Il-Ħadd, 12 ta’ Diċembru 2010

Summit Ieħor Fjask dwar il-'Klima'

FLOK ACCORD ...AGREEMENT ...IEĦOR TA' PAROLI BISS !!

Bħalma kważi kulħadd bassar sa' ġimgħat qabel beda, s-summit dwar it-tibdil fil-klima tal-UNFCCC f'Kankun, l-istess bħal dak li kien ġara sena ilu f'Kopenħagen, is-Sibt filgħodu kmieni ntemm fi fjask għax għal darb'oħra l-iskop ewlieni tiegħu, dak ta' ftehim (bħal dak fallut ta' Kjoto) li jorbot lill-pajjiżi li ħadu sehem fih sabiex inaqqsu aktar il-ħruġ tal-gassijiet CO2 baqa' ma ntlaħaqx, u dan reġà ġie pospost b'sena oħra għal summit ieħor li suppost għandu jsir f'Durban, fl-Afrika t'Isfel f'Diċembru tal-2011.

Infatti, minflok, sar qbil li din id-darba flok Copenhagen Accord qed jissejjaħ Cancun Agreement biex f'dak li jirrigwarda l-emissjonijiet  il-pajjiżi qablu li f'Durban jaqbu dwar ftehim ta' aktar tnaqqis ! Il-kliem eżatt huwa dan "agreeing that they shall aim to complete further commitments by rich countries to cut greenhouse gas emissions as early as possible".


L-istess bħalma kien ġara f'Kopeħagen sena ilu, anki  f'Kankun fil-Messiku matul is-Summit kontra l-Global Warming, it-temperatura qatt ma kienet daqshekk  baxxa f'Diċembru! Jiġifieri anki dawk li marru hemm bit-tama li jgħaddu għaxart ijiem jilgħaqu x-xemx u jgawdu l-baħar baqa'f'wiċċhom.

Dwar dan il-falliment nikkummenta fit-tul aktar tard din il-ġimgħa

Il-Ġimgħa, 10 ta’ Diċembru 2010

Il-Protesti Vjolenti fl-Italja u fl-Ingilterra

DAWN MA HUMA STUDENTI XEJN !
Kulħadd żgur semgħa bid-dimostrazzjonijiet ta' protesti f'diversi pajjiżi fl-Ewropa, minħabba miżuri li kellhom jieħdu l-gvernijiet tagħhom. Dan l-aħħar bdew jipprotestaw ukoll l-istudenti li, bħal kulħadd, għandhom dritt jipprotestaw. Il-problema hija li ħafna drabi dawn il-protesti qed jispiċċaw fil-vjolenza.
Attakki vjolenti kontra l-pulizija. Tkissir ta' bini pubbliku iżda anki proprjetà privata. Invażjoni ta' istituzzjonijiet statali, simboli tad-demokrazija bħas-Senat Taljan jew il-kwartieri tal-partit elett mill-poplu biex imexxi r-Renju Unit, u wkoll attakki fuq il-familja rjali Ingliża.
Dawn Le! Dawn mhumiex drittijiet ċivili. Huma abbużi mil-libertà. Għalhekk kundannabbli.
Iżda huma biss il-fidili jew  min irid iqarraq li jibqà jinsisti jsejħilhom "studenti".
DAWN MA HUMIEX STUDENTI
F'ras dawn il-protesti vjolenti hemm sempliċi delinkwenti armati, vjolenti, kriminali,  anarkiċi, rivoluzzjonarji Xellugin, iżda fl-istess ħin kodardi, b'wiċċhom mgħotti, mxewxa u apoġġjati mill-oppożizzjoni uffiċjali (bħal fl-Italja meta l-mexxej tal-post-Komunisti msejħa "Demokratiċi", Bersani ingħaqad magħhom u telgħa saħansitra fuq bejt biex juri l-appoġġ tiegħu!
L-istess bħalma kien jiġri fis-Snin Sittin, eżattament fl-1968.
Għalhekk nappella lill-media biex ma jibqgħux iwaħħlu fl-istudenti.
Jaqtgħuha din ta' protesti vjolenti minn STUDENTI!

Is-Sibt, 4 ta’ Diċembru 2010


Fortunato (1844-1905)          Enrico (1885-1950)
        Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato            u ibnu Enrico Mizzi

Bi pjaċir kbir ilqajt it-twaqqif dan l-aħħar ta' Fondazzjoni f'ġieħ Fortunato u ibnu Enrico Mizzi għax, kif jgħidu t-Taljani, "Era ora". 
L-għanijiet ta' din il-Fondazzjoni jinkludu l-għarfien aħjar tal-kontribut ewlieni ta' dawn iż-żewġ personalitajiet ewlenin fl-istorja riċenti ta' Malta, li tippreserva l-arkiviji tagħhom u li tassigura li l-aċċessibilita' tal-arkivji tagħhom għar-riċerkaturi storiċi, politiċi u kulturali. Dawn l-arkivji huma sors ewlieni għar-rigward tal-iżvilupp tal-ħajja politika, kulturali u soċjo-ekonomika ta' Malta. 
 Il-viżjoni ta' Fortunato Mizzi, segwita minn dik ta' ibnu Enrico Mizzi welldet moviment kulturali u soċjali mmirat lejn it-titjib ta' kundizzjonijiet soċjali, lejn il-kwalita' ta' ħajja aħjar u ġustizzja soċjali mibnija fuq il-valuri nsara. Dan il-moviment soċjo-kulturali ssawwar u nfirex permezz ta' strumenti demokratiċi fit-twaqqif ta' partit politiku rappreżentattiv ta' moviment poplari imsaħħaħ bl-istampa ta' ġurnal politiku. Din il-viżjoni riflessa fil-ħidma tagħhom permezz ta' dawn l-istrumenti politiċi, fis-snin bikrin tal-ġlieda għal demokrazija libera fil-qofol tal-kolonjaliżmu f'Malta, hija patrimonju politiku fl-identita' nazzjonali ta' pajjiżna. 
 L-impenn politiku ta' Fortunato u Enrico Mizzi – flimkien ma' ta' oħrajn – taw bidu għall-proċess lejn l-Indipendenza ta' Malta, mill-Moviment Anti-Riformista fl-aħħar tas-Seklu Dsatax, għal dak Kostituzzjonali mill-bidu sa nofs is-Seklu Għoxrin meta miet Enrico Mizzi fl-1950. Dan il-moviment tmexxa u żviluppa minn Fortunato u Enrico Mizzi kemm bħala Kapijiet tal-Partito Nazionale (1880) u tal-Partit Democratico Nazionalista (1921), li minnhom żviluppa l-Partit Nazzjonalista, kif ukoll bħala ġurnalisti u edituri ta' gazzetti politiċi fil-bidu tal-ġurnaliżmu f'Malta. 
 Il-Bord tal-ewwel Gvernaturi tal-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi huma l-Prim Ministru u Kap tal-Partit Nazzjonalista, Dr. Lawrence Gonzi, il-Monsinjur Fortunato Mizzi ( li flimkien uffiċjalment waqqfu l-Fondazzjoni fis-26 ta' Novembru), il-Viċi Kap tal-PN, Dr. Tonio Borg, is-Segretarju tal-PN, Dr. Paul Borg Olivier, il-President tal-Kunsill Ġenerali tal-PN, Paula Mifsud Bonnici, l-Imħallef Emeritus tal-Qorti Ewopea għad-Drittijiet tal-Bniedem, Dr. Giovanni Bonello, il-President tal-Istitut Mediterranju, Dun Peter Serracino Inglott u l-President tal-Moviment Azzjoni Soċjali, Carmelina Debono.
Is-Sur Richard Muscat huwa s-Segretarju tal-Fondazzjoni. 

Il-Ħamis, 2 ta’ Diċembru 2010

Is-Summit tal-Klima f'Kankun jibda b'Disfatta

IL-ĠAPPUN MA JRID JAF BL-EBDA KJOTO IEĦOR

Is-summit tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) li qed jiltaqa' f'Kankun fil-Messiku ma setgħax kellu bidu agħar: fl-ewwel jum tal-ftuħ nhar it-Tnejn il-gvern Ġappuniż ħabbar li jekk ma jintlaħaqx ftehim dswar protokoll ieħor qabel dak jiskadi fl-2012, mhu se jaqbel ma' l-ebda estensjoni tal-Protokoll ta' Kjoto, .
In-negozjatur Ġappuniż fis-summit, Jun Arima ddikjara li l-Ġappun mhu se jiffirma l-ebda ftehim għal aktar tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra (CO2) taħt l-ebda kundizzjoni u l-ebda ċirkustanza.
"Anki jekk il-Protokoll ta' Kjoto isir is-suggett ewlieni fuq l-aġenda ta' Kankun, u l-Ġappun isib ruħu iżolat dwaru, il-Ġappun mhux se jaqbel miegħu," qal Hideki Minamikawa, il-Viċi Ministru fil-Ministeru tal-Ambjent Ġappuniż.
Dawn  id-dikjarazzjonijiet ssorprendew diversi delegazzjonijiet oħra għax ġejjin proprju mill-pajjiż li fih il-protokoll kien ġie adottat, fi Kjoto f'Diċembru tal-1997, biex imbagħad sar effettiv fi Frar tal-2005, bi ftit li xejn effett, riżultati, tant li ftit huma dawk li llum mhux iqiesuħ bħala fallut.
Dan għax filwaqt li l-protokoll ġie ratifikat minn 192 pajjiż – bi 73 pajjiż industrjalizzat kienu ntrabtu li jnaqqsu s-CO2 tagħhom b'5.2% fuq il-livelli tal-1990 – dawn ma rnexxilhomx inaqqsu l-emissjonijiet b'mod distingwibbli, viżibbli f'dawn l-aħħar 15-il sena (skond rapport li l-London School of Economics ħarġet din is-sena, il-Hartwell Paper), u fuq kollox l-aktar żewġ pajjiżi li jipproduċu CO2 – iċ-Ċina u l-Istati Uniti – mhumiex marbutin bil-protokoll u ma tanxt jidhru li se jintrabtu b'xi protokoll simili.
Din tal-Ġappun hija daqqa ta' ħarta kbira meta tqies li s-Summit ta' Kankun – li qed ilaqqa' 194 rappreżentati ta' gvernijiet u mijiet ta' gruppi  mhux governattivi – suppost qed jiltaqa' biex n-negozjaturi jaqblu fuq trattat ġdid li jillimita l-emissjonijiet tal-gassijiet CO2, biex jieħu post dak ta' Kjoto jiskadi sentejn oħra.
Qed ngħid "suppost" għax wara li dan ma kienx rnexxilhom jilħquh f'dak ta' Kopenħagen, din id-darba mhux qed jissemma' wisq bħala l-iskop ewlieni ta' dan is-summit, u wkoll għax ħafna policy makers ilhom xhur iwissu u rassenjati li minn Kankun mhux jistennew progress sinifikanti, u żgur mhux xi trattat li jorbot – jiġifieri se jkollna ripetizzjoni ta' dak li ħareġ minn Kopenħagen sena ilu – F J A S K  !
Din il-pożizzjoni tal-Ġappun qed tkompli ddakkar lil pajjiżi oħra li minn wara Kopenħagen u l-iskandlu Climategate qed jaħsbuha sew qabel jintrabtu b'aktar miżuri. Issemmit New Zealand li kienet wieħed minn ħames pajjiżi biss mhux Ewropew li kienu minn tal-ewwel li ffirmaw it-Trattat ta' Kjoto 13-il sena ilu.
Minn kalkoli li saru fi New Zealand proprju f'dawn il-jiem, ġie mbassar li jekk il-gvern jintrabat għal aktar tnaqqis ta' CO2, eżattament xiri ta' carbon credits minn pajjiżi oħra, jkabbar il-piż fuq il-kontijiet tal-pajjiż, mingħajr ebda gwadann f'fondi jew dħul ieħor.
Barra minhekk, kieku New Zealand kellu jerġà jintrabat b'xi protokoll ieħor, ikun l-uniku pajjiż, minn fost dawk li ffirmaw dak ta' Kjoto, apparti l-Ewropa, li jagħmel dan. Infatti l-Kanada, r-Russja, l-Istati Uniti – aktar u aktar wara li r-Repubblikani kisbu l-maġġoranza fil-Kamra – u probabbilment anki l-Awstralja m'għandhom l-ebda ħsieb ta' xi Kjoto ieħor. U ma' dawn issa żdied il-Ġappun ukoll.
Biex ma nsemmix lill-Unjoni Ewropea – l-uniċi pajjiżi li għadhom jinsistu għal aktar irbit ta' trażżin ta' CO2 – li qed jixhdu ċerti dubji u jgħidu li f'Kopenħagen kienu ttieħdu 'for granted', iżda issa mhux beħsibhom jaqblu ma' xi Kjoto 2 sakemm il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma joffrux xi ħaġa bħala kumpens jew in cambio.
Dan ikun ifisser li Kjoto 2 jispiċċa ma jorbotx pajjiżi li bejnithom jipproduċu 84% tas-CO2 fid-dinja!
Mhux aħjar, allura, l-għexiren ta' eluf li hemm f'Kankun ifittxu jmorru lura lejn  pajjiżhom u ma jkomplux jikkunsmaw aktar CO2?! Għax ta min ifakkar li kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendew delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivisti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena! ... dak kollu għalxejn!

It-Tlieta, 30 ta’ Novembru 2010

Riżultat Kif Mistenni fil-Moldova

IĊ-ĊENTRU-LEMIN IŻIED L-VOTI ... IMMA S-SITWAZZJONI INĊERTA
Mill-elezzjoni bikrija tal-Ħadd li għadda, bħalma kien mistenni l-Partit Komunista tal-Moldova (PCRM) kompla naqqas l-appoġġ wara li mill-2001, għal tlett elezzjonijiet wara xulxin, l-elettorat Moldav kien tah maġġoranza ta' voti u siġġijiet; l-uniku pajjiż fost l-eks satelliti tar-Russja Sovjetika li wara li ħeles mill-Komunisti reġà tellagħhom fil-gvern.
Il-Prim Ministru u kap tal-PLDM Vlad Filat
Għalkemm baqà l-ikbar partit il-PCRM tilef 6 siġġijiet u għall-ewwel darba kiseb inqas minn 40% tal-voti, 39.3 fil-mija. Dan ifisser li l-maġġoranza assoluta tal-Moldavi issa taw il-ġenb definittament lill-"avventura Komunista".
Mhux daqshekk ċar, iżda, l-messaġġ dwar x'alternattiva riedu l-Moldavi.
Infatti filwaqt il-koalizzjoni fil-gvern kabbret l-appoġġ f'voti bi 3% u żjiedet 6 siġġijiet, dan ma kienx biżżejjed biex isolvu l-problema li wasslet biex jirriżenja l-gvern Ċentrista li kellhom: il-ħatra tal-President tar-Repubblika  mill-parlament
Dan għax biex il-parlament jaħtar president dan irid jikseb 61 vot mill-101 deputat.
Issa l-koalizzjoni tal-Prim Ministru Vlad Filat għal żewġ siġġijiet biss ma tistax tagħmel dan għax issa għadhom 59 siġġu.
Dan żgur ġara għax l-erba' partiti f'din il-koalizzjoni msejħa 'Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea' għażlu li ma jagħmlux kampanja elettorali flimkien, u kull partit ikkontesta għal rasu u mhux bħala blokk elettorali wieħed.
X'aktarx li din kienet ħaġa mistennija għax l-Alleanza ma kenitx waħda omoġenja. Fiha kien hemm erba' partiti: Tlieta meqjusa bħala Ċentru-Lemini: dak Liberali Demokratiku (PLDM) b'ispirazzjonijiet liberali u KristjanDemokratiċi, membru-osservatur fil-PPE), il-Liberali (PL) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN) – dawn flimkien  kisbu 41.5% tal-voti, żjieda ta' kważi 3%, però l-AMN tilef is-7 siġġijiet li kellu.
Iżda fl-Alleanza kien hemm ukoll il-Partit Demokratiku (PDM) Ċentrista-Xellugi, SoċjalDemokratiku li jemmen fit-Tielet Triq (il-falluta "Third Way" ta' Blair u Clinton), membru fil-Partit Soċjalista Ewropew u l-Internazzjonali Soċjalista.
Barra minhekk, bħalma ktibt il-Ħadd li għadda, l-kap tal-PDM Marian Lupu kien membru tal-Partit Komunista Russu, u wara l-waqa' tal-Unjoni Sovjetika ingħaqad ma' dak Moldav, il-PCRM biex ġie nominat ministru u Speaker fi tlett gvernijiet Komunisti bejn l-2001 u l-2009.  Iżda minħabba, intqal, li la ġie nominat fil-Kunsill tas-Sigurtà mill-kap tal-PCRM Voronin, u lanqas għall-president, Lupu telaq mill-partit u nagħqad mal-PDM, fejn leħquh kap.
Meta l-koalizzjoni taċ-Ċentru rebħet l-elezzjoni, Lupu kien il-kandidat tagħhom għall-president, iżda ma kellhomx siġġijiet biżżejjed biex itellgħuh, għax id-deputati Komunisti ma vvutaw lil min qiesuħ bħala "traditur". B'hekk kellha ssir elezzjoni kmieni.
X'se jiġri allura issa meta l-partiti taċ-Ċentru għalkemm marru tajjeb, xorta m'għandhomx voti biżżejjed biex jaħtru l-president?
Marian Lupu (kap tal-PDM) parti minn
pjan li ħmew il-Komunisti?
Osservaturi Moldavi, fosthom ħabiba, Olguta Ciutac tal-Moldova.org, li qed nikkorrispondi magħha, ma jaħsbux li l-Moldova tiflaħ għal elezzjoni oħra.
L-istess Ciutac qaltli li x'aktarx jerġgħu jingħaddu l-voti ta' Moldavi li jgħixu barra l-pajjiż, fejn 77% ivvutaw lill-partiti tal-Alleanza, u allura dawn suppost rebħu aktar siġġijiet. Riżultat aħħari jkun magħruf sal-Ġimgħa jew is-Sibt li ġejjin.
Dwar Lupu, Ciutac semmitli kif ħafna qed jissuspettaw li dan iġġieled mal-Komunisti bħala pjan ta' Voronin biex, wara li qabel l-elezzjoni ma vvutawx lil Lupu, issa li ma rnexxilhomx, kif ittamaw, jirbħu l-elezzjoni, l-Komunisti jaqblu li jivvutawlu, imma jitolbu ċerti kundizzjonijiet mill-Alleanza.
Sadattant, qaltli wkoll li hemm xnigħat persistenti li żewġ deputati Komunisti jistgħu jiddikjaraw ruħhom indipendenti jew jingħaqdu mal-PDM, u jivvutaw lil Lupu għall-President.
Nistennew u nittamaw ... għall-ġid ta' Moldova demokratika u aktar ħielsa

It-Tnejn, 29 ta’ Novembru 2010

Summit Ieħor Inutli dwar il-Klima

MILL-KESĦA TA' KOPENĦAGEN GĦAX-XEMX TA' KANKUN!
Illum f’Kankun fil-Messiku jibda summit ieħor tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC) fejn matul l-għaxart ijiem li ġejjin delegati minn ’l fuq  minn 200 pajjiż mid-dinja kollha –  b’kollox madwar 15,000 ruħ meta tgħodd rappreżentanti ta’ NGO’s u ġurnalisti – se jippruvaw jilħqu ftehim daqsxejn aktar sostanzjali minn dak li ħareġ sena ilu mill-aħħar summit fallut f'Kopenħagen li kellu jwassal għall-qbil dwar protokoll ieħor wara dak fallut ta’ Kjoto li jintemm fl-2012.
   Fir-realtà dawn diġà jafu li l-istess se jerġà jiġri din is-sena, u apparti li se jerġgħu jikkawżaw għexiren ta' eluf ta' emissjonijiet ta' CO2, dan se jkun biss summit ieħor inutli biex kollox jiġi pospost b'sena oħra għas-summit tal-2011 fl-Afrika t'Isfel.
    Dan għax l-ewwelnett il-pajjiżi żviluppati ma wettqux l-impenji finanzjarji li kienu ntrabtu bihom proprju sena ilu f’Kopenħagen, u ma tantx jidher li se jonorawhom fil-futur. U mingħajr ftehim li jorbot dwar il-finanzi m’hemmx ftehim dwar il-klima, għax huma l-flus li hawn jinteressaw l-aktar.
    L-hekk imsejjaħ Copenhagen Accord ħalla lil kull pajjiż jiddeċiedi hu b’kemm inaqqas l-ħruġ ta’ gassijiet serra (CO2), iżda dan la kien realment jorbot u lanqas kien hemm mekkaniżmu ta’ kontroll u infurzar.
Ftit jiem qabel Kopenħagen is-sena l-oħra kien faqqa’ l-iskandlu  Climategate, li kompla nissel dubji dwar is-serjetà tax-xjenza wara t-teorija li d-dinja qed tisħon tort tal-bniedem (AGW – Anthropogenic Global Warming). Dan żgur mewwet l-entusjażmu ta’ dawk li ġenwinament kienu ġew konvinti mill-argumenti tal-ekokatastrofisti, u għalhekk, sakemm tiġi studjata verament xjentifikament din it-teorija tal-AGW, qed ibiegħdu kemm jistgħu kull ftehim li jkompli jxekkel lill-pajjiżhom b’aktar restrizzjonijiet
       L-ekokatastrofisti nfatti kien irnexxilhom iġennu lill-gvernijiet biex jaċċettaw jonfqu miljuni kbar – li setgħu ntefqu f’kawżi aktar urġenti (bħall-ġuh fid-dinja) – biex suppost iwaqqfu t-tibdil fil-klima, li suppost huwa responsabbli għalih il-bniedem. Liema flus fil-fatt qed iservu l-aktar biex iħaxxnu l-bwiet ta’ dawn is-suppost esperti/studjużi, u ta’ min għandu interess ibiegħ teknoloġiji alternattivi insuffiċjenti u għolja ta’ enerġija.
     Fuq l-istess karru, bħalma qed naraw f’dawn is-summits, qed jippruvaw jirkbu wkoll pajjiżi sħaħ bl-iskop li jġiegħlu lil dawk l-aktar industrjalizzati, l-aktar fil-Punent, jagħtu lilhom ukoll biljuni biex “ipattu” talli huma qed ikollhom iħallsu l-aktar prezz qares f’“danni” kawżati mill-pajjiżi industrjalizzati, għax l-aktar jaħtu għat-tibdil fil-klima!
     Dan meta eluf ta’ xjenzati jsostnu li fir-realtà it-tort, jew aħjar is-sehem  tal-bniedem fit-tibdil tal-klima huwa tant żgħir li huwa irrelevanti, għax dan huwa l-aktar dovut għal fenomeni naturali, bħall-effetti mix-xemx, li fuqhom il-bniedem m’għandu l-ebda kontroll.
      Għalhekk lanqas il-pajjiżi l-aktar industrjalizzati ma jaħtu għaż-żjieda fit-temperatura, ħlief forsi b’mod insinfikanti, għax anki qabel l-era industrjali, it-temperatura telgħet, u anki nieżlet, skond ċikli mill-aktar naturali.

Meta tqies li l-ftit ftehim xejn sostanzjali li rnexxilhom jaslu għalihom il-pajjiżi f'Kopenħagen, allura dan xejn ma jawgura tajjeb  għal dan is-summit Messikan.
Xorta waħda, però, dan kollu ma qatgħax qalb il-UNFCCC u minn Kankun se terġà tipprova  toħroġ bi trattat li jorbot legalment dwar it-tibdil fil-klima.
Imma l-aqwa li dawn l-eluf li qed jaslu f'Kankun ikunu ħadu vaganza ta' kważi ġimgħatejn għax-xemx sħuna Messikana!

Is-Sibt, 27 ta’ Novembru 2010

Lejn Rebħa oħra Ċentru-Leminija

It-tielet elezzjoni f’sentejn fil-Moldova
Għada l-Ħadd, wara ftit aktar minn 15-il xahar, il-Moldavi se jkollhom jerġgħu imorru jivvutaw minħabba li l-gvern irriżenja għall-istess raġuni li kien xolja dak ta’ qablu. It-tielet elezzjoni fi żmien sentejn.
Vlad Filat, Prim Ministru attwali u
President tal-Partit Liberali Demokratiku
Iżda ħalli nfakkar fuq fuq x’inhija s-sitwazzjoni politika f’din l-eks satellita tal-Unjoni Sovjetika: l-ewwelnett, sa’ qabel appuntu l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra, l-Moldova kellha r-rekord xejn sabiħ tal-uniku pajjiż – wara l-waqa’ tal-Komunizmu fl-eks Unjoni Sovjetika u fl-Ewropa tal-Lvant – fejn l-elettorat, (l-inqas mis-60% li jmorru jivvutaw), kienu jissorpendu lid-dinja billi jagħtu maġġoranza lil partit imsejjaħ espressament ‘Partit tal-Komunisti tar-Repubblika Moldova’ (PCRM), u dan mhux darba, iżda tlett darbiet wara xulxin, f’elezzjonijiet meqjusa ħielsa u ġusti, għallinqas minn osservaturi internazzjonali.
Ġara li wara t-tielet elezzjoni in fila li, bla mistenni, f’April tas-sena l-oħra, ntrebħet mill-Komunisti, dawn ma setgħux jerġgħu jaħtru Komunista bħala President tar-Repubblika għax, minkejja li kienu żjiedu s-siġġijiet fil-parlament, kien jonqoshom ieħor għal 61 siġġu meħtieġa skond il-kostituzzjoni biex jaħtru president li riedu huma, u allura kellha tissejjaħ elezzjoni bikrija.
Dan għax dik id-darba l-oppożiżżjoni baqgħet magħquda, u ma kienx hemm xi partit ­– bħad-Demokristjani tal-PPCD li lkoll kienu vvutaw għall-President Komunista Vladimir Voronin – u xi 11-il deputati mill-partit liberali AMN. Żgur li dik kienet ir-raġuni l-għala l-elettorat lil dawn ma vvutalhomx fl-elezzjoni ta’ wara, bħalma ġralhom dawk kollha tal-PPCD, li fil-fatt kien spiċċa ma tella’ l-ebda deputat, u lanqas fil-parlament li għadda ma kellu rappreżentanti.
Intant niġu lura għal dak li ġara wara l-aħħar elezzjoni ta’ Lulju tas-sena l-oħra:
Minkejja li l-Komunisti baqgħu l-ikbar partit, dawn kienu tilfu 12-il siġġu u naqsu kważi 5% tal-voti (għal 44.7%), filwaqt li l-erba’ partiti taċ-Ċentru li kienu fl-oppożizzjoni u kisbu siġġijiet fil-parlament rebħu 51.2% tal-voti u 53 siġġu kontra t-48 tal-Komunisti. B’hekk dawn aktar ma setgħux jaħtru l-president li riedu huma.
L-erba’ partiti taċ-Ċentru huma dak Liberali Demokratiku (PLDM, Ċentru-Lemin, li kiseb 18-il siġġu), il-Liberali (PL, Ċentru-Lemin, -15), id-Demokratiku (PDM, Ċentru-xellugi  - 13) u l-Alleanza Moldova Tagħna (AMN, Ċentru-Lemin,  - 7), u f’Awwissu tas-sena l-oħra iffurmaw dik li ssejħet ‘Alleanza għall-Integrazzjoni Ewropea’.
Filwaqt li dawn bejnithom setgħu jiggvernaw u ffurmaw gvern immexxi mill-kap tal-PLDM Vlad Filat, xorta ma rnexxilhomx jaħtru l-president li xtaqu, Marian Lupu, kap tal-PDM. Lupu huwa post-Komunista u eks Ministru fl-aħħar tlett gvernijiet Komunisti tal-PCRM ta’ Voronin, minn fejn telaq f’Ġunju tas-sena l-oħra, għax qal li qatgħa qalbu li jirriforma l-PCRM minn ġewwa, iżda wkoll wara li Voronin ma kienx ħatru fil-Kunsill Suprem tas-Sigurtà tal-Moldova.
Intant sabiex joħorġu  minn din is-sitwazzjoni u l-Moldova jkollha president, l-Alleanza fil-gvern approvat u għamlet referendum f’Settembru li għadda biex il-poplu jivvota jridx tibdil kostituzzjonali, ħalli jkun il-poplu direttament li jivvota biex jaħtar President tar-Repubblika.
Kważi 88% vvutaw favur it-tibdil, iżda minħabba li b’kollox ma marrux jivvutaw it-terz tal-elettorat meħtieġ, ir-referendum ma kienx validu, u allura issa l-poplu se jkollu jmur jivvota mill-ġdid għall-parlament.
L-aktar stħarriġ riċenti tal-opinjoni pubblika li sar mill-Institute of Public Policy fis-7 ta’ Novembru poġġa lill-Partit Komunista u lil dak Liberali Demokratiku (PLDM) ras imb’ras, b’medja ta’ 36 u 35 siġġu rispettivament (medja ta’ 30% tal-voti kull wieħed).
Jekk ma’ dawn tal-Liberali Demokratiċi nżiedu s-16-il siġġu li mbassar li jikseb l-PDM u 14 tal-Liberali, allura l-Alleanza taċ-ċentru jista’ ikollha 65 siġġu (u 56% tal-voti), aktar milli biżżejjed sabiex jaħtru l-President tar-Repubblika, u tlett siġġijiet biss inqas miż-żewġ terzi biex ibiddlu l-kostituzzjoni.
Mill-istess stħarriġ ħareġ li 62.6% ta’ dawk li wieġbu qalu li jivvutaw favur kieku jellu jsir referendum biex il-Moldova tissieħeb fl-Unjoni Ewropea. Ħaġa li għallinqas il-partiti kbar kollha Moldavi jaqblu magħha.

Il-Ħamis, 18 ta’ Novembru 2010

Suċċess xjentifiku importanti għaċ-ĊERN

PASS IEĦOR LEJN IS-SOLUZZJONI TAL-BIG BANG
Kmieni din is-sena fl-Isvizzera, eżattament fiċ-Ċentru Ewropew tar-Riċerka Nukleari (ĊERN) kien twettaq b'suċċess esperiment importanti biex il-bniedem jibda jifhem minn xix hu magħmul l-univers u kif dan kellu l-bidu tiegħu. Hemmhekk saret simulazzjoni tal-kolliżżjoni qawwija bejn partiċelli tal-enerġija li jimitaw il-kundizzjonijiet  prevalenti fl-univers fl-ewwel frazzjonijiet ta' sekondi wara l-hekk imsejħa Big Bang, jew ix-xenarju kożmoloġiku li welled l-univers, madwar 13.7 Biljun sena ilu. (Dwar dan kollu ara l-blog tad-19 ta' April).
Minn dakinhar ix-xjenzjati taċ-ĊERN, li fosthom għandna l-unur li hemm il-Malti Nicholas Sammut, komplew bir-riċerki u l-esperimenti u l-bieraħ ħabbru li rnexxilhom iwettqu pass ieħor importanti biex eventwalment jaslu jsolvu l-misterju tal-Big Bang, meta nħolqu kwantitajiet ta' materja u antimaterja, iżda tal-ewwel kienet spiċċat dominanti, u d-dinja tagħna hija magħmula mill-materja.
The electrodes (gold) for the ALPHA Penning trap
 being inserted into the vacuum chamber and cryostat
 assembly. This is the trap used to combine or
"mix" positrons and antiprotons to make antihydrogen.
Għalhekk biex jinftiehem eżatt dak li kien seħħ fil-mument tal-Big Bang meta n-natura eskludiet l-antimaterja, u jsir magħruf jekk dan il-fatt kienx jostor xi sigriet, kelliem għall-esperiment imsejjaħ "Alpha", Jeffrey Hangst, qal li kien jeħtieġ li partiċelli ta' antimaterja "jinqabdu" għal ħin twil biżżejjed sabiex jiġu studjati.
Issa dan irnexxilhom jagħmluh billi "jaqbdu" għal 38 darba atomu ta' anti-idroġenu f'"nasba mekkanika" għal aktar minn 170 millisekondi.
Kelliem għall-Istituto Nazionale di Fisica Nucleare (INFN), il-fiżiku Andrea Vacchi, ddikjara li apparti biex jiġi solvut il-misterju tal-Big Bang, l-antimaterja għad tistà wkoll tkun il-bażi ta' sistemi futuri ta' propulsjoni, enerġija, għal muturi ta' vetturi spazjali li jivvjaġġaw b'veloċità tad-dawl lejn il-pjaneta Marte. Ħaġa mpossibbli llum, minħabba li ma jeżistix mutur b'saħħtu biżżejjed għall-vjaġġ l-hemm u lura.

It-Tnejn, 15 ta’ Novembru 2010

Aktar Qerq dwar it-Tibdil fil-Klima

CLIMATEGATE IEĦOR WARA SENA
L-Att. General Kenneth Cuccinelli
Bħal dan iż-żmien sena fl-Ingilterra faqqa' skandlu li kellu riperkussjonijiet mad-dinja kollha. Baqa' magħruf bħala CLIMATEGATE, għax minn mijiet kbar ta' emails u dokumenti li ħarġu mill-Climate Research Unit (CRU) tal-East Anglia University sar magħruf li huma jinsabu f’konfoffa ma’ riċerkaturi oħra fid-dinja biex ibiddlu, jaħbu jew jeqirdu riżultati tar-riċerki tagħhom li ma jippruvawx it-teorija li d-dinja qed tisħon tort tal-bniedem (AGW – Anthropogenic Global Warming).
Ta'  min jgħid li s-CRU regolarment tgħaddi riżultati tar-riċerka tagħha lill-Intergovernmental Panel on Climate Change tan-NU (IPCC), li fasslet il-ftehim (fallut) ta' Kjoto li wassal għall-miżuri restrittivi minn diversi pajjiżi biex suppost jitnaqqas il-ħruġ tal-gassijiet serra (CO2) ħalli suppost id-dinja ma tibqax tisħon.
Dawn għamlu minn kollox biex  inkjesti suppost indipendenti ma jsibu l-ebda ħtija jew qerq mis-CRU (ara l-blog tal-25 ta' April li għadda).
Imma issa mistenni jfaqqa' CLIMATEGATE 2, li qed jingħad li se juri kif l-ewwel Climategate kien biss it-tarf ta' muntanja tas-silġ, u jkomplu jiskredita lil dawn ir-riċerkaturi u jxejjen darba għal dejjem il-qerq u l-manipulazzjoni ta' dawk li għadhom jinsistu dwar l-AGW.
L-Attorney General tal-istat ta' Virginia Kenneth Cuccinelli qed ikompli l-ġlieda legali tiegħu biex l-Università ta' Virginia tagħmel pubbliċi mijiet kbar ta' emails u dokumenti oħra li għaddew bejnha u bejn s-CRU u li fihom jissemma ħafna r-riċerkatur/xjenzjat Michael Mann, li kien ivvinta t-teorija msejħa "hockey stick", li l-graff tagħha suppost juri li t-temperatura tad-dinja qatt ma kienet għolja daqs fis-Seklu 20, iżda li wara nstab li dik it-toerija ma kenitx valida.
Permezz tagħha, iżda, Mann kien irnexxielu jikseb grants li leħqu n-nofs miljun dollaru mill-Università ta' Virginia bejn l-1999 u l-2005 biex suppost ikompli dik ir-riċerka.
Michael Mann ingħata grant ta' mill-inqas
nofs miljun dollaru mill-Università
ta' Virgina
Minbarra li allura, t-talba ta' Cuccinelli għandha twassal biex isir magħruf jekk Mann kisibx dawn il-grants b'qerq u ksur tal-liġi magħrufa bħala l-Virginia Fraud Against Taxpayers Act, għandha tkompli tikxef aktar qerq minn dawk ir-riċerkaturi promoturi tal-AGW. 
Dan għax id-direttur tas-CRU Phil Jones kien ta ordni biex  jinqerdu numru ta' emails li għaddew bejnha u bejn Mann, iżda li jistgħu għadhom fis-server tal-Università ta' Virginia.
Jekk dawn l-emails u dokumenti iwasslu biex Mann ikollu jirtira l-istudji tiegħu bħala difettużi u qarrieqa dan joħloq tempesta sħiħa, għax ir-rapport tal-2001 tal-IPCC ibbaża l-każ favur li l-bniedem jaħti għat-tisħin tal-globu fuq proprju l-validità tal-hockey stick, li allura tista' tkompli tisfa' fix-xejn.
Sadattant min irid jaf aktar dwar sena minn Climategate jista' jaqra artiklu tassew tajjeb dwar l-"esperti tal-klima" li għadhom jinsistu fil-logħba komika (li kieku mhix daqshekk serja) tal-AGW, fil-blog "Air Vent" hawnhekk: http://noconsensus.wordpress.com/2010/11/12/climategate-a-year-of-comedy/   

Is-Sibt, 13 ta’ Novembru 2010

Farsa oħra fil-Burma (Mjanmar)

Ħelsu lil Suu Kyi biex inessu t-taparsi elezzjoni?
Suu Kyi (li llum għandha 65 sena) tifraħ bil-laqgħa kbira li tawha eluf ta'
partitarji tagħha quddiem darha l-lejl
a
Mela Aung San Suu Kyi fl-aħħar inħelset mat-tmien tas-sentenza li xeħtitha arrestata f'dartha. Mill-bieraħ l-għajdut li r-reġim dittatorjali militari tal-Burma (jew Mjanmar) kien se jeħles lil  Suu Kyi mill-arrest ma qata' xejn, u eluf ta' partitarji tar-rebbieħa l-Premju tal-Paċi u ġellieda għall-libertà u d-demokrazija, nġabru quddiem id-dar tagħha fejn ilha magħluqa għal dawn l-aħħar seba' snin,  u quddiem il-kwartieri ġenerali tal-partit tagħha, l-Lega Nazzjonali għad-Demokrazija (LND), dikjarat iilegali mill-istess reġim.
Suu Kyi qattgħet 15 mill-aħħar 21 sena fil-ħabs minħabba l-oppożizzjon tagħha għal 48 sena ta' dittatura militari, u tgawdi l-istess popolarità, jekk mhux aktar, li kellha fl-1990 meta l-partit tagħha kien kiseb rebħa kbira. Rebħa li l-militar kien injora u minn dakinhar dejjem sab xi skuża biex jarrestaha.
Il-militar kien wettaq kolp ta' stat fl-1962 u taħt il-Ġeneral Ne Win mexxa l-pajjiż f'dik li kienet ssejħet "It-Triq Birmana għas-Soċjaliżmu", taħlita ta' Marxiżmu, nazzjonaliżmu u Buddiżmu, li wasslet lill-pajjiż u lill-poplu għall-faqar.
Ne Win kien spiċċa arrestat fl-1988 minn fazzjonijiet rivali fi ħdan l-istess militar (miet arrestat f'daru fl-2002), li però ma fissirx it-tmiem tad-dittatura militari, li anzi kompliet tabbuża d-drittijiet tal-bniedem.
Iżda minn protesti u rewwixti kbar mibdija mill-istudenti, li fihom f'Awwissu tal-1988 s-suldati sparaw u qatlu mat-3000 ruħ, Suu Kyi ħarġet bħala ikona nazzjonali.
Il-ġunta militari ħabbret elezzjonijiet  li ppruvat tikkontrolla b'restrizzjonijiet fuq meetings u b'ċensura, li però qajla swewlha, minkejja li mexxejja politiċi, fosthom l-istess  Suu Kyi, nżammew arrestati f'darhom. Infatti l-LND kien kiseb maġġoranza assoluta ta' 392 siġġu mill-492 fil-parlament, u 58.7% tal-voti.
Ir-reġim militari, naturalment m'aċċettax ir-riżultat, u diversi politiċi tal-oppożiżżjoni spiċċaw eżiljati jew arrestati.
Kellhom jgħaddu 20 sena biex saru elezzjonijiet oħra b'aktar minn partit wieħed, li saru l-Ħadd li għadda, u li reġgħu kienu elezzjonijiet farsa li ġew bojkottjati mill-LND ta' Suu Kyi għax m'aċċettawx li jikkontestaw mingħajrha bħala kap, bħalma riedet il-ġunta militari.
Wara li l-partit mwaqqaf mill-militari kiseb maġġoranza assoluta f'siġġijiet u voti, l-elezzjoni ġiet kundannata mill-pajjiż tal-Punent u minn Nazzjonijiet Uniti, iżda mfaħħra miċ-Ċina u mir-Russja!


Sabiex jippruvaw inessu din il-farsa elettorali quddiem id-dinja, qed juzaw il-ħelsien ta' Suu Kyi.
Issa jiddependi kif se jġib ruħu r-reġim, hekk kif Suu Kyi tidher deċiża li tibqà attiva fil-politika kontra dak li jidher li ried ir-reġim bħala kundizzjoni biex tinħeles. Infatti għada stess hi mistennija tindirizza rally tal-partit tagħha.
Ġurnalist tad-Democratic Voice of Burma, organizzazzjoni non-profit bażata fin-Norveġja u mmexxija minn eżiljati Birmani, Aye Min Soe ma tantx hu ottimist. F'intervista mal-ġurnal Taljan Il Foglio, hu qal li jinsab konvint li din m'hi xejn għajr logħba tal-ġunta li se tisserva b'Suu Kyi biex jibdew taħditiet mad-diversi gruppi etniċi li qed joħolqu wkoll l-inkwiet.
Wara jfittxu skuża biex joħolqu l-instabbilità u jakkużawhom b'terroriżmu,  ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jiddikjaraw l-istat ta' emerġenza u jaħtfu l-poter assolut.
Fi kliem ieħor l-istorja ta' dak li ġara bejn l-1988 u 1990 terġa' tirrepeti ruħha mill-ġdid. Nistgħu biss nittamaw li le.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide