L-Erbgħa, 6 ta’ April 2011

Il-Ġuri kontra l-Prim Ministru Taljan


MA SOFREW L-EBDA OFFIŻA MINN BERLUSCONI
Illum suppost kellu jibda l-ġuri – tant mistenni mill-Anti-Berlusconjani u l-media internazzjonali – kontra l-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi fuq akkużi ta’ prostituzzjoni ma’ tfajla taħt l-età, u abbuż tal-poter, iżda l-udjenza damet biss disa’ minuti u l-ġuri ġie pospost għall-31 ta’ Mejju.
Il-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi
Dan għax il-Prim Ministru, bħalma kien tħabbar, ma setgħax jattendi l-udjenza minħabba li kellu jattendi laqgħa tal-kumitat tal-kabinett dwar il-kriżi fil-Libja. 
Mill-banda l-oħra, kontra dak li kien maħsub, lanqas it-tfajla mdaħħla fil-każ, Karima Mahroug, magħrufa wkoll bħala “Ruby” ma kienet preżenti, u l-avukat tagħha ddikjara li hi mhix se tippreżenta ruħha bħala parti ċivili kontra Berlusconi, għax  tħoss li ma sofriet l-ebda offiża jew dannu minnu, u lanqas kellha x’taqsam miegħu sesswalment.
Lanqas l-uffiċjal tal-pulizija preżenti fl-għassa meta l-Prim Ministru kien ċempel dwar l-arrest tal-istess Karima – u li l-akkuża tgħid b’hekk li hu kien abbuża mill-poter – ma ppeżentat ruħha bħala parti ċivili, għax ma tħossx li sofriet xi dannu bl-allegata “pressjoni u abbuż tal-poter” mill-Prim Ministru.
Dan ifisser li issa qed isir ġuri mingħajr vittmi!
Sadattant il-bieraħ it-Tlieta l-parlament Taljan ivvota b’maġġoranza kontra li l-Qorti ta’ Milan tgħaddi ġuri lill-Prim Ministru, għax din mhix kompetenza tagħha, iżda ta’ hekk imsejjaħ Tribunale dei Ministri, li (bħalma kont ktibt fil-post tas-17 ta’ Frar) mhix qorti magħmula mill-Ministri tal-gvern, iżda  hija qorti speċjali magħmula minn tlett maġistrati mtella' bix-xorti minn fost il-maġistrati kollha b'5 snin servizz fil-Qorti tal-Appell, fid-distrett fejn ikunu seħħew l-allegati ksur tal-liġi  minn xi ministru.
Dwar din il-ħaġa issa trid tiddeċiedi l-Qorti Kostituzzjonali, u probabbli d-difiża tal-Prim Ministru fis-seduta li jmiss se titlob sospensjoni tal-ġuri sakemm dan isir.

No comments:

Post a Comment

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide