Il-Ħadd, 27 ta’ Novembru 2011

Summit Ieħor dwar il-'Klima'

LEJN IT-TMIEM TAL-PROTOKOLL TA' KYOTO
Għada t-Tnejn f'Durban fl-Afrika t'Isfel se jerġgħu jiltaqgħu mijiet ta' Ministri jew rappreżentanti tagħhom minn diversi pajjiżi, ma' għadd kbir ieħor ta' rappreżentati ta' għaqdiet ta' 'esperti' jew interessati fis-suġġett għal summit ieħor tal-United Nations Framework on Climate Change (UNFCC) biex forsi l-pajjizi jirnexxilhom jiftiehmu dwar trattat ġdid minflok il-protokoll ta' Kyoto li jintemm is-sena d-dieħla, li l-iskop tiegħu suppost kellu jkun li jitnaqqas il-ħruġ tal-gassijiet serra, C02, għax dan qed iwassal għat-tisħin tal-globu, jew it-tibdil tal-klima (skond liema jaqblilhom jużaw!) għax dan se, jekk mhux diġà iwassal għal katastrofi kbar fis-dinja.
Dan is-summit li se jibqà sejjer sal-Ġimgħa 9 ta' Diċembru se jsir xorta waħda minkejja li huwa diġà fatt magħruf li mhux talli, bħall-aħħar wieħed ta' sena ilu fil-Messiku se jkun sar għalxejn, iżda li dan l-istess summit se jfisser it-tmiem ta' Kyoto.
Fil-fatt l-aktar li qed jittamaw il-UNFCC huwa fi ftehim ieħor dgħajjef u bla ebda rbit jew bħal dawk li ħarġu minn Kopenħagen sentejn ilu u dak ta' Kankun fil-Messiku ... Lanqas ħaqq is-C02 li se jikkunsmaw!
L-aktar li se jiddispjaċihoim għal dan se jkunu żgure dawk kollha li kienu se jsiru miljunarju bis-suq tal-bejgħ tal-permessi (carbon trading) lil dawk li riedu jkomplu jipproduċu s-CO2 u gassijiet oħra serra, brokers u investment bankers  fis-suq l-ieħor ta' għadd ta' prodotti u proġetti biex suppost jipproduċu "enerġija nadifa" – swieq ta' l-fuq  minn €225 BILJUN fis-sena!
Dan li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed jirriżulta "lussu", kapriċċ  qed iwassal biex dejjem aktar nazzjonijiet qed jabbandunawh quddiem l-ikbar kriżi finanzjarja globali mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn, bl-istess, per eżempju, Kummissjoni Ewropea sa'  ftit ilu tant minn quddiem biex timponi fuq il-pajjiżi tal-UE rbit ta' tnaqqis ta' miżuri, issa jidher li lesta tintrabat b'aktar miżuri biss jekk il-pajjiżi l-oħra kollha jaqblu dwar ftehim globali.
F'dejjem aktar pajjiżi qed tikber l-oppożizzjoni għal xi Kjoto ieħor jew estensjoni ta' xi miżuri restrittivi, hekk kif dawn aktar inkwetati dwar l-ekonomiji tagħhom milli dwar s-suppost periklu għall-orsijiet polari.
HUMA X-XEMX U R-RAĠĠI KOŻMIĊI QED ISAĦĦNU D-DINJA
Lil dawk li ġenwinament jinkwetaw dwar li l-bniedem jista' veru qed jeffettwa l-klima, ngħidlu din il-ġimgħa n-Nature Journal of Science, meqjus bħala l-aktar perjodiku kwotat fid-dinja, ppubblikat studju definittiv dwar it-tisħin tal-globu li jikkonferma li t-temperatura tad-dinja tagħna hija pjuttost kontrollata mir-raġġi kosmiċi galattiċi mix-xemx u s-sħab, milli mill-bniedem.
Ir-riċerka saret miċ-CERN, l-Organizzazzjoni Ewropea għar-Riċerka Nukleari , ,i m,inbarra li vviuntata l-World Wide Web u bniet l-Large Hadron Collider, issa bniet ukoll stainless steel chamber state-of-the-art li jirriproduċi l-atmosfera tad-dinja.
L-istudju sar minn xjenzjati li jirrappreżentaw 17 mill-aqwa istituti tar-riċerka fl-Ewropa u fl-Amerika, u jgiddeb jew aħjar jirrifjuta t-teorija tal-UNFCC li l-bniedem jaħti għal tibdil fil-klima, liema teorija wara 20 sena hija destinata għad-"dustbin of history" kif tgħid in-Nature Journal of Science hawnhekk.
Interessanti li l-istess rivista sa' ftit żmien ilu kien tappoġġja t-teorija tal-ħtija tal-bniedem

L-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (6)

JGĦIDU LI TIMOXENKO MHIX F'PERIKLU LI TMUT
Wara li dalgħodu kmieni, mingħajr ma avżaw lil ħadd, la lill-familjari tagħha u lanqas lill-avukati tagħha, l-awtoritajiet Ukreni ħadu lill-eks Prim Ministru Julia Timoxenko għal eżamijiet mediċi sigrieti fi sptar fil-kapitali tal-Ukrajna, Kiev filwaqt li ammettew li hi marida, insistew li "mhix fil-periklu għall-ħajjitha".
L-awtoritajiet Ukrajni kellhom ibaxxu rashom għall-pressjoini minn barra l-pajjiż, u jaċċettaw li lil Timoxenko (li tinstab l-ħabs wara sentenza,politika, ta' 7 snin ħabs li appellat) isirulha l-eżamijiet mediċi meħtieġa barra l-ħabs, għalkemm mhux fi sptar li riedet hi. Dan wara li saħħitha ilha sejra lura rapporti li hi kienet ferm marida b'uġigħ kbir f'dahrha u tbajja  misterjużi fuq ġisimha.
Stqarrija mill-awtoritajiet tal-ħabs ikkonfermat li sar l-eżami mediku li kien jinkludi MRI scan, X-rays u ultrasound, iżda mhux test tad-demm li Timoxenko qalu li rrifjutat li tagħmlu. Ir-riżultati minn dawn l-eżamijiet huma li "ma kienx innutat tibdil patoloġiku f'saħħitha li jheddilha ħajjitha".
Iżda t-tim ta' difiża tal-eks prim ministru ddikjara li mhumiex jafdaw ir-riżultati tal-eżamijiet li sarulha għax ma jafux xi proċeduri ntużaw.
Sadattant ma tħallewx isiru ċelebrazzjonijiet biex ifakkru r-Rivoluzzjoni Oranġo tal-2004 kontra l-President attwali Yanukoviċ, li dakinhar kien ipprova jiggverna kontra r-rieda tal-poplu.
Mijiet iżda xorta waħda l-bieraħ inġabru iżda ma tħallewx jidħlu fi Pjazza Indipendenza  f'Kiev, fejn seba' snin ilu kienu saru protesi kbar f'dik li ssejħet ir-Rivoluzzjoni Oranġo immexxija minn Viktor Yuxenko u Timoxenko.

Il-Ħadd, 20 ta’ Novembru 2011

Tkaxkira għas-Soċjalisti

MAĠĠORANZA ASSOLUTA GĦAĊ-ĊENTRU LEMIN FI SPANJA
Bħalma kien mistenni, u bħalma kważi eżatt bassart jiena nhar il-Ħamis fl-analiżi tiegħi ta' kull ġimgħa f'ġurnal lokali, il-Partit Popolari rebaħ l-elezzjoni b'maġġoranza assoluta ta' voti u siġġijiet. B'98% tal-voti magħduda sakemm qed nikteb, il-PP kiseb rekord storiku ta' 186 siġġu mit-350 tal-parlament u 44.6% tal-voti li jissarfu f'aktar minn 10 Miljun voti, kważi 4 miljun vot aktar mill-Partit Soċjalista.
Dan kiseb l-agħar riżultat fl-istorja tiegħu bi 28.7% biss tal-voti li ssarfu f'110 siġġijiet, l-inqas li qatt kiseb mill-ewwel elezzjonijiet ħielsa fl-1977, telf ta' 59 siġġu, u 15% tal-voti. Infatti fl-aħħar elezzjoni kien kiseb 11.288.698 vot (43.87%). Illum dawn niżlu għal 6.937.706 (28.73%). Tkaxkira nobis!
Waqt diskors tar-rebħa lill-eluf ta' partitarji miġbura quddiem il-kwartier tal-partit ĊentruLemini l-Kap Mariano Rajoy (fir-ritratt ma' martu Elvira Fernandez) irringrazzja lil dawk kollha li vvutaw lill-PP u ħadmu għal din l-ikbar rebħa tiegħu, filwaqt li għamlilhom kuraġġ għax "minn għada rridu naħdmu lkoll flimkien bħala poplu sħiħ biex negħlbu d-diffikultajiet li Spanja qed tiffaċċja", ħaġa li tkellem ċar dwarha matul il-kampanja elettorali meta dejjem stqarr li kienu se jirtu l-agħar sitwazzjoni li qatt ħalla gvern lil ieħor.
Marru tajjeb ukoll il-partit ieħor taċ-ĊentruLemin, il-Convergencia i Union (CiU) li kiseb kważi Miljun vot u żjied is-siġġijiet minn 10 għal 16, u l-koalizzjoni Xellugija IU-LV li minn żewġ siġġijiet tellgħu 11, li  naturalment ħaduhom lill-Partit Soċjalista
Mill-banda l-oħra l-appell tal-grupp tal-"Indignados" biex l-Ispanjoli ma jmorrux jivvutaw jew iħassru l-vot bħala protesta ma tantx jidher li kellu effett għax marru jivvutaw 71.69% kontra t-73.85% ta' erba' snin ilu, differenza ta' 2.16%. Jekk ma' dawn inżiedu d-differenza tal-lum u dawk ta' erba' snin ilu li jew ħassru l-vot jew xeħtuh vojt, 0.91, allura b'kollox jiġu 3.07% li wkoll ftit li xejn għamlu differenza fir-riżultat.

Twerwir dwar il-Klima

WASAL SUMMIT IEĦOR U JIBDEW IŻIEDU D-DOŻA TA' ALLARMIŻMU
Jekk xi ħadd ma jinteressaħx, u ma jkunx jaf li lejn tmiem dan ix-xahar il-United Nations Framework on Climate Change (UNFCC) se torganizza, din id-darba fl-Afrika t'Isfel, s-summit ta' kull sena – biex forsi l-pajjiżi li jieħdu sehem fl-aħħar jirnexxilhom jiftiehmu dwar trattat ġdid għall-Protokoll (fallut) ta' Kyoto dwar "kontroll (!) tat-tibdil tal-klima", billi jitnaqqas l-ħruġ tal-gassijiet serra, jew CO2, liema tnaqqis dejjem aktar qed jirriżulta li qed isir għalxejn – malajr jinduna għax dawk li jiena nħobb insejjaħ eko-terroristi jibdew iżiedu doża tat-twerwir dwar il-konsegwenzi tat-tibdil tal-klima, għalkemm qabel aktar kienu jiddilettaw jużaw l-espressjoni "tisħin tal-globu".
Hekku li mmankabbilment hekk diġà beda jsir: l-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) ħareġ rapport mill-aktar allarmistiku dwar it-tibdil tal-klima u l-perikli tat-temp estrem bħal heatwaves, għargħar, nixfa u maltempati.
Ir-rapport jgħid li jkun aħjar jekk nantiċipaw id-diżastri u nnaqsu r-riskji qabel iseħħu, milli nistennew iseħħu u mbagħad "innadfu wara". Mur obsor!
Qalu wkoll li t-tibdil fil-klima jwasal għal tibdil fil-frekwenza, fl-intensità, it-tul u l-kronometraġġ ta' temp estrem u l-avvenimenti klimatiċi, iżda mbagħad jiddikjaraw hekk:
"xi wħud - iżda mhux kollha - minn dawn l-avvenimenti estremi huma kawżati miż-żjieda fil-gassijiet serra (greenhouse gases) fl-atmosfera". Mela issa, fl-aħħar, qed nibdew nirraġunaw ftit. Jidher li mhux se nibqgħu inwaħħlu d-diżastri kollha tad-dinja fit-tibdil fil-klima, fit-tisħin tal-globu.
Ma setgħax ikun mod ieħor għax iċ-ċifri qed igiddbu ħafna mill-ħrejjef psewdoxjentifiċi rakkuntati mill-IPCC, l-UNFCC u bella compagnia: infatti qed jiġi dejjem aktar ippruvat li fil-fatt mhux biss l-ewwel ikun hemm żjieda fit-temperaturi, u huwa biss WARA li jizdied s-CO2, imma dan iseħħ b'bejn 600 u elf sena wara, u allura qatt ma jista' ikun li hija ż-żjieda fis-CO2 li tikkawża dik fit-temperatura tad-dinja.
Dan minbarra l-fatt li mill-1998 'l hawn ma kien hemm l-ebda żjieda fit-temperatura tal-pjaneta tagħna, għalkemm dan ippruvaw jaħbuh – vide l-iskandlu Climategates u l-post tiegħi tat-30 ta' Ottubru.
Forsi għalhekk li minflok "Global Warming" bdew jużaw sempliċiment "Climate Change"!
Fuq kollox għal dak li jsostnu rapporti bħal dawk tal-IPCC li t-tisħin tal-globu huwa l-kawża għal xtiwi estremi, m'hemm asolutament l-ebda prova xjentifika jew evidenza reali ta' dan.
Fl-aħħarnett dwar il-previżjonijiet ta' dawn l-allarmisti, anki t-tfal llum jafu li l-bniedem diffiċli jbassar fiż-żgur kif se jkun it-temp tlett ijiem oħra, għas-sempliċi raġuni li għadu ma jifhimx eżatt x'jikkawża t-tibdil fit-temp, iżda l-IPCC tippretendi li taf kif se jkun it-temp għexiren ta' snin oħra!
Ħaġa waħda tagħmel sens f'dan l-aħħar rapport tal-IPCC: li l-unika soluzzjoni f'każi estremi tat-temp huwa li, wara li nikkonvinċu ruħna li ma nistgħu nagħmlu xejn biex il-klima ma tinbidilx, nadattaw ruħna u nevitaw kemm nistgħu l-konsegwenzi u mhux l-kontra billi, per eżempju nibnu, anki abbużivament, f'żoni ta' periklu  bħal fil-mogħdijiet naturali tal-ilma tax-xita, xmajjar, xtajtiet jew f'riġlejn il-muntanji!, bħalma ma nibnux madwar xi vulkan ...ħalliha li anki dan isir!
Għal darb'oħra l-IPCC u l-ekoterrotisti qed jirrikorru għal frodi xjentifika u psewdoxjenza, biex forsi fl-Afrika t'Isfel, f'Durban, ma jkollhomx l-istess fjask li rriżultaw l-aħħar summits ta' Kopenħagen u l-Messiku.

Is-Sibt, 19 ta’ Novembru 2011

INstabilità fl-Italja (2)

FIDUĊJA LIL GVERN TAL-BANKIERA
Rekord assolut u storiku u x'aktarx dehen tal-Guinness Book of Records!
556 FAVUR. 61 KONTRA. B'dan il-vot il-bieraħ il-gvern iffurmat minn Mario Monti kiseb dak li hu żgur l-ikbar vot ta' fiduċja fl-istorja demokratika parlamentari Taljana.
Imma s-sabiħa, anzi l-kerha hi li Monti mhuwiex politiku u lanqas ma ġie elett mill-poplu.
Id-deputat Domenico Schillipoti jqassam
flyers (ritratt taħt)  fl-okkażjoni tal-jum li 

hu sejjaħlu "Jum il-Mewt tad-Demokrazija
Parlamentari" fl-Italja
Monti huwa konsulent anzjan tal-Goldman Sachs Bank & Investment, eks-Kummissarju Ewropew, maħtur l-ewwel senatur u l-għada Prim Ministru mill-President tar-Repubblika, l-post Komunista Napolitano biex jifforma gvern. Dan wara li l-Prim Ministru ta' qablu Silvio Berlusconi kien qed isibha diffiċli jiggverna wara li l-Ġuda Fini flimkien ma' numru mdaqqas ta' deputati, telqu mill-partit ta'  Berlusconi u ttradew lill-partit u lil dawk li vvutawlhom.
Minkejja li għandu s-saħħa, maġġoranza komda f'waħda mill-kmamar tal-Parlament (fis-Senat), il-partit ta' Berlusconi Popolo della Libertà (PdL) vvota favur il-gvern ta' Monti – magħmul biss minn bankiera oħra, finanzieri, ekonomisti u tekniċi – bil-patt li jimxi fuq il-programm ta' miżuri fil-Legge di Stabilità approvata mill-parlament bħala kundizzjoni qabel Berlusconi rriżenja, u l-ittra li hu kien bagħat lill-UE bil-pjan finanzjarju/ekonomiku tiegħu skond it-talbiet tal-istess UE.
Ivvutaw favur ukoll il-partiti tal-oppożizzjoni taċ-ċentru u tax-Xellug, l-istess partiti, speċjalment dawn tal-aħħar, li kienu lesti jkomplu jfixklu kemm jifilħu, jressqu mijiet ta' emendi u jivvutaw kontra l-Legge di Stabilità. L-istess liġi li issa, għax fl-aħħar "ħelsu" minn Berlusconi, se jkollhom ibaxxu rashom għall-miżuri li fiha ...basta mhux se jkun Berlusconi li jattwahom.
Basta wkoll ma jkunux huma li jkollhom jattwawhom, u huwa għalhekk ukoll li ma jridux elezzjoni bikrija, għax jibżgħu li jekk jirbħuha huma, hekk ikollhom jagħmlu: jattwaw huma l-miżuri xejn popolari li trid l-Ewropa, biex isolvu l-problema tad-dejn  li l-gvernijiet ta' Berlusconi wirtu minn dawk tax-Xellug.
Iżda mill-ġimgħa d-dieħla se nkunu nafu kemm se jistaportu d-deputati Xellugin, l-attivisti, l-partitarji, l-unions dominati minnhom, qabel jibdew jipprotestaw kontra d-diversi kapijiet tagħhom Bersani, Bindi, D'Alema  jew Di Pietro talli issa dawn se jaċċettaw il-miżuri li sal-bieraħ kienu lesti jopponu għax kien se jkollu jressaqhom Berlusconi, u issa għax minfloku hemm il-bankier Monti se jogħqodu għalihom.
F'dawn il-jiem ukoll ħadu tweġiba u se jkomplu jieħdu dawk kollha li kienu jwaħħlu s-sitwazzjoni mwiegħra tal-Italja f'Berlusconi u li malli jwarrab hu kollox kien se jirranġa, u jisparixxu l-problemi kollha.
Il-problemi u l-miżuri qed jiffaċċjawhom il-popli fl-Ewropa u fl-Amerika kollha, fid-dinja kollha ...fejn m'hemmx Berlusconi!
Li m'għandhomx dawk il-pajjiżi bħall-Italja u l-Greċja, huwa gvern tal-bankiera li għalkemm kiseb il-fiduċja fil-parlament, m'għandux il-fiduċja tal-elettorat, tal-poplu, li fl-aħħar elezzjoni kien ċar filli ried lill-partiti taċ-ĊentruLemin jiggvernah ...vot li issa sar biċċa karta li ma tiswa' xejn, aktar u aktar jekk il-poplu mhux se jfittex jingħata d-dritt li jivvota mill-ġdid f'elezzjoni bikrija.
Għalhekk minn dan il-lat kellhom raġun jivvutaw kontra l-fiduċja d-deputati tal-Lega Nord, Alessandra Mussolini tal-PdL u d-deputat waħdani tal-Movimento di Responsabiltà Nazonale (li kemm-il darba vvota favur il-gvern ta' Berlusconi), Domenico Schillipoti li sejjaħ il-jum tal-bieraħ bħala jum il-mewt tad-demokrazija parlamentari, u mar għas-seduta tal-bieraħ b'faxxa sewda ta' luttu ma' dirgħajh.

Il-Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (6)

IĦEĠĠU LILL-PARLAMENT EWROPEW JITKELLEM ĊAR DWAR TIMOSHENKO
Il-Kumitat għall-Affarijiert Barranin tal-Parlament Ewropew qed iħeġġeġ lill-parlament li għal darb'oħra juri t-tħassib tiegħu dwar il-priġunerija tal-eks Prim Ministru tal-Ukjrajna u kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoshenko. Fl-istess ħin qed jinsistu mal-awtoritajiet Ukrajni jiggarantixxu li Timoshenko u mexxejja oħra tal-oppożizzjoni d-dritt li jipparteċipaw bis-sħiħ fil-proċess politiku u fl-elezzjonijiet li jmiss.
Timoshenko ilha minn Ottubru fil-ħabs wara li twaħħlet seba' snin meta nstabet ħatja li llegalment approvat ftehim mar-Russja dwar xiri ta' gass naturali fl-2009 meta kienet prim ministru tal-Ukrajna.
Il-Kumitat issa ressaq emendi lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Kunsill tal-Ewropa  dwar in-negozjati għall-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukrajna. Id-dokument se jkun il-bażi għal riżoluzzjoni li se tiġi vvutata mill-Parlament Ewropew kmieni x-xahar d-dieħel.
Banner kbir jgħatti ż-żona fil-parlament Ukren fejn soltu
jpoġġu d-deputati tal-oppożizzjoni.Il-kliem mar-ritratt
ġgantesk ta' Timoshenko jgħid "Le għall-oppressjoni
politika" u "Libertà għall-Ukrajna"
Skond id-dokument s-sentenza kontra Timoshenko hija meqjusa bħala att ta' vendetta, tpattija jew inkella parti minn attentat biex membri tal-oppożizzjnoni jinxteħtu l-ħabs  ħalli b'hekk ma jkunux jistgħu jikkontestaw jew jieħdu sehem sehem fi-kampanji elettorali  għall-parlament tas-sena d-dieħla u dawk presidenzjali fl-2015.
Id-dokument jemfasizza li l-liġi li biha ġiet kundannata Timoshenko ilha  minn żmien ir-reġimi Sovjetiċi, u li tmur kontra li-standards Ewropej u tan-Nazzjonijiet Uniti.
Timoshenko fil-bidu ta' Novembru kienet appellat lill-UE biex minkejja s-sentenza kontriha xorta waħda jfittex jiġi ffirmat il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Ukjrajna (ara l-post tat-3/11). Dan wara li l-Parlament Ewropej kien iddikjara li jekk Timoshneko ma tinħelisx mill-ħabs dan kien se jipperikola l-iffirmar ta' dan il-ftehim. Il-biżà hija li l-amministrazzjoni tal-President Ukren Yanukovich se tuża din il-kwistjoni biex tisfratta l-ftehim u tbiegħed lill-Ukrajna mill-Ewropa u tressaqha lura taħt l-influwenza tar-Russja.
Fil-fatt jidher li Yanukovich se jkompli jisfida lill-Punent għax nhar it-Tlieta Timoshenko ġiet interrogata minn prosekuturi tal-gvern  minkejja li kienet marida fis-sodda taċ-ċella tagħha b'uġigħ kbir f'dahrha, filwaqt li l-avukati tagħha ma tħallewx ikunu preżenti. L-akkuża issa hija li ma ħallsitx fuq €120 Miljun f'corporate tax meta kienet tmexxi kumpanija li timporta l-gass. Naturalment hi qed tiċħad dan kollu.
Sadanittant Timoshenko il-bieraħ appellat lill-International Red Cross u lid-Doctors Without Frontiers biex jintervjenu ħalli hi tiġi inviżtata u kurata kif xieraq, għax mhix tafda lit-tobba tal-ħabs.

Il-Ħadd, 13 ta’ Novembru 2011

INstabilità fl-Italja

"MHUX SE NIRTIRA, SE NIRDOPPJA L-IMPENN GĦALL-ITALJA"
Dan hu l-video messaġġ li xandar il-lejla l-Prim Ministru Silvio Berlusconi

www.forzasilvio.it

"WARA BERLUSCONI D-DILUVJU"
Hekk kienu jiktbu u jgħidu b'mod sarkastiku l-kritiċi u dawk kollha li ma jaħmlux lil dak li sal-bieraħ kien il-Prim Ministru mtella' demokratikament mill-ikbar maġġoranza li qatt kiseb gvern fl-Italja. Silvio Berlusconi warrab għax ried hu u mhux għax ġie sfiduċjat fil-Parlament jew fil-partit tiegħu – u huwa għalhekk li jiena personalment ma qbilt xejn ma' din d-deċiżjoni tiegħu. L-istess kif, naturalment, qatt ma għidt jew ktibt illi kieku hu jwarrab  kienet tkun l-Italja kollha li tispiċċa mkaxkra minn diluvju, u  mhux Ġenova biss! IŻDA minn dak li qed naraw iseħħ fl-aħħar sigħat, jekk mhux diluvju riesaq maltemp qalil fuq it-Taljani, l-aktar jekk tgħaddi ta' dawk li qed jinsistu li jbiegħdu kemm jistgħu d-dritt sagrosant li l-poplu Taljan jingħata ċ-ċans li jfittex jivvota, ġaladarba issa pajjiżu se jkun qed jiġi mmexxi minn gvern li m'għażilx hu.
Huwa għalhekk li s-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano fil-laqgħa li kellu l-lejla mal-President tar-Repubblica Napolitano, infurmah li l-Popolo della Libertà kien se jappoġġa lill-gvern eventwali tekniku ta' emerġenza u temporanju sakemm
i) Dan jattwa u jimxi fuq il-programm ta' miżuri approvati mill-Parlament il-bieraħ, skond l-ittra li Berlusconi bagħat lill-Unjoni Ewropea;
ii) Ikun magħmul biss minn tekniċi u l-ebda politiku, u jkun ta' żmien limitat, u li
iii) L-ebda wieħed mill-ministri tiegħu ma jkunu jistgħu jikkontestaw l-elezzjoni bikrija kemm jistà ikun.
Jekk xi waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma jiġux rispettati, l-PdL jirtira l-appoġġ, hekk kif dan għandu maġġoranza żgura fis-Senat, u jkollha ssir elezzjoni.
Jingħad li l-ħsieb ta' Napolitano huwa li jaffronta l-emerġenza biex imbagħad issr l-elezzjoni fi żmien qasir.
It-tama ta' Napolitano ta' Parlament ta'"larghe intese" li suppost jappoġġa unanimament lil Monti ma teżistix, u dan mhux biss għax il-Lega Nord diġà ddikjarat li mhix se tappoġġah.
Id-Demokratiċi ta' Bersani diġà qed jiddikjaraw li ma jriduhx biss jaffronta l-emerġenza ekonomika, iżda li jagħmel riformi politiċi bħal dik tal-liġi elettorali u oħrajn li, però, ma jaqbilx magħhom il-PdL, bħalma ma jaqbilx mas-suġġeriment tal-kap tal-UDC Casini li l-gvern Monti jibqà sejjer sa' tmiem il-leġislatura fl-2013, skond kemm suppost baqa' il-gvern ta' Berlusconi, bid-differenza li dan eventwali ta' Monti ma ġiex elett mill-poplu.
Dan minbarra d-diskorsi u wirjiet ta' mibiegħda tal-bieraħ kontra Berlusconi u ċ-ĊentruLemin fil-Parlament u mill-partitarji Xellugin  organizzati barra, jistennew lil Berlusconi fi triqtu biex jirriżenja, ma tantx jawguraw tajjeb għar-rikonċiljazzjoni, għallinqas temporanja, biex jiġi salvat il-pajjiż, bħalma qal li xtaq Napolitano.
Għalhekk qed  ngħid li jekk il-poplu mhux se jingħata d-dritt li jivvota llum qabel għada, għall-Italja jekk m'hemmx dilluvju, żgur li riesaq żmien ta' instabbilità li tistà  veru twassal għal baħar imqalleb.
"Sangue e lacrime", demm u dmugħ hemm lest għat-Taljani – dak li kienu lesti jfixklu kemm jifilħu fil-Parlament b'emendi u kontra-emendi għall-budget imsejjaħ Maxiemendamento b'dak li trid l-UE, iżda li, għax Berlsuconi wiegħed li kien se jwarrab malli dan jgħaddi, issa ivvutawlu kollha  mingħajr emendi.
Qal sewwa illum Vittorio Sgarbi – li mhux l-ewwel darba kkritika lill-gvern ta' Berlusconi – li b'riferenza għal dawk li marru jiffesteġġaw u jinsultaw għax ħelsu minnu, malli jindunaw li lanqas il-gvern Monti mhu se jirnexxielu jsolvi l-problemi kif riedu, u ma ħallewx lil Berlusconi jsolvi, fi żmien qasir se jibku lil Berlusconi ... imbagħad ikun jerġà imiss lilu li jidħak.
JUM TA' LIBERAZZJONI MINN XIX?
Il-Kap tad-Demokratiċi l-post-Komunista Bersani kellu l-wiċċ iqabbel il-jum tal-bieraħ wara li rriżenja, kif kien wiegħed, Berlusconi, mal-25 ta' April, ċelebrat mit-Taljani bħala jum il-liberazzjoni min-NażiFaxxiżmu. Imma jum il-ħelsien minn xix?
Berlusconi u l-gvern tiegħu, kif bdejt ngħid, ġie vvutat b'maġġoranza assoluta mill-poplu fl-2008. Maġġoranza li sfat imdajfa mill-Ġuda Fini u 32 deputati u 10 senaturi li ħarġu mill-grupp tal-Popolo della Libertà. Dak l-istess Fini li kien qal li lest jirriżenja mill-kariga ta' Speaker tal-parlament minuta wara li Berlusconi jagħmel l-istess, iżda li sakemm qed  nikteb għadu mwaħħal mas-siġġu.
Berlusconi warrab biex iżomm il-wiegħda li għamel nhar il-Ħamis, u żgur li mhux għax jaħti għas-sitwazzjoni ekonomika li tinsab fiha l-ekonomija tal-pajjiż.
Din, l-ekonomija Taljana, kienet ilha sejra lura għexiren ta' snin meta Berlusconi leħaq prim ministru. Imma tul it-tmexxija tiegħu beda jsir progress sakemm il-gvern kellu l-maġġoranza assoluta. Iżda mbagħad wasal it-tradiment ta' Fini, u faqqgħet wkoll il-kriżi finanzjarja-ekonomika globali.
Minkejja dan id-defiċit għall-2011 kien mistenni jinżel għal 4% tal-Prodott Gross Domestiku, wieħed mill-iżgħar fl-Ewropa, u terz inqas mill-medja tal-34 pajjiż tal-OECD (il-'klabb' tal-pajjizi sinjuri).
Skond id-Deutche Bank, mbagħad, dan mistenni jkompli niżel għal 2.2%. Mhux ħażin meta naraw li d-defiċit tal-Istati Uniti mistenni jlaħħaq 6.2% fl-2012, dak tal-Brittanja 6.9%, u ta' Franza u Spanja 5 fil-mija.
L-Italja għandha primary budget surplus (jiġifieri l-gvern idaħħal aktar milli jonfoq, kieku titnaqqas l-ispiża tal-imgħax fuq id-dejn). Id-dejn privat huwa baxx. Il-familji Taljani ġeneralment ma jonfqux aktar milli jdaħħlu, u l-ipoteki huma rari.
Dik tal-Italja hija ekonomija diversifikata u ma kellhix kriżijiet fil-housing bħal dawk li farrku lill-Istati Uniti, Spanja u l-Irlanda. Hija s-seba' l-ikbar ekonomija fid-dinja, f'pajjiż sinjur ħafna skond li-standards globali, bil-Financial Times dan l-aħħar tirraporta li valur medju ta' kull familja huwa €350,000; biżżejjed biex l-Italja ssalva lilha nfisha.
L-ikbar problema hija d-dejn nazzjonali, 120% tal-Prodott Gross Domestiku. Agħar minn hekk l-Italja trid toħroġ €233 Biljun  f'bonds is-sena d-dieħla, bil-yield jilħaq is-7.4%.
Imma ta min ifakkar li d-dejn nazzjonali ilu mill-inqas 20 sena jaqbeż l-100 fil-mija u ħadd ma deher qed jinkwieta żżejjed.
Iżda Berlusconi ma riedx li l-Italja ssir skjava tal-Ġermanja b'miżuri ta' awsterità li qed joqtlu l-ekonomija Griega u jagħmlu ħsara kbira lil Spanja, Portugall, Irlanda u Brittanja.
Aktar ma tnaqqas fl-infieq aktar se jonqos it-tkabbir tal-pajjiż, bil-konsegwenti tkabbir tal-kriżi tad-dejn nazzjonali.  Hawnhekk żgur ħadd ma jistà jgħid li Berlusconi għamel inqas minn ħaddieħor fiż-żona tal-Ewro biex jikkontrolla d-dejn.
Dan minkejja t-tfixil minn min kellu madwaru u telqu, u mill-oppożizzjoni uffiċjali, oppożizzjoni distruttiva għax ad personam, bħalma issa ġie ippruvat malli rajnihom "jimmansaw" wara li warrab Berlusconi.
Imma l-problema hija: KEMM SE JDUMU mansi, malli jibdew jirrealizzaw li l-mediċina Monti hija mediċina, qarsa, anki jekk issa mhux qed ikun iressaqha Berlusconi.
Imbagħad,  hawn naqbel ma' Sgarbi, veru jkun każ ta' min jidħak l-aħħar jidħak l-aħjar. 

Il-Ħamis, 10 ta’ Novembru 2011

Kieku t-Taljani jivvutaw illum (2)

ĊENTRU LEMIN 47.8% ; XELLUG 46.2%; INDEĊIŻI 39.6%
Għal darb'oħra, bħalma kien għamel lejn tmiem ix-xahar l-ieħor, fil-programm popolari tiegħu Porta a Porta tal-bieraħ Bruno Vespa nkluda r-riżultati ta' stħarriġ tal-opinjoni pubbliku minn tlett istituti ta' riċerka dwar kif jivvutaw it-Taljani fl-elezzjoni bikrija li trid issir dalwaqt.
Minn dan jerġà jirriżulta li l-elettorat Taljan jinsab maqsum kważi minn nofs eżatt, b'vantaġġ żgħir għall-partiti taċ-ĊentruLemin fuq dawk tax-Xellug: 47.8% kontra 46.2%. Iżda tajjeb wieħed jinnota wkoll li fost dawk li wieġbu lit-tlett istituti kien hemm persentaġġ għoli ta' 39.6% li għażlu li ma jwieġbux għax għadhom indeċiżi lil min se jivvutaw u jekk jivvutawx.
Dawn huma r-riżultati tas-sondaggi magħmula minn Ispo Srl, Ipr Marketing u EuroMedia Research li hawnhekk ġbart il-medja tagħhom:

ĊENTRU-LEMIN
Popolo della Libertà: 25.7%; Lega Nord: 8.0%; La Destra: 1.9% = 35.6%
Unione di Centro (UDC): 6.9%; Futuro e Libertà (FLI) : 3.7%; All. per l'Italia+Mov. per le Autonomie: 1.7% = 12.4% (miġbura fin-Nuovo Polo per l'Italia/Terzo Polo)
Total: 47.8%


XELLUG
Partito Democratico: 27.1%; Italia dei Valori (IdV): 7.2% = 34.4%
Sinistra e Libertà: 7.0%; Rifondazione Comunista: 1.8%; Pannella/Bonino: 1.3%; Partito Socialista: 0.7%; Verdi: 0.8% 
Total: 46.2%
Movimento 5 Stelle-Grillo: 3.6%.


Dwar id-39.6% indeċiżi x'se jagħmlu ta min wieħed jgħid li dawk li intervistawhom staqsewhom lil  min kienu vvutaw fl-aħħar elezzjoni tal-2008: 65% minnhom wieġbu li kienu vvutaw lil xi partit taċ-ĊentruLemin, li dawn jissarfu f'madwar 22% favur dawn il-partiti, kemm-il darba dawn fl-aħħar  mill-aħħar jiddeċiedu li jmorru jivvutaw u jerġgħu jivvutaw lill-istess partiti.
Ta min jinnota wkoll li terz tal-elettorat fl-Italja jiddeċiedi lil min se jivvota matul il-kampanja elettorali, u mhux qabel.
Fl-aħħarnett infakkar li dawn is-sondaggi jagħtu biss indikazzjoni, ħjiel, lejn fejn hu mxaqleb l-elettorat, u mhux bilfors li l-iskjeramenti t'hawn fuq jissarfu f'koalizzjonijiet qabel jew wara eventwali elezzjoni, speċjament fejn jirrigwardja lill-partiti tax-Xellug.
Infatti skond ma ħareġ mid-dibattitu tal-bieraħ, xejn m'hi ħaġa ċerta li, per eżempju, s-Sinistra e Libertà (SEL) u Rifondazione Comunista jiġu aċċettati f'xi koalizzjoni mal-Partito Democratico għall-elezzjoni. Minħabba li mhux żgur jaqbeż l-4% meħtieġa f'voti, il-moviment ta' Grillo, li mistenni jikkontesta għal rasu ma jikseb l-ebda siġġu. B'hekk ix-Xellug fil-fatt ikollu siġġijiet ekwivalwenti għal biss 42% tal-voti (PD+IdV+Soċjalisti+Pannella f'koalizzjoni elettorali, u s-SEL).
Dan, naturalment, jgħodd ukoll għall-partiti taċ-ĊentruLemin. Huwa għalhekk li Casini, Fini, Rutelli, u l-Movimento per le Autonomie  diġà ingħaqdu f'koalizzjoni, Nuovo Polo per l'Italia jew Terzo Polo, għax f'dan il-każ ikun biżżejjed li partit jikseb 2% tal-voti biex jirbaħ siġġijiet, basta l-koalizzjoni sħiħa tikseb 10% jew aktar tal-voti. 

L-Erbgħa, 9 ta’ Novembru 2011

Stabbilità fl-Italja (4)

"L-EWWEL U FUQ KOLLOX L-INTERESS TAL-PAJJIŻ"
"Jekk isir kollox kif suppost, fi Frar li ġej immorru nivvutaw, avolja dejjem irid ikun il-President tar-Repubblika li jiddeċiedi. Naraw kif se jkun il-finali. Minn naħa tiegħi poġġejt l-interess tal-pajjiż fuq dak tiegħi personali, tal-gvern tiegħi u dak tan-naħa politika tiegħi".
Hekk ikkummenta dalgħodu l-Prim  Ministru Taljan Silvio Berlusconi waqt il-Giornae Radio 1 tar-Rai wara li l-bieraħ, waqt laqgħa mal-President Napoletano, b'sorpriża qallu li hu kien lest biex, wara li l-gvern iżomm kelmtu mal-Ewropa u jgħaddi l-Liġi ta' Stabbilità fil-parlament, jirriżenja u jitlob lill-President biex isejjaħ elezzjoni  bikrija għal Frar li ġej.
Din kienet deċiżjoni sorpriża għax ħafna kienu dawk li kienu qed jistennewh jitlob vot ta' fiduċja fil-parlament, vot li probabbli kien jikkonvinċi lil uħud minn dawk li l-bieraħ astjenew fil-vot dwar ir-rendikont finanzjarju tal-pajjiż, din id-darba jivvutaw favur il-fiduċja.
Jidher, però, li l-Prim Ministru xeba' bil-kapriċċi ta' uħud minn dawk li hu kien għażel personalment biex jilħqu deputati, li meta jfettlilhom jinsew il-lealtà li għandhom lejn min ivvutalhom – biex ma ngħidx ir-rikonoxxenza lejn l-istess PM – u bħal Ġuda, tradituri (bħalma sejħilhom hu) jmorru kontra d-dixxiplina tal-partit li ħarġu u telgħu miegħu.
Fil-programm Mattino 5 ta' Canale 5 Berlusconi ħabbar ukoll li għalkemm mhux se jirtira għal kollox mill-politika, għallinqas tul il-kampanja elettorali li ġejja – hu mhux se jerġà jikkontesta  u floku fit-tmexxija tal-Popolo della Libertà u bħala futur Prim Ministru, se jkun hemm is-Segretarju tal-PdL Angelino Alfano.
Għalkemm l-aħħar kelma tkun tal-President tar-Repubblika, l-Prim Ministru qal li l-unika triq li fadallu hija elezzjoni bikrija, biex ikun il-poplu li jiddeċiedi min għandu jmexxih f'dawn iż-żminijiet diffiċli, u mhux xi gvern tekniku, provviżżorju, jew ta' xi koalizzjoni nazzjonali, li tmur kontra l-verdett li l-maġġoranza tal-poplu fl-aħħar elezzjoni li riedet gvern ĊentruLemini.
Dan apparti li l-Partit Democratico fl-oppożizzjoni diġà kien qal li ma jaqbilx mal-programm ta' riformi liberali li qed tesiġi mill-Italja l-Unjoni Ewropea biex jitnaqqas id-dejn tal-pajjiż.
Barra minhekk ma jistà jiġi ffurmat l-ebda gvern mingħajr is-sehem tal-PdL.
Għalhekk Berlusconi qed jinsisti li l-ewwel jgħaddi l-liġi ta' stabbilità bil-miżuri ekonomiċi-finanzjarji-soċjali anti-kriżi li l-gvern tiegħu wiegħed lill-UE fl-ittra li bagħat aktar kmieni dax-xahar, u mbagħad il-partiti Xellugin fl-Oppożizzjoni waqt il-kampanja elettorali jkollhom jispjegaw lill-poplu x'se jagħmlu b'dik il-Liġi ta' Stabbilità b'miżuri fuq il-pensjoni, l-liberalizzazzjoni u s-suq tax-xogħol, li jekk jiksruha, jiksruha wkoll mal-Ewropa, u l-Italja tispiċċa bħal Spanja, l-Irlanda u l-Greċja.
Iżda dan diffiċli jseħħ, għax ix-Xellug, issa li se jkun spiċċalhom l-uniku element li kien qed jgħaqqadhom, ċjoè l-"anti-Berlusconismo", mhux kapaċi jifforma gvern alternattiv għal wieħed Ċentru-Lemini, filwaqt li kull stħarriġ tal-opinjoni pubbliku għadu qed juri li l-maġġoranza tal-elettorat Taljan tippreferi l-partiti taċ-ĊentruLemini.

IL-POPOLO DELLA LIBERTÀ L-EWWEL PARTIT
Infatti, l-aħħar stħarriġ li sar mill-Istituto Ispo ta' Renato Mannheimer ħmistax ilu (24 ta' Ottubru) għall-ewwel darba f'dawn l-aħħar xhur, poġġa lill-Popolo della Libertà fl-ewwel post tal-preferenzi tal-elettorat Taljan, b'26.4% fuq il-25.9% tal-Partito Democratico.
Il-partiti l-oħra taċ-ĊentruLemin jiksbu bejnithom 22.3% maqsumin hekk:
Lega Nord (Bossi) : 8.7%; UDC (ta' Casini): 6.9; FLI (Fini): 5.2%; La Destra (Storace): 1.5%.
Dan ifisser li ċ-ĊentruLemin jikseb 48.7%, bil-PdL waħdu jingħata l-hekk imsejjaħ "premio di maggioranza" jiġifieri maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, jekk jikseb is-26.4% tal-voti.
Mill-banda l-oħra l-Partito Democratico flimkien mal-partiti l-oħra Xellugin (Italia dei Valori-Di Pietro, Sinistra e Libertà (Vendola), Movimento 5 Stelle (Grillo) u Rifondazione Comunista) jiksbu 45.5%.
Dan meta 5.8% ta' dawk li wieġbu s-sondaġġ qalu li kienu se jivvutaw lill-partiti oħra, li ħadd minnhom ma jikseb imqar 1 fil-mija.

It-Tlieta, 8 ta’ Novembru 2011

Stabbilità fl-Italja (3)

IL-GVERN JIRBAĦ VOT IMPORTANTI
Minkejja l-istampa li għal darb'oħra l-media internazzjonali u anki dik lokali li, bħas-soltu tirrepeti bħall-pappagalli dak li dik tirraporta, il-gvern Taljan ma tilifx il-maġġoranza fil-Parlament Taljan għas-sempliċi raġuni li l-vot li ttieħed illum wara nofsinhar ma kienx wieħed ta' fiduċja fl-istess gvern, u l-oppożiżżjoni Xellugija m'għandhix voti iżjed fil-parlament mill-koalizzjoni  Ċentru-Leminija fil-gvern immexxija mill-Prim Ministru Silvio Berlusconi.
Il-vot kien, iva, wieħed importanti, fiskali, għax jittratta l-budget, ir-rendikont finanzjarju għall-2010.  L-Oppożiżżjoni u xi deputati oħra ma daħlux jivvutaw biex fil-parlament ma kienx ikun hemm kworum. Iżda reġà għarralhom għax il-maġġoranza assoluta tad-deputati tal-partiti fil-koalizzjoni governattiva marru jivvutaw u vvutaw favur il-mozzjoni.

Dawn huma n-numri, bħalma jidher fir-ritratt:
Prezenti: 309 deputati 
Ivvutaw:   308 ; Astjena : 1

MAĠĠORANZA NEĊESSARJA:  155
FAVUR: 308
KONTRA:  ĦADD

Dan  ifisser li l-vot fiskali importanti għadda b'vantaġġ ta'  153 VOT (308-155=153) !!
Barra minhekk kien hemm deputat tal-PdL marid u iehor li wasal tard u ddikjara li ried jivvota "Iva".

Fil-votazzjoni ta' fiduċja li saret f'nofs Ottubru l-gvern kien rebaħ  bi 316-il vot. Illum dawn naqsu b'sitta u wieħed astjena, iżda dan ma jfissirx li se jagħmlu l-istess f'każ ta' vot ġdid ta' fiduċja fil-gvern Taljan. Għalhekk huwa żbaljat jew irid iqarraq min  jgħid li llum l-gvern Taljan tilef il-maġġoranza fil-parlament.

MHUX VERU lanqas, kif ġie rappurtat illum ukoll, li Bossi qal lil Berlusconi biex iwarrab!
Il-fatti huma li għal domanda ta' xi ġurnalist jekk hu jkunx favur Alfano bħala Prim Ministru f'każ li Berlusconi jirriżenja, Umberto Bossi wiegeb b'mod ironiku:
"U jekk le lil min inpoġġu? Lis-Segretarju tal-Partito Democratico (Bersani)?!"
Aktar qabel għal mistoqsija oħra jekk l-Lega talbitx lil Berlusconi biex jagħmel "un passo indietro (i.e. jirriżenja), Bossi kien wieġeb bl-istess ironija "gli abbiamo chiesto di fare un passo di lato, laterale"!

Il-Ħamis, 3 ta’ Novembru 2011

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (5)

TIMOSHENKO TAPPELLA LILL-U.E. BIEX XORTA TIFFIRMA L-FTEHIM TA' ASSOĊJAZZJONI MAL-UKRAJNA
Poster li jinsisti għall-ħelsien ta'  Timoshenko
F'appell twil li l-Kap tal-Oppożizzjoni Julia Timoshenko rnexxielha tibgħat mill-ħabs fejn tinsab maqfula wara sentenza politika mir-reġim fl-Ukrajna, hi appellat lill-Unjoni Ewropea biex xorta waħda tfittex tiffirma l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni mal-Ukrajna minkejja s-sentenza ta' ħabs kontriha, wara li l-Parlament Ewropej l-ġimgħa l-oħra wissa' lill-President Ukren Yanukovich li jekk Timoshenko ma tinħelisx mill-ħabs, dan kien jipperikola l-iffirmar ta' ftehim mal-UE.
Timoshenko appellat biex l-UE  ma ċċaħħadx l-ħolma ta' miljuni ta' żgħażagħ Ukrajni li jinfatmu mill-imgħoddi ikraħ tal-imgħoddi billi jsiru ċittadini tal-Ewropa ħielsa; "Tiffrustrawx il-ħolma tagħhom; tikkastigawx lilhom għad-delitti tar-reġim tal-Ukrajna".
"Illum qed nitlobkom biex tiffirmaw il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni u l-Kummerċ Ħieles ikun xi jkun id-destin tiegħi. Ma njstax inħalli l-libertà personali tiegħi tkun ir-raġuni għat-tmiem tal-ħolma Ewropea tal-poplu Ukrajn."
Timoshenko temmet l-appell tagħha b'dawn il-kelmiet:
...I finished writing this address to you in my cell, in the evening. Somewhere outside these prison walls the sun is setting. But I know for sure that it will rise again over my dear Ukraine. And this will be the sun of freedom, dignity and greatness for a free people deserving of a future in a united and free Europe. Vote and ratify the Agreement with Ukraine; it will be our common victory over authoritarianism.
Aqraw l-ittra sħiħa ta' Timoshenko hawnhekk: http://www.tymoshenko.ua/en/article/zacx2w36
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide