollha.
Il-problemi u l-miżuri qed jiffaċċjawhom il-popli fl-Ewropa u fl-Amerika kollha, fid-dinja kollha ...fejn m'hemmx Berlusconi!
Li m'għandhomx dawk il-pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja, huwa gvern tal-bankiera li għalkemm kiseb il-fiduċja fil-parlament, m'għandux il-fiduċja tal-elettorat, tal-poplu, li fl-aħħar elezzjoni kien ċar filli ried lill-partiti taċ-ĊentruLemin jiggvernah ...vot li issa sar biċċa karta li ma tiswa' xejn, aktar u aktar jekk il-poplu mhux se jfittex jingħata d-dritt li jivvota mill-ġdid f'elezzjoni bikrija.
Għalhekk minn dan il-lat kellhom raġun jivvutaw kontra l-fiduċja d-deputati tal-Lega Nord, Alessandra Mussolini tal-PdL u d-deputat waħdani tal-Movimento di Responsabiltà Nazonale (li kemm-il darba vvota favur il-gvern ta' Berlusconi), Domenico Schillipoti li sejjaħ il-jum tal-bieraħ bħala jum il-mewt tad-demokrazija parlamentari, u mar għas-seduta tal-bieraħ b'faxxa sewda ta' luttu ma' dirgħajh.

Il-Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (6)

IĦEĠĠU LILL-PARLAMENT EWROPEW JITKELLEM ĊAR DWAR TIMOSHENKO
Il-Kumitat għall-Affarijiert Barranin tal-Parlament Ewropew qed iħeġġeġ lill-parlament li għal darb'oħra juri t-tħassib tiegħu dwar il-priġunerija tal-eks Prim Ministru tal-Ukjrajna u kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoshenko. Fl-istess ħin qed jinsistu mal-awtoritajiet Ukrajni jiggarantixxu li Timoshenko u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni d-dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess politiku u fl-elezzjonijiet li jmiss.
Timoshenko ilha minn Ottubru fil-ħabs wara li twaħħlet seba' snin meta nstabet ħatja li llegalment approvat ftehim mar-Russja dwar xiri ta' gass naturali fl-2009 meta kienet prim ministru tal-Ukrajna.
Il-Kumitat issa ressaq emendi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ewropa  dwar in-negozjati għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Id-dokument se jkun il-bażi għal riżoluzzjoni li se tiġi vvutata mill-Parlament Ewropew kmieni x-xahar d-dieħel.
Banner kbir jgħatti ż-żona fil-parlament Ukren fejn soltu
jpoġġu d-deputati tal-oppożizzjoni.Il-kliem mar-ritratt
ġgantesk ta' Timoshenko jgħid "Le għall-oppressjoni
politika" u "Libertà għall-Ukrajna"
Skond id-dokument s-sentenza kontra Timoshenko hija meqjusa bħala att ta' vendetta, tpattija jew inkella parti minn attentat biex membri tal-oppożizzjnoni jinxteħtu l-ħabs  ħalli b'hekk ma jkunux jistgħu jikkontestaw jew jieħdu sehem sehem fi-kampanji elettorali  għall-parlament tas-sena d-dieħla u dawk presidenzjali fl-2015.
Id-dokument jemfasizza li l-liġi li biha ġiet kundannata Timoshenko ilha  minn żmien ir-reġimi Sovjetiċi, u li tmur kontra li-standards Ewropej u tan-Nazzjonijiet Uniti.
Timoshenko fil-bidu ta' Novembru kienet appellat lill-UE biex minkejja s-sentenza kontriha xorta waħda jfittex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukjrajna (ara l-post tat-3/11). Dan wara li l-Parlament Ewropej kien iddikjara li jekk Timoshneko ma tinħelisx mill-ħabs dan kien se jipperikola l-iffirmar ta' dan il-ftehim. Il-biżà hija li l-amministrazzjoni tal-President Ukren Yanukovich se tuża din il-kwistjoni biex tisfratta l-ftehim u tbiegħed lill-Ukrajna mill-Ewropa u tressaqha lura taħt l-influwenza tar-Russja.
Fil-fatt jidher li Yanukovich se jkompli jisfida lill-Punent għax nhar it-Tlieta Timoshenko ġiet interrogata minn prosekuturi tal-gvern  minkejja li kienet marida fis-sodda taċ-ċella tagħha b'uġigħ kbir f'dahrha, filwaqt li l-avukati tagħha ma tħallewx ikunu preżenti. L-akkuża issa hija li ma ħallsitx fuq €120 Miljun f'corporate tax meta kienet tmexxi kumpanija li timporta l-gass. Naturalment hi qed tiċħad dan kollu.
Sadanittant Timoshenko il-bieraħ appellat lill-International Red Cross u lid-Doctors Without Frontiers biex jintervjenu ħalli hi tiġi inviżtata u kurata kif xieraq, għax mhix tafda lit-tobba tal-ħabs.

Il-Ħadd, 13 ta’ Novembru 2011

INstabilità fl-Italja

"MHUX SE NIRTIRA, SE NIRDOPPJA L-IMPENN GĦALL-ITALJA"
Dan hu l-video messaġġ li xandar il-lejla l-Prim Ministru Silvio Berlusconi

www.forzasilvio.it

"WARA BERLUSCONI D-DILUVJU"
Hekk kienu jiktbu u jgħidu b'mod sarkastiku l-kritiċi u dawk kollha li ma jaħmlux lil dak li sal-bieraħ kien il-Prim Ministru mtella' demokratikament mill-ikbar maġġoranza li qatt kiseb gvern fl-Italja. Silvio Berlusconi warrab għax ried hu u mhux għax ġie sfiduċjat fil-Parlament jew fil-partit tiegħu – u huwa għalhekk li jiena personalment ma qbilt xejn ma' din d-deċiżjoni tiegħu. L-istess kif, naturalment, qatt ma għidt jew ktibt illi kieku hu jwarrab  kienet tkun l-Italja kollha li tispiċċa mkaxkra minn diluvju, u  mhux Ġenova biss! IŻDA minn dak li qed naraw iseħħ fl-aħħar sigħat, jekk mhux diluvju riesaq maltemp qalil fuq it-Taljani, l-aktar jekk tgħaddi ta' dawk li qed jinsistu li jbiegħdu kemm jistgħu d-dritt sagrosant li l-poplu Taljan jingħata ċ-ċans li jfittex jivvota, ġaladarba issa pajjiżu se jkun qed jiġi mmexxi minn gvern li m'għażilx hu.
Huwa għalhekk li s-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano fil-laqgħa li kellu l-lejla mal-President tar-Repubblica Napolitano, infurmah li l-Popolo della Libertà kien se jappoġġa lill-gvern eventwali tekniku ta' emerġenza u temporanju sakemm
i) Dan jattwa u jimxi fuq il-programm ta' miżuri approvati mill-Parlament il-bieraħ, skond l-ittra li Berlusconi bagħat lill-Unjoni Ewropea;
ii) Ikun magħmul biss minn tekniċi u l-ebda politiku, u jkun ta' żmien limitat, u li
iii) L-ebda wieħed mill-ministri tiegħu ma jkunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni bikrija kemm jistà ikun.
Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, l-PdL jirtira l-appoġġ, hekk kif dan għandu maġġoranza żgura fis-Senat, u jkollha ssir elezzjoni.
Jingħad li l-ħsieb ta' Napolitano huwa li jaffronta l-emerġenza biex imbagħad issr l-elezzjoni fi żmien qasir.
It-tama ta' Napolitano ta' Parlament ta'"larghe intese" li suppost jappoġġa unanimament lil Monti ma teżistix, u dan mhux biss għax il-Lega Nord diġà ddikjarat li mhix se tappoġġah.
Id-Demokratiċi ta' Bersani diġà qed jiddikjaraw li ma jriduhx biss jaffronta l-emerġenza ekonomika, iżda li jagħmel riformi politiċi bħal dik tal-liġi elettorali u oħrajn li, però, ma jaqbilx magħhom il-PdL, bħalma ma jaqbilx mas-suġġeriment tal-kap tal-UDC Casini li l-gvern Monti jibqà sejjer sa' tmiem il-leġislatura fl-2013, skond kemm suppost baqa' il-gvern ta' Berlusconi, bid-differenza li dan eventwali ta' Monti ma ġiex elett mill-poplu.
Dan minbarra d-diskorsi u wirjiet ta' mibiegħda tal-bieraħ kontra Berlusconi u ċ-ĊentruLemin fil-Parlament u mill-partitarji Xellugin  organizzati barra, jistennew lil Berlusconi fi triqtu biex jirriżenja, ma tantx jawguraw tajjeb għar-rikonċiljazzjoni, għallinqas temporanja, biex jiġi salvat il-pajjiż, bħalma qal li xtaq Napolitano.
Għalhekk qed  ngħid li jekk il-poplu mhux se jingħata d-dritt li jivvota llum qabel għada, għall-Italja jekk m'hemmx dilluvju, żgur li riesaq żmien ta' instabbilità li tistà  veru twassal għal baħar imqalleb.
"Sangue e lacrime", demm u dmugħ hemm lest għat-Taljani – dak li kienu lesti jfixklu kemm jifilħu fil-Parlament b'emendi u kontra-emendi għall-budget imsejjaħ Maxiemendamento b'dak li trid l-UE, iżda li, għax Berlsuconi wiegħed li kien se jwarrab malli dan jgħaddi, issa ivvutawlu kollha  mingħajr emendi.
Qal sewwa illum Vittorio Sgarbi – li mhux l-ewwel darba kkritika lill-gvern ta' Berlusconi – li b'riferenza għal dawk li marru jiffesteġġaw u jinsultaw għax ħelsu minnu, malli jindunaw li lanqas il-gvern Monti mhu se jirnexxielu jsolvi l-problemi kif riedu, u ma ħallewx lil Berlusconi jsolvi, fi żmien qasir se jibku lil Berlusconi ... imbagħad ikun jerġà imiss lilu li jidħak.
JUM TA' LIBERAZZJONI MINN XIX?
Il-Kap tad-Demokratiċi l-post-Komunista Bersani kellu l-wiċċ iqabbel il-jum tal-bieraħ wara li rriżenja, kif kien wiegħed, Berlusconi, mal-25 ta' April, ċelebrat mit-Taljani bħala jum il-liberazzjoni min-NażiFaxxiżmu. Imma jum il-ħelsien minn xix?
Berlusconi u l-gvern tiegħu, kif bdejt ngħid, ġie vvutat b'maġġoranza assoluta mill-poplu fl-2008. Maġġoranza li sfat imdajfa mill-Ġuda Fini u 32 deputati u 10 senaturi li ħarġu mill-grupp tal-Popolo della Libertà. Dak l-istess Fini li kien qal li lest jirriżenja mill-kariga ta' Speaker tal-parlament minuta wara li Berlusconi jagħmel l-istess, iżda li sakemm qed  nikteb għadu mwaħħal mas-siġġu.
Berlusconi warrab biex iżomm il-wiegħda li għamel nhar il-Ħamis, u żgur li mhux għax jaħti għas-sitwazzjoni ekonomika li tinsab fiha l-ekonomija tal-pajjiż.
Din, l-ekonomija Taljana, kienet ilha sejra lura għexiren ta' snin meta Berlusconi leħaq prim ministru. Imma tul it-tmexxija tiegħu beda jsir progress sakemm il-gvern kellu l-maġġoranza assoluta. Iżda mbagħad wasal it-tradiment ta' Fini, u faqqgħet wkoll il-kriżi finanzjarja-ekonomika globali.
Minkejja dan id-defiċit għall-2011 kien mistenni jinżel għal 4% tal-Prodott Gross Domestiku, wieħed mill-iżgħar fl-Ewropa, u terz inqas mill-medja tal-34 pajjiż tal-OECD (il-'klabb' tal-pajjizi sinjuri).
Skond id-Deutche Bank, mbagħad, dan mistenni jkompli niżel għal 2.2%. Mhux ħażin meta naraw li d-defiċit tal-Istati Uniti mistenni jlaħħaq 6.2% fl-2012, dak tal-Brittanja 6.9%, u ta' Franza u Spanja 5 fil-mija.
L-Italja għandha primary budget surplus (jiġifieri l-gvern idaħħal aktar milli jonfoq, kieku titnaqqas l-ispiża tal-imgħax fuq id-dejn). Id-dejn privat huwa baxx. Il-familji Taljani ġeneralment ma jonfqux aktar milli jdaħħlu, u l-ipoteki huma rari.
Dik tal-Italja hija ekonomija diversifikata u ma kellhix kriżijiet fil-housing bħal dawk li farrku lill-Istati Uniti, Spanja u l-Irlanda. Hija s-seba' l-ikbar ekonomija fid-dinja, f'pajjiż sinjur ħafna skond li-standards globali, bil-Financial Times dan l-aħħar tirraporta li valur medju ta' kull familja huwa €350,000; biżżejjed biex l-Italja ssalva lilha nfisha.
L-ikbar problema hija d-dejn nazzjonali, 120% tal-Prodott Gross Domestiku. Agħar minn hekk l-Italja trid toħroġ €233 Biljun  f'bonds is-sena d-dieħla, bil-yield jilħaq is-7.4%.
Imma ta min ifakkar li d-dejn nazzjonali ilu mill-inqas 20 sena jaqbeż l-100 fil-mija u ħadd ma deher qed jinkwieta żżejjed.
Iżda Berlusconi ma riedx li l-Italja ssir skjava tal-Ġermanja b'miżuri ta' awsterità li qed joqtlu l-ekonomija Griega u jagħmlu ħsara kbira lil Spanja, Portugall, Irlanda u Brittanja.
Aktar ma tnaqqas fl-infieq aktar se jonqos it-tkabbir tal-pajjiż, bil-konsegwenti tkabbir tal-kriżi tad-dejn nazzjonali.  Hawnhekk żgur ħadd ma jistà jgħid li Berlusconi għamel inqas minn ħaddieħor fiż-żona tal-Ewro biex jikkontrolla d-dejn.
Dan minkejja t-tfixil minn min kellu madwaru u telqu, u mill-oppożizzjoni uffiċjali, oppożizzjoni distruttiva għax ad personam, bħalma issa ġie ippruvat malli rajnihom "jimmansaw" wara li warrab Berlusconi.
Imma l-problema hija: KEMM SE JDUMU mansi, malli jibdew jirrealizzaw li l-mediċina Monti hija mediċina, qarsa, anki jekk issa mhux qed ikun iressaqha Berlusconi.
Imbagħad,  hawn naqbel ma' Sgarbi, veru jkun każ ta' min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar. 

Il-Ħamis, 10 ta’ Novembru 2011

Kieku t-Taljani jivvutaw illum (2)

ĊENTRU LEMIN 47.8% ; XELLUG 46.2%; INDEĊIŻI 39.6%
Għal darb'oħra, bħalma kien għamel lejn tmiem ix-xahar l-ieħor, fil-programm popolari tiegħu Porta a Porta tal-bieraħ Bruno Vespa nkluda r-riżultati ta' stħarriġ tal-opinjoni pubbliku minn tlett istituti ta' riċerka dwar kif jivvutaw it-Taljani fl-elezzjoni bikrija li trid issir dalwaqt.
Minn dan jerġà jirriżulta li l-elettorat Taljan jinsab maqsum kważi minn nofs eżatt, b'vantaġġ żgħir għall-partiti taċ-ĊentruLemin fuq dawk tax-Xellug: 47.8% kontra 46.2%. Iżda tajjeb wieħed jinnota wkoll li fost dawk li wieġbu lit-tlett istituti kien hemm persentaġġ għoli ta' 39.6% li għażlu li ma jwieġbux għax għadhom indeċiżi lil min se jivvutaw u jekk jivvutawx.
Dawn huma r-riżultati tas-sondaggi magħmula minn Ispo Srl, Ipr Marketing u EuroMedia Research li hawnhekk ġbart il-medja tagħhom:

ĊENTRU-LEMIN
Popolo della Libertà: 25.7%; Lega Nord: 8.0%; La Destra: 1.9% = 35.6%
Unione di Centro (UDC): 6.9%; Futuro e Libertà (FLI) : 3.7%; All. per l'Italia+Mov. per le Autonomie: 1.7% = 12.4% (miġbura fin-Nuovo Polo per l'Italia/Terzo Polo)
Total: 47.8%


XELLUG
Partito Democratico: 27.1%; Italia dei Valori (IdV): 7.2% = 34.4%
Sinistra e Libertà: 7.0%; Rifondazione Comunista: 1.8%; Pannella/Bonino: 1.3%; Partito Socialista: 0.7%; Verdi: 0.8% 
Total: 46.2%
Movimento 5 Stelle-Grillo: 3.6%.


Dwar id-39.6% indeċiżi x'se jagħmlu ta min wieħed jgħid li dawk li intervistawhom staqsewhom lil  min kienu vvutaw fl-aħħar elezzjoni tal-2008: 65% minnhom wieġbu li kienu vvutaw lil xi partit taċ-ĊentruLemin, li dawn jissarfu f'madwar 22% favur dawn il-partiti, kemm-il darba dawn fl-aħħar  mill-aħħar jiddeċiedu li jmorru jivvutaw u jerġgħu jivvutaw lill-istess partiti.
Ta min jinnota wkoll li terz tal-elettorat fl-Italja jiddeċiedi lil min se jivvota matul il-kampanja elettorali, u mhux qabel.
Fl-aħħarnett infakkar li dawn is-sondaggi jagħtu biss indikazzjoni, ħjiel, lejn fejn hu mxaqleb l-elettorat, u mhux bilfors li l-iskjeramenti t'hawn fuq jissarfu f'koalizzjonijiet qabel jew wara eventwali elezzjoni, speċjament fejn jirrigwardja lill-partiti tax-Xellug.
Infatti skond ma ħareġ mid-dibattitu tal-bieraħ, xejn m'hi ħaġa ċerta li, per eżempju, s-Sinistra e Libertà (SEL) u Rifondazione Comunista jiġu aċċettati f'xi koalizzjoni mal-Partito Democratico għall-elezzjoni. Minħabba li mhux żgur jaqbeż l-4% meħtieġa f'voti, il-moviment ta' Grillo, li mistenni jikkontesta għal rasu ma jikseb l-ebda siġġu. B'hekk ix-Xellug fil-fatt ikollu siġġijiet ekwivalwenti għal biss 42% tal-voti (PD+IdV+Soċjalisti+Pannella f'koalizzjoni elettorali, u s-SEL).
Dan, naturalment, jgħodd ukoll għall-partiti taċ-ĊentruLemin. Huwa għalhekk li Casini, Fini, Rutelli, u l-Movimento per le Autonomie  diġà ingħaqdu f'koalizzjoni, Nuovo Polo per l'Italia jew Terzo Polo, għax f'dan il-każ ikun biżżejjed li partit jikseb 2% tal-voti biex jirbaħ siġġijiet, basta l-koalizzjoni sħiħa tikseb 10% jew aktar tal-voti. 

L-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 2011

Stabbilità fl-Italja (4)

"L-EWWEL U FUQ KOLLOX L-INTERESS TAL-PAJJIŻ"
"Jekk isir kollox kif suppost, fi Frar li ġej immorru nivvutaw, avolja dejjem irid ikun il-President tar-Repubblika li jiddeċiedi. Naraw kif se jkun il-finali. Minn naħa tiegħi poġġejt l-interess tal-pajjiż fuq dak tiegħi personali, tal-gvern tiegħi u dak tan-naħa politika tiegħi".
Hekk ikkummenta dalgħodu l-Prim  Ministru Taljan Silvio Berlusconi waqt il-Giornae Radio 1 tar-Rai wara li l-bieraħ, waqt laqgħa mal-President Napoletano, b'sorpriża qallu li hu kien lest biex, wara li l-gvern iżomm kelmtu mal-Ewropa u jgħaddi l-Liġi ta' Stabbilità fil-parlament, jirriżenja u jitlob lill-President biex isejjaħ elezzjoni  bikrija għal Frar li ġej.
Din kienet deċiżjoni sorpriża għax ħafna kienu dawk li kienu qed jistennewh jitlob vot ta' fiduċja fil-parlament, vot li probabbli kien jikkonvinċi lil uħud minn dawk li l-bieraħ astjenew fil-vot dwar ir-rendikont finanzjarju tal-pajjiż, din id-darba jivvutaw favur il-fiduċja.
Jidher, però, li l-Prim Ministru xeba' bil-kapriċċi ta' uħud minn dawk li hu kien għażel personalment biex jilħqu deputati, li meta jfettlilhom jinsew il-lealtà li għandhom lejn min ivvutalhom – biex ma ngħidx ir-rikonoxxenza lejn l-istess PM – u bħal Ġuda, tradituri (bħalma sejħilhom hu) jmorru kontra d-dixxiplina tal-partit li ħarġu u telgħu miegħu.
Fil-programm Mattino 5 ta' Canale 5 Berlusconi ħabbar ukoll li għalkemm mhux se jirtira għal kollox mill-politika, għallinqas tul il-kampanja elettorali li ġejja – hu mhux se jerġà jikkontesta  u floku fit-tmexxija tal-Popolo della Libertà u bħala futur Prim Ministru, se jkun hemm is-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano.
Għalkemm l-aħħar kelma tkun tal-President tar-Repubblika, l-Prim Ministru qal li l-unika triq li fadallu hija elezzjoni bikrija, biex ikun il-poplu li jiddeċiedi min għandu jmexxih f'dawn iż-żminijiet diffiċli, u mhux xi gvern tekniku, provviżżorju, jew ta' xi koalizzjoni nazzjonali, li tmur kontra l-verdett li l-maġġoranza tal-poplu fl-aħħar elezzjoni li riedet gvern ĊentruLemini.
Dan apparti li l-Partit Democratico fl-oppożizzjoni diġà kien qal li ma jaqbilx mal-programm ta' riformi liberali li qed tesiġi mill-Italja l-Unjoni Ewropea biex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż.
Barra minhekk ma jistà jiġi ffurmat l-ebda gvern mingħajr is-sehem tal-PdL.
Għalhekk Berlusconi qed jinsisti li l-ewwel jgħaddi l-liġi ta' stabbilità bil-miżuri ekonomiċi-finanzjarji-soċjali anti-kriżi li l-gvern tiegħu wiegħed lill-UE fl-ittra li bagħat aktar kmieni dax-xahar, u mbagħad il-partiti Xellugin fl-Oppożizzjoni waqt il-kampanja elettorali jkollhom jispjegaw lill-poplu x'se jagħmlu b'dik il-Liġi ta' Stabbilità b'miżuri fuq il-pensjoni, l-liberalizzazzjoni u s-suq tax-xogħol, li jekk jiksruha, jiksruha wkoll mal-Ewropa, u l-Italja tispiċċa bħal Spanja, l-Irlanda u l-Greċja.
Iżda dan diffiċli jseħħ, għax ix-Xellug, issa li se jkun spiċċalhom l-uniku element li kien qed jgħaqqadhom, ċjoè l-"anti-Berlusconismo", mhux kapaċi jifforma gvern alternattiv għal wieħed Ċentru-Lemini, filwaqt li kull stħarriġ tal-opinjoni pubbliku għadu qed juri li l-maġġoranza tal-elettorat Taljan tippreferi l-partiti taċ-ĊentruLemini.

IL-POPOLO DELLA LIBERTÀ L-EWWEL PARTIT
Infatti, l-aħħar stħarriġ li sar mill-Istituto Ispo ta' Renato Mannheimer ħmistax ilu (24 ta' Ottubru) għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar xhur, poġġa lill-Popolo della Libertà fl-ewwel post tal-preferenzi tal-elettorat Taljan, b'26.4% fuq il-25.9% tal-Partito Democratico.
Il-partiti l-oħra taċ-ĊentruLemin jiksbu bejnithom 22.3% maqsumin hekk:
Lega Nord (Bossi) : 8.7%; UDC (ta' Casini): 6.9; FLI (Fini): 5.2%; La Destra (Storace): 1.5%.
Dan ifisser li ċ-ĊentruLemin jikseb 48.7%, bil-PdL waħdu jingħata l-hekk imsejjaħ "premio di maggioranza" jiġifieri maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, jekk jikseb is-26.4% tal-voti.
Mill-banda l-oħra l-Partito Democratico flimkien mal-partiti l-oħra Xellugin (Italia dei Valori-Di Pietro, Sinistra e Libertà (Vendola), Movimento 5 Stelle (Grillo) u Rifondazione Comunista) jiksbu 45.5%.
Dan meta 5.8% ta' dawk li wieġbu s-sondaġġ qalu li kienu se jivvutaw lill-partiti oħra, li ħadd minnhom ma jikseb imqar 1 fil-mija.

It-Tlieta, 8 ta’ Novembru 2011

Stabbilità fl-Italja (3)

IL-GVERN JIRBAĦ VOT IMPORTANTI
Minkejja l-istampa li għal darb'oħra l-media internazzjonali u anki dik lokali li, bħas-soltu tirrepeti bħall-pappagalli dak li dik tirraporta, il-gvern Taljan ma tilifx il-maġġoranza fil-Parlament Taljan għas-sempliċi raġuni li l-vot li ttieħed illum wara nofsinhar ma kienx wieħed ta' fiduċja fl-istess gvern, u l-oppożiżżjoni Xellugija m'għandhix voti iżjed fil-parlament mill-koalizzjoni  Ċentru-Leminija fil-gvern immexxija mill-Prim Ministru Silvio Berlusconi.
Il-vot kien, iva, wieħed importanti, fiskali, għax jittratta l-budget, ir-rendikont finanzjarju għall-2010.  L-Oppożiżżjoni u xi deputati oħra ma daħlux jivvutaw biex fil-parlament ma kienx ikun hemm kworum. Iżda reġà għarralhom għax il-maġġoranza assoluta tad-deputati tal-partiti fil-koalizzjoni governattiva marru jivvutaw u vvutaw favur il-mozzjoni.

Dawn huma n-numri, bħalma jidher fir-ritratt:
Prezenti: 309 deputati 
Ivvutaw:   308 ; Astjena : 1

MAĠĠORANZA NEĊESSARJA:  155
FAVUR: 308
KONTRA:  ĦADD

Dan  ifisser li l-vot fiskali importanti għadda b'vantaġġ ta'  153 VOT (308-155=153) !!
Barra minhekk kien hemm deputat tal-PdL marid u iehor li wasal tard u ddikjara li ried jivvota "Iva".

Fil-votazzjoni ta' fiduċja li saret f'nofs Ottubru l-gvern kien rebaħ  bi 316-il vot. Illum dawn naqsu b'sitta u wieħed astjena, iżda dan ma jfissirx li se jagħmlu l-istess f'każ ta' vot ġdid ta' fiduċja fil-gvern Taljan. Għalhekk huwa żbaljat jew irid iqarraq min  jgħid li llum l-gvern Taljan tilef il-maġġoranza fil-parlament.

MHUX VERU lanqas, kif ġie rappurtat illum ukoll, li Bossi qal lil Berlusconi biex iwarrab!
Il-fatti huma li għal domanda ta' xi ġurnalist jekk hu jkunx favur Alfano bħala Prim Ministru f'każ li Berlusconi jirriżenja, Umberto Bossi wiegeb b'mod ironiku:
"U jekk le lil min inpoġġu? Lis-Segretarju tal-Partito Democratico (Bersani)?!"
Aktar qabel għal mistoqsija oħra jekk l-Lega talbitx lil Berlusconi biex jagħmel "un passo indietro (i.e. jirriżenja), Bossi kien wieġeb bl-istess ironija "gli abbiamo chiesto di fare un passo di lato, laterale"!

Il-Ħamis, 3 ta’ Novembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (5)

TIMOSHENKO TAPPELLA LILL-U.E. BIEX XORTA TIFFIRMA L-FTEHIM TA' ASSOĊJAZZJONI MAL-UKRAJNA
Poster li jinsisti għall-ħelsien ta'  Timoshenko
F'appell twil li l-Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoshenko rnexxielha tibgħat mill-ħabs fejn tinsab maqfula wara sentenza politika mir-reġim fl-Ukrajna, hi appellat lill-Unjoni Ewropea biex xorta waħda tfittex tiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukrajna minkejja s-sentenza ta' ħabs kontriha, wara li l-Parlament Ewropej l-ġimgħa l-oħra wissa' lill-President Ukren Yanukovich li jekk Timoshenko ma tinħelisx mill-ħabs, dan kien jipperikola l-iffirmar ta' ftehim mal-UE.
Timoshenko appellat biex l-UE  ma ċċaħħadx l-ħolma ta' miljuni ta' żgħażagħ Ukrajni li jinfatmu mill-imgħoddi ikraħ tal-imgħoddi billi jsiru ċittadini tal-Ewropa ħielsa; "Tiffrustrawx il-ħolma tagħhom; tikkastigawx lilhom għad-delitti tar-reġim tal-Ukrajna".
"Illum qed nitlobkom biex tiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Kummerċ Ħieles ikun xi jkun id-destin tiegħi. Ma njstax inħalli l-libertà personali tiegħi tkun ir-raġuni għat-tmiem tal-ħolma Ewropea tal-poplu Ukrajn."
Timoshenko temmet l-appell tagħha b'dawn il-kelmiet:
...I finished writing this address to you in my cell, in the evening. Somewhere outside these prison walls the sun is setting. But I know for sure that it will rise again over my dear Ukraine. And this will be the sun of freedom, dignity and greatness for a free people deserving of a future in a united and free Europe. Vote and ratify the Agreement with Ukraine; it will be our common victory over authoritarianism.
Aqraw l-ittra sħiħa ta' Timoshenko hawnhekk: http://www.tymoshenko.ua/en/article/zacx2w36

Il-Ħadd, 30 ta’ Ottubru 2011

Climategate Part 2

JAĦBU L-FATT LI D-DINJA M'GĦADHIEX TISĦON
Ftit aktar inqas sentejn ilu kien faqqa' skandlu fil-kamp internazzjonali xjentifiku li sar magħruf bħala Climategate li minnu sar  magħruf li xi xjenzjati fil-Climate Research Unit (CRU) tal-Università ta' East Anglia fl-Ingilterra kienu jimmanipulaw u jaħbu data fir-riċerki tagħhom ħalli jsostnu t-teżi li huwa l-bniedem li jaħti għat-tisħin tal-globu, tad-dinja.
L-istess ħaġa sar dan l-aħħar, din id-darba fl-Istati Uniti, bħalma sar magħruf illum, minn rapport ippubblikat fil-Mail on Sunday tal-Ingilterra.
L-istorja bdiet il-ġimgħa l-oħra meta team ta' riċerkaturi mill-Berkeley Earth Surface Temperatures (BEST) immexxi mill-Professur Richard Muller fl-Università ta' Berkeley f'Kalifornja ppubblikaw riċerka li skond huma turi li l-pjaneta tagħna saħnet b'mill-inqas grad ċentigradu mill-1950, u qed tkompli tisħon.
Dan ir-rapport – li ġie pubblikat ftit ġimgħat qabel man-Nazzjonijiet Uniti terġà tlaqqa' summit ieħor dinji dwar il-klima, din id-darba f'Durban, fl-Afrika t'Isfel – ġie ikkwotata fid-dinja kollha bħala prova, li ħadd ma jistà imeriha, li huma biss aktar miżuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 li jsalvaw iċ-ċiviltà tagħna kif nafuha, u li għalhekk ħadd ma jista jkun aktar xettiku dwar din il-ħaġa.
Iżda llum l-Mail on Sunday svelat li membru ewlenija tat-team ta' Muller akkużatu li qed jipprova jqarraq bil-pubbliku billi jaħbi l-fatt li l-istess riċerka tal-BEST turi li d-dinja m'għadhiex tisħon.
Il-Professoressa Judith Curry, Chairperson tal-Department of Earth and Atmospheric Sciences fil-prestiġġjiuż Georgia Institute of Technology, sostniet li l-pretesa tal-Prof Muller li b'hekk ipprova li x-xettiċi dwar it-tisħin tal-globu huma żbaljati, hija wkoll 'żball kbir' , mingħajr bażi xjentifika.
Fl-intervista mal-Mail on Sunday hi qabblet dan il-każ mal-iskandlu famuż Climategate.
L-istess bħax-xjenzjati Ingliżi tas-CRU , il-kollegi ta' Curry fil-proġett BEST qed jippruvaw jaħbu t-tnaqqis fir-rati tat-tisħin tal-globu.
Infatti, l-Prof Curry qalet, l-istess data tal-BEST  turi li mit-tmiem tas-Snin Disgħin ma kienx hemm żjieda fit-temperaturi tal-pjaneta tagħna.
Graff li juri li t-temperaturi tad-dinja m'għolitx f'dawn l-aħħar 10 snin
skond data ta' università ta' Kalifornja, data li ppruvaw jaħbu
Imma graff li ħareġ il-BEST juri li suppost li d-dinja baqgħet tisħon kontinwament.
Iżda rapport pubblikat illum fuq is-sit tal-Global Warming Policy Foundation jinkludi graff bit-temperatura medja globali ta' dawn l-aħħar għaxar snin, mislut mill-istess data tal-proġett tal-BEST, li t-temperatura baqgħet dejjem fl-istess livell – dan minkejja li l-livelli tas-CO2 fl-atmosfera  baqgħu jogħlew kontinwament.
Dan imur kontra dak li bassru mudelli tal-klima li fuqhom studjaw xjenzjati sal-lum. "Dak li qed jiġri hawnhekk ma jidhirx li huwa dominat mis-CO2", sostniet il-Prof Curry.
Meta kkuntattjat il-Prof Muller ammetta li veru li d-data tal-BEST turi li t-temperaturi tad-dinja ma għolewx f'dawn l-aħħar 13-il sena, iżda skond hu dan jistà ma jkunx 'statistikament sinifikanti', għalkemm, żjied, jista' ikun li hu sinifikanti – stqarrija li ħawwdet lix-xjenzjati!
Il-Prof Curry kompliet tgħid lil Mail on Sunday li Muller qabad u xandar riċerka li għadha ma ġietx verifikata u konfermata (peer reviewed) kif suppost isir, minn esperti oħra fil-qasam.
Għalhekk, għalkemm  Muller jiċħad dan, is-suspett huwa li hu ppubblika r-riċerka, anzi parti mir-riċerka tal-BEST, in viżta tas-summit tan-NU – biex jinfluwenza l-opinjoni pubbliku u lid-delegati li se jattendu, biex forsi fl-aħħar jilħqu ftehim dwar xi protokoll ġdid minflok dak fallut ta' Kjoto, u li s'issa sar kemm-il summit simili, għalxejn.
B'xorti tajba, iżda, anki din id-darba kien hemm xi ħadd ta' kuxjenza li, bħal fl-ewwel Climategate, leħaq kixef il-qerq!

Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ottubru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (4)

QBIL BEJN IL-PPE U L-PSE FIL-PARLAMENT EWROPEW KONTRA S-SENTENZA TA' ĦABS LIL TIMOSHENKO
Kontra dak li soltu kien jiġri f'riżoluzzjonijiet dwar l-Ukrajna, fil-Parlament Ewropew illum kien hemm qbil bejn l-ikbar żewġ gruppi, dak tal-Partit Popolari Ewropew u tal-Partit Soċjalista Ewropew dwar riżoluzzjoni twila ta' kundanna għas-sentenza ta' seba' snin ħabs li nagħtat il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julia Timoshenko u meqjusa bħala motivata politikament f'persekuzzjoni sistematika tal-oppożizzjoni mill-gvern awtoritarju xellugi pro-Russja tal-President tar-Repubblika Viktor Yanukovich.
Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tinsisti li Timoshenko għandha titħalla teżerċita d-dritt tagħha li tieħu sehem b'mod sħiħ fil-proċess politiku minn issa u fl-elezzjonijiet li ġejjin fl-Ukrajna.
Id-deputati taż-żewġ naħat tal-Parlament Ewropew jaqblu li s-sentenza kontra Timoshenko hija ksur tad-drittijiet umani u l-liġi li ntużat kontriha tmur lura għal żmien l-era Komunista Sovjetika li m'hemmx lokha f'pajjiż li qed jaspira li jingħaqad fl-Unjoni Ewropea.
Għalhekk dawn jesiġu li l-eks Prim Ministru tiġi żgurata proċess legali fier, trasparenti u imparzjali fl-appell.
Il-Parlament Ewropew iħoss li jekk Timoshenko ma tinħelisx, dan ifixkel il-konklużjoni tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea li suppost għandu jiġi ffirmat sa' tmiem din is-sena, u għal kuntrarju jbiegħed lill-pajjiż il-bogħod mill-UE, anki fid-dawl tat-tnaqqir tal-libertajiet demokratiċi, u l-użu tal-istituzzjonijiet statali għal skopijiet partiġġjani u vendetta politika.
Qabel għaddiet din ir-riżoluzzjoni, fl-Ukrajna dan l-aħħar inbdiet kampanja bl-iskop li l-poplu jiġi konvint li l-Unjoni Ewropea ma trudx lill-Ukrajna tissieħeb fiha, u li allura l-gvern ma kellux triq oħra għajr li ddur lejn ir-Russja.
Imma r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tgħid li t-tisħiħ tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Ukrajna u l-offerta lill-Ukrajna ta' perspettiva Ewropea huma fl-interess taż-żewġ naħat, basta l-Ukrajna tirrispetta l-kriterja kollha tal-prinċipji tad-demokrazija, drittijiet umani, libertajiet fundamentali u s-saltna tal-Liġi jiġu rispettati. Il-PE jitlob lill-Kunsill u Kummissjoni Ewropea biex jiffissaw data ġdida għal-laqgħa mal-President Yanukovich , wara li dik ippjanata dan ix-xahar tħassrtet bħala sinjal ta' protesta kontra s-senetnza li nagħtat lil Timoshenko.
Fi tweġiba l-lejla l-President Yanukovich kkonferma li l-pożizzjoni tiegħu għadha li l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li se jiġi ffirmat f'Diċembru għandu jwassal għat-tisħib sħiħ fl-UE, u li l-Ukrajna hija fit-triq li twettaq riformi ħalli ttejjeb is-sitwazzjoni, iżda dan mhuwiex proċess ta' malajr.
Tistgġu taqraw ir-riżoluzzjoni kollha hawnhekk:http://www.europarl.europa.eu/sides/getDoc.do?pubRef=-//EP//TEXT+MOTION+P7-RC-2011-0543+0+DOC+XML+V0//MT
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide