It-Tlieta, 27 ta’ April 2010

Il-Feriment tat-Tfajla Maltija f'Gaża


JUŻAW NIES INNOĊENTI U ĠENWINI
Wara li l-Ħadd li għadda sfat feruta f'kuxtejha waqt dimostrazzjoni favur bdiewa Palestinjani f'dik li tissejjah buffer zone f'Gaża, l-Maltija Bianca Zammit f'intervista sostniet li huma ma kienu qed jagħmlu xejn illegali. U hawn fejn żbaljat bl-ikrah. Buffer zone hija medda art, żona militari li waqt gwerra tintuża bħala art newtrali bejn iż-żewġ naħat biex jitnaqqas il-periklu ta' ġlied.
Jidher għalhekk li Zammit u sħabha ma kienux jafu b'dan, u li ntlaqtu mill-isparar tas-suldati Iżraeljani, huma vittmi ta' min lest juża u jipperikola ħajjet nies innoċenti u ġenwini billi ma nfurmawhomx li fejn bagħtuhom jipprotestawh hija żona militari.
Dan sar magħriuf illum minn dikjarazzjoni tal-Ambaxxatur Iżraeljan għal Malta Gideon Meir (ritratt) waqt li kien qed jitkellem dwar l-inċident tat-tfajla Maltija meta wera t-tama li dan m'għandux itappan ir-relazzjonijiet bilaterali bejn Malta u Iżrael. Meir għadu kemm kellu taħditiet mal-Viċi Prim Ministru u Ministru għall-Affarijiet Barranin Tonio Borg dwar dan l-inċident u jinsab fiduċjuż li dan l-inċident ma joħloqx ostakli lir-relazzjoni bilaterali li dejjem kienet waħda pożittiva ħafna.
Meir jiddispjaċiħ iżda li Bianca Zammit indarbet minn azzjoni Iżraeljana kontra dawk id-dimostranti li kienu maħsuba bħala ‘paċifiċi' u għandu l-ikbar simpatija lejn Bianca Zammit u l-familja tagħha, filwaqt li tenna li dawk id-dimostranti partikulari f'Gaża kienu wżati innoċentement minn militanti Palestinjani. L-Ambaxxatur Iżraeljan stqarr li  Zammit kienet tinsab f'Gaża għax riedet tgħin lill-poplu Palestinjan, iżda ma jistax jifhem kif ċerti Palestinjani jużaw lil nies innoċenti għal skopijiet politiċi.
Gideon għandu esperjenza tal-International Solidarity Movement (ISM) għax għal sitt snin sħaħ kien responsabbli għad-diplomazija pubblika tal-gvern Iżraeljan. Membri tal-ISM qed jersqu qrib il-fence tas-sigurta' meta kemm l-Iżraeljani kif ukoll il-Palestinjani jafu li m'għandhomx jidħlu f'dik il-buffer zone.
Kemm il-Ħamas kif ukoll il-Ġiħad Islamika qed jużaw lil dawn id-dimostranti biex iqiegħdu bombi u jdarbu suldati Iżraeljani. L-ISM mhux qed jgħid lill-membri tiegħu li ż-żona fejn qed jipprotesta hi żona militari u għalhekk seħħ l-inċident sfortunat fejn indarbet it-tfajla Maltija.
Hu ma jafx kif Bianca Zammit spiċċat fejn din il-buffer zone. Probabilment il-Maltija tqabbdet tmur hemm mill-ISM jew minn membri tal-Ħamas. Gideon Meir saħaq li l-Palestinjani m'għandhomx jużaw nies innoċenti u żied li l-ISM ma jimpurtaħx mis-sigurtà u l-ħajja tad-dimostranti. 
Jekk Bianca Zammit u nies ġenwini oħra verament jridu jgħinu lill-Palestinjani jmorru bil-qalb kollha f'Gaża u jgħinu lil Palestinjani rikoverati fl-isptar jew jgħallmu lit-tfal.

Il-Ħadd, 25 ta’ April 2010

Is-suppost inkjesti dwar Climategate

JIPPRUVAW JGĦATTU X-XEMX BL-GĦARBIEL
Ikkuntattjawni xi qarrejja tal-blog u staqsewni il-għala ili xi ftit ma nikteb dwar l-iskandlu Climategate. Fil-fatt iċċekkjajt u sibt li veru issa ili xi ftit aktar minn xahar, iżda dan l-aktar minħabba l-ewwelnett li dan l-aħħar kont daqsxejn imħabbat, u fl-istess ħin ridt nistenna biex se joħorġu żewġ inkjesti li kienu qed isiru fl-Ingilterra u min-Nazzjonijiet Uniti dwar dan l-iskandlu li ħareġ mill-Climate Research Unit (CRU) fl-East Anglia University.
Għal min forsi ma semgħax dwar dan Climategate (li ma neħodhix bi kbira, għax il-media ewlenija internazzjonali u dik f'Malta bilkemm semmewh - f"Malta kien proprju dan il-blog li ħareġ l-ewwel darba bih f'Novembru tas-sena l-oħra), fil-qosor ħafna dan jikkonċerna l-pubblikazzjoni ta' numru kbir ta' e-mails li nħarġu b'mod klandestin mill-CRU, u li kixfu tbagħbis u qerq fir-riżultati tar-riċerka, biex suppost tiġi konfermata t-teorija li l-bniedem, minħabba l-gassijiet CO2 li jipproduċi, l-pjaneta tagħna qed tisħon iżjed minn normal, b'konsegwenzi katastrofiċi.
Dan ikkawża terremot (kien hawn min anki sejjaħlu tsunami) fil-qasam tat-tibdil fil-klima, u żgur kellu effett fuq il-falliment tal-Konferenza ta'  Kopenħagen f'Diċembru organizzata min-N.U. Dan għax min kien lest bis-serjetà jonfoq biljuni ta' flus-il poplu biex jattwa miżuri ħalli suppost nevitaw diżastri katastrofiċi mbassra fuq studji u riċerka li aktar ma beda jgħaddi ż-żmien, aktar beda jinkixef qerq kbir fit-tħaddim  u r-riżultati ta' dawk ir-riċerki?
Quddiem l-iskandli b'dak kollu li beda jiġi żvelat, l-establishments politiċi u akkademiċi taw bidu għal sensiela ta' inkjesti u stqarrijiet bl-iskop ewlieni li juru li l-metodi tal-CRU użati mill-Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) tan-NU biex wasslu tbassir/twerwir b'katastrofi-klimatiċi ħtija tal-bniedem, kienu ta min jogħqod fuqhom.
Iżda kif ħareġ miż-żewġ inkjesti, l-isforzi li saru biex jiddefendu r-riċerki tant huma difettużi li se jkollhom l-effett kuntrarju għal dak li xtaqu min għamilhom, u aktar inisslu dubji dwar il-metodi suppost xjentifiċi wżati.
L-ewwel rapport ikkonċentra direttament fuq l-IPCC innifisha. Meta diversi mill-aktar tbassir allarmist fl-aktar rapport riċenti tal-2007 inkixef li kien qarrieqi u mingħajr ebda bażi xjentifika, it-tweġiba uffiċjali mill-istess president tal-IPCC Pachauri kienet li kollox fir-rapport kien konfermat minn esperti indipendenti, "peer-reviewed".
Iżda tim ta' 40 riċerkatur minn 12-il pajjiż immexxija mill-analista Kanadiża Donna Laframboise (ritratt), iċċekkjaw kull waħda mit-18,531sorsi xjentifiċi fir-rapport voluminuż tal-2007. B 'għaġeb kbir sabu li kważi terz minnhom, 5,587, ma kienux ġew iċċekkjati minn esperti, iżda ttieħdu minn artikli f'gazzetti, teżijiet minn studenti, saħansitra  fuljetti ta' propaganda minn attivisti ħodor u lobby groups.
Iżda forsi aktar ta' ħsara għall-"kawża" tal-ekokatastrofisti kien ir-rapport fl-Ingilterra minn kumitat ta' inkjesta dwar il-CRU, immexxi minn Lord Ron Oxburgh, maħtur mill-House of Lords.
"Xhieda" ewlenija tal-CRU li d-dinja qatt ma kienet daqshekk sħuna kienu ċrieki fis-siġar antiki, filwaqt li twarrbet dik li kienet turi  li fil-Medju Evu kien hemm perjodu aktar sħun (Medieaval Warm Period).
Meta l-graff li nħareġ minn dawk iċ-ċrieki magħruf bħala l-hockey stick ta' Mann ġie skreditat mill-esperti Kanadiżi McIntyre u McKitrick, l-IPCC rrikorrit għal set ieħor ta' hockey sticks provduti mill-istess CRU.
Iżda dawn  iċ-ċrieki minn siġar fis-Siberja Russa wrew li t-temperaturi lejn tmiem is-seklu li għadda kienu bdew neżlin minflok telgħin. Minn e-mail minn Climategate ferm ikkwotat, id-direttur tal-CRU Phil Jones jgħid li hawn għalhekk użaw trick biex jaħbu dan il-fatt, u minflok inkludew data oħra li turi ż-żjieda drammatika li riedu fit-temperaturi.
Taħsbu, iżda, li l-kumitat ta' inkjesta ta' Oxburgh investiga dan l-email importanti tal-hekk imsejjah Hockey Team magħmul minn Jones, Mann u l-Malti Keith Briffa, u li dak li allegaw intuża bħala provi biex jikkonvinċu lill-politiċi li d-dinja qed tisħon daqs qatt qabel? Lanqas xejn.
Sempliċiment ilmentaw minn nuqqas ta' organizzazzjoni fl-arkivjar tad-data. Lanqas  biss investigaw il-mod dubjuż kif inġabret din id-data bħalma wrew McIntyre u McKitrick, u kif xlew xjenzjati Russi ewlenin li l-CRU għażlu s-siġar u d-data li qablilhom, filwaqt li warrbu dik mill-kampanja fejn it-temperaturi rriżultaw baxxi, żammew dik qrib l-ibliet fejn allura t-temperaturi jkunu għolja. Din hi s-"serjetà" li biha tmexxew dawn l-inkjesti.
Imma wara kollox ma kontx tistenna aħjar minn dawk f'dawn il-kumitati.
Lord Oxburgh (ritratt) innifsu għandu rbit ma' diversi interessi kummerċjali li jagħmlu l-flus mit-tibdil fil-klima, minn wind farms sal-carbon trading.
Imbagħad insibu li l-ebda membru tal-kumitat, jew panel tiegħu ma kien "xettiku" dwar l-idea li l-bniedem jaħti għat-tibdil fil-klima, anzi wieħed minnhom, Kerry Emanuel, jiddikjara fil-beraħ li hu jemmen li t-tisħin tad-dinja jikkawżah il-bniedem (man-made global warming).
Bħalma lanqas kienet sorpriża kemm din l-inkjesta rriżultat superfiċjali, ibbażata fuq żewġ żjajjar qosra fil-CRU, u l-qari ta' 11-il paper xjentifiċi li ħarġet din il-unit ta' riċerka f'dawn l-aħħar 24 sena, u li ntgħażlu b'konsultazzjoni mar-Rotal Society , li hija nnifisha fanatika fil-promozzjoni tat-tisħin tad-dinja ħtija tal-bniedem!
Din hija l-indipendenza, l-imparzjalità tal-mod kif tmexxew dawn l-inkjesti! L-istess bħal-CRU u l-IPCC linteress tagħhom kien li jippruvaw, jikkonfermaw din il-ħtija tal-bniedem u mhux li jinvestigaw kemm il-metodi wżati minnhom kienu verament xjentifiċi.
Dan kollu kompla kabbar id-dubji u s-suspetti mnissla minn Climategate, u mhux naqqashom. Kulma għamlu kien li ppruvaw jgħattu x-xemx bl-għarbiel, kif ngħidu bil-Malti. Għalhekk se nkompli nsegwih, fin-nuqqas kważi totali tal-media lokali.

It-Tnejn, 19 ta’ April 2010

Is-Suċċess tal-Esperiment taċ-ĊERN

GĦAD HAWN MIN JIPPROVA JBEZZA' BIL-BABAW
Ix-xahar li għadda fl-Isvizzera sar esperiment tant importanti, iżda li ftit li xejn smajna dwaru, partikularment f'pajjiżna. Dan kien dak li sar fiċ-Ċentru Ewropew għar-Riċerka Nukleari (ĊERN)  fejn reġà tħaddem, din id-darba b'suċċess, il-Large Hadron Collider (LHC), li pproduċa l-ewwel u l-aktar kolliżżjoni qawwija bejn partiċelli tal-enerġija li għandha twassal għal aktar fil-futur, sabiex il-bniedem fl-aħħar jibda jifhem minn xix huwa magħmul l-univers u kif dan kellu l-bidu tiegħu.
Dan għax dawk il-kolliżżjonijiet joħolqu blalen żgħar tan-nar li jimitaw il-kundizzjonijiet  prevalenti fl-univers fl-ewwel frazzjonijiet ta' sekondi wara l-hekk imsejħa Big Bang, jew ix-xenarju kożmoloġiku li welled l-univers, madwar 13.7 Biljun sena ilu.
L-istrument ġgantesk, l-LHC,  f'ĊERN huwa programmat biex jipproduċi żewġ raġġi ta' protoni li jivvjaġġaw lejn xulxin b'ħeffa enormi, ftit inqas milli jivvjaġġa d-dawl, f'mina ċirkulari twila 27 kilometru, 100 metru taħt l-art tal-fruntera bejn Franza u l-Isvizzera. Dawn ir-raġġi jiltaqgħu u jaħbtu ma' xulxin f'erba' punti ġewwa detectors ġganteski.
L-LHC jistà iħabbat ir-raġġi b'enerġija totali ta' 14-il Triljun volt elettron (TVE), iżda bħala prekawzjoni l-LHC ħadem biss b'nofs din l-enerġija, 7 TVE, u hekk se jibqà jitħaddem sa' tmiem l-2011, meta mbagħad jingħalaq għal sena għal manutenzjoni u aktar miżuri ta' sigurtà għall-collider, qabel ma fl-2013 jitħaddem b'enerġija kollha li kapaċi jipproduċi, bit-tama li l-bniedem ikompli jiftah moħħu.
Forsi bħalissa min qed jaqra qed jistaqsi kif din l-aħbar, dawn il-kummenti sabu ruħhom f'dan il-blog li ġeneralment jittratta dwar politika internazzjonali  minn lenti leminija.
Iżda bħalma tinnutaw, apparti li dedikat lill-kbir patrijott  Malti Enrico  Mizzi, dan il-blog huwa wkoll f'ġieh  Galileo Galilei, meqjus bħala missier ix-xjenza moderna, b'mod partikolari l-astronomija. Fi żmienu, 'l fuq minn 300 sena ilu, Galileo kien spiċċa mixli anki b'ereżiji u ta' 70 sena, arrestat f'daru, għax sostna, u snin wara nagħta raġun, li kienet id-dinja li ddur max-xemx u mhux il-kontra.
Iżda minkejja li għaddew daqstant snin titqarrqux u taħsbu li l-bniedem tant għamel progress, tant fetaħ moħħu, li min jissogra jirraġuna b'moħħu, jiġifieri free thinker, m'għandu l-ebda biżà, għax il-biżá mill-ġdid, minn dak mhux magħruf, għadha fostna, u l-esperimenti taċ-ĊERN huma xhieda ta' dan.
Sa' qabel bdew l-ewwel esperimenti beda jissemma periklu wara ieħor. Sa kien hemm min bassar li dawn l-esperimenti setgħu iwasslu għat-tmiem tad-dinja f'xi splużżjoni spettakolari, appuntu xi Big Bang.
Dan minkejja l-assigurazzjonijiet mix-xjenzjati li ċ-ċanijiet li dan jiġri huma mhux biss minimi, iżda 'l bogħod minn kull dubju raġjonevoli, bħalma ġie konfermat fiċ-ĊERN, fejn l-unika splużjoni dubjuża li seħħet kienet dik tal-applawsi tax-xjenzjati (ritratt fuq) hekk kif l-esperiment irnexxa.
Iżda, l-istess bħal fi żmien Galileo, anki llum hawn min jipprova jbeżża' bil-babaw"u jħallat ix-xjenza mar-reliġjon bi kliem bħal "aħjar il-bniedem ma jilgħabx man-natura" jekk  mhux ukoll jakkużaw lix-xjenzjati li jridu jilgħabuha ta' xi alla.
Għalija din hija biss frott injoranza jew biżà, jew it-tnejn flimkien. Ir-relazzjoni tal-bniedem max-xjenza tul is-sekli kienet minn dejjem waħda kurjuża. Ma nafx fejn qrajtu jew min kien qalu, izda dan il-kliem dwear din ir-relazzjoni baqa' stampat f'moħħi u se nħalliħ bl-Ingliż kif niftakar li kien:
"Make no mistake, it is truly a love affair of Shakespearian proportions. Fire dragged us down the trees but it then shown a light into the unknown, and fear was born."
Xejn, għalhekk, ma neħodom b'sorpiża ċerti reazzjonijiet dwar l-esperimenti taċ-ĊERN u LHC. Illum, fl-era tal-iPhone għadek issib min  jibżà li ritratt jista' jisraqlek ruħek!
Ma ninsewx lanqas li l-istess Nasa dan l-aħħar kellha tassigura lil parti kbira tal-popolazzjoni Amerikana biex ma jagħtux każ tal-kampanja pubbliċitarja tal-film 2012, li dik hi sena bħal snin oħra, għax matulha d-dinja ma kenitx se tispiċċa.
Filwaqt li huwa importanti li nagħrfu l-"bizà', ċjoè il-prudenza, bħala parti importanti tal-progress xjentifiku, jekk din ma nikkontrollawhix tista' tkun perikoluża.
Iżda lanqas ma naqbel ma' min isostni li x-xjenza m'għandhix ir-risposti għal kollox  u jbeżżgħu li fil-ħerqa biex issibhom ix-xjenza nnifisha tista' tispiċċa hi stess perikoluża.
Hija l-inġenwinità tagħna filli nsibu t-tweġibiet għall-mistoqsijiet li  jħawduna li tiddistingwina mill-annimali. Li nċedu quddiem il-bizà u nfixklu u nwaqqfu l-progress tax-xjenza, ifisser li nieħduha kontra proprja l-ħaġa li mill-bidu għamlitna bnedmin.
Għalhekk għandna nsegwu b'ħerqa avvenimenti bħal dawk fiċ-ĊERN fejn għandna l-unur li hemm Malti bħalna jaħdem ma' xjenzjati oħra, Nicholas Sammut (ritratt), li għad għandu biss 29 sena.

It-Tnejn, 12 ta’ April 2010

Tikber il-Mewġa Kontra x-Xellug fl-Ewropa

REBĦA ASSOLUTA GĦAĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-UNGERIJA
Bħalma kien inbassar minn kulħadd l-elettorat Ungeriż ivvota bi ħġaru għall-bidla kontra x-Xellug billi ta rebħa assoluta liċ-Ċentru-Lemin wara tmien snin ta' amministrazzjonijiet Soċjalisti tal-MSZP. Din hija disfatta oħra għax-xellugin fl-Ewropa, wara li ftit jiem ilu anki l-poplu Taljan injora għal kollox it-tixwix u l-qlajjiet kontra l-Prim Ministru u Mexxej taċ-Ċentru-Lemin Silvio Berlusconi. Infatti l-elezzjonijiet reġjonali irriżultaw filli ċ-Centru-Lemin issa qed jiggverna fi 11 mill-20 reġjun, jiġifieri 'l fuq  minn 42 miljun ruħ kontra t-18-il miljun biss amministrati miċ-Ċentru-Xellug, jiġifieri 70% kontra 30%.
Fl-istess sitwazzjoni issa jinsabu l-Ungeriżi bil-partit ċentru-lemini  FIDESZ (Unjoni Ċivika Ungeriża) immexxi minn Viktor Orban (ritratt) jikseb maġġoranza kbira komda ta' 52.73% tal-voti mixħuta. B'hekk ll-FIDESZ, s'issa, għandu 206 minn 386 siġġu fil-parlament Ungeriz, b'ċans sabih li dawn iżidhom għall-maġġoranza ta' żewġ terzi, fit-tieni rawnd tal-Ħadd 25 tax-xahar għax kull ma jeħtieġ huma 52 siġġu mill-121 li għad iridu jimtlew, minħabba li f'dawk id-distretti l-ebda kandidat ma kien qabeż l-50% meħtieġa.
Il-Partit Soċjalista sofra telfa-tkaxkira mill-aktar umiljanti meta mit-43.2% li kellu niżel għal biss 19.3% (li jissarfu fi 28 siġġu biss mill-141 li kellu!). Barra minhekk s-Soċjalisti ssugraw li jintlaħqu saħansitra mill-lemin estrem ta' Jobbik li kiseb 16.67% u 26 siġġu, 2 biss inqas mill-MSZP!
Jekk ġimgħa oħra l-FIDESZ fil-fatt jikseb maġġoranza assoluta ta' żewġ terzi tas-siġġijiet fil-parlament, din tkun l-ewwel darba fl-Ewropa.
L-Ungerija kienet fost l-aktar pajjiżi Ewropej li ntlaqtu mir-riċessjoni li għad trid toħroġ minnha, u s-sena l-oħra għaddiet mill-ikbar kriżi ekonomika gravi f'dawn l-aħħar għaxar snin. Dan gerrex lill-investituri mill-Ungerija,  minħabba wkoll id-dejn kbir barrani u l-politika fiskali laxka, li s-Soċjalisti ppruvaw isolvu b'miżuri ħorox ta' awsterità li wasslu għal żjieda ta' dawk qiegħda u tnaqqis fil-konsum.
Iżda qabel ir-riċessjoni l-Ungerija kienet diġà bdiet sejra lura minn żmien l-ewwel gvern Soċjalista li kien telgħa fl-2002. Infatti l-MSZP immexxi minn Gyurcsany ma damx ma kellu jiffaċċja protesi kbar fit-toroq meta nkixef li hu kien gideb dwar il-qagħda mwiergħa tal-ekonomija tal-pajjiż biex l-MSZP rebaħ it-tieni elezzjoni.
Orban qal li hu konxju li mhux dieħel għal biċċa xogħol faċli. L-ikbar sfida tal-gvern ġdid tiegħu se tkun  li joħroġ lill-pajjiż mir-riċessjoni, li wasslet lill-ekonomija tal-pajjiż tonqos b'6.3% fl-2009 u l-qagħd jitla' għal rekord storiku ta' 11.4% x-xahar li għadda. Il-FIDESZ beħsiebu jinnegozja mill-ġdid is-self mill-Fond Monetarju Internazzjonali, u indika li sabiex ikabbar l-ekonomija Ungeriża beħsiebu jnaqqas it-taxxi, joħloq miljun post tax-xogħol tul l-għaxar snin li ġejjin, u qed jantiċipa li d-defiċit jilħaq 6.5% tal-Prodott Gross Domestiku.
Il-maġġoranza kbira li kiseb il-FIDESZ għalhekk hija żgur l-isbaħ riżultat għas-swieq finananzjarji u l-ekonomija tal-pajjiż, għax jista' jiggverna waħdu u jwettaq ir-riformi tant meħtieġa urġentement.
Minbarra dawk biex ifejjaq l-ekonomija Orban għandu f'moħħu riformi oħra li jrid iwettaq fosthom dwar il-gvernijiet lokali u s-settur tas-servizzi soċjali.
Il-FIDESZ huwa membru sħiħ fil-Partit Popolari Ewropew (PPE), l-istess bħall-Partit Kristjan Demokratiku Popolari (KDNP - ukoll fil-PPE) li kkontesta din l-elezzjoni flimkien mal-FIDESZ.


Fir-ritratt fuq graff li juri l-persentaġġi li kiseb kull partit, filwaqt dak fil-lemin kif dawn il-voti ssarrfu f'siġġijiet fil-parlament. Għad fadal 121 (bojod) li jsir magħruf għand min marru fit-tieni rawnd nhar il-Ħadd 25 ta' April, iżda li diġà imbassar li l-biċċa l-    kbira se jeħodhom ukoll il-FIDESZ.

Is-Sibt, 10 ta’ April 2010

Il-Kriżi Politika fit-Tajlandja

IRIDU LURA LIL BERLUSCONI TAL-ASJA
It-Tajlandja huwa pajjiż Asjatiku kemmxejn il-bogħod minnha, iżda ftit kienu dawk s'issa li rrealizzaw u semmewh ix-xebħ bejn dak li qed jiġri f'dak il-pajjiż u f'pajjiż tant viċin tagħna, l-Italja. Il-kriżi politika li dan l-aħħar jiem kompliet ħraxet fit-Tajlandja għandha l-għeruq tagħha tlett snin u nofs ilu meta, f'Settembru tal-2006, il-militar wettaq kolp ta' stat u neħħa l-gvern, elett demokratikament, tal-Prim Ministru Thaksin Shinawatra, waqt li dan kien qed jindirizza l-Assemblea tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.
Thaksin kien l-ewwel prim ministru fl-istorja demokratika tat-Tajlandja li (l-istess bħal Silvio Berlusconi fl-Italja - fir-ritratt jidher miegħu waqt żjara li kien għamel fl-Italja meta kien għadu prim ministru) permezz tal-partit tiegħu, dak iż-żmien it-T.R.T. (jew "Tajlandiż Iħobb Tajlandiż"), iggverna għal-leġislatura sħiħa, bejn l-2001-2005. Qablu l-pajjiż għadda mill-agħar żminijiet ta' reġim militari wara ieħor, u instabbilità.  Biżżejjed ngħid li bejn l-1932 u l-1991fit-Taljandja kienu saru mhux inqas minn 17-il kolp ta' stat, u wara, bejn l-1992 u l-1997 kien hemm erba' prim ministri differenti! 
Taħt l-amministrazzjoni tiegħu l-pajjiż gawda minn stabbilità politika li wasslet mhux biss biex l-ekonomija irkuprat mill-kriżi finanzjarja Asjatika ta’ l-1997, iżda saret fost l-aktar b’saħħithom fl-Asja, u fl-2005 rat  tkabbir ta’ aktar minn 6 fil-mija.
Dan il-ġid Thaksin użah għall-kawżi soċjali bħal self b’imgħaxijiet ferm baxxi lill-bdiewa fis-70,000 raħal tal-pajjiż, u biex kien għamel l-isptarijiet kważi b’xejn għal kulħadd. Hu dejjem żamm kelmtu, u wiegħed li kien se jkompli fl-istess triq, billi jżied il-paga minima nazzjonali, dik tal-ħaddiema tal-gvern, u jkompli jissussidja lill-bdiewa u jipprovdi xogħol part-time lill-istudenti.
Żewġ oqsma oħra li fihom Thaksin ħareġ ta’ raġel kienet fil-ġlieda kontra t-traffikar tad-droga u l-korruzzjoni,  minkejja dak li kienet qed tgħid l-oppożizzjoni.
Minn dan kollu kien jimpurtah il-poplu u mhux x’qalu dawk li jriduha ta’ xi elite f’Bangkok, iżda fil-fatt huma biss motivati minn animożità u pika.
Dawn, l-istess bħall-oppożizzjoni xellugija fl-Italja, kienu dejjem itambru l-akkużi ta' konflitt ta' interessi ta' Thaksin (għax dan, l-istess bħal Berlusconi bil-Mediaset, kien waqqaf kumpanija kbira tal-komunikazzjoni ukoll, bl-isem ta' ShinCorp, li hu, però, wkoll kien ċeda kull sehem u influwenza fiha lil uliedu u/jew partners tiegħu), u ta' korruzzjoni..
Meta lanqas dan ma kien biżżejjed għall-oppożizzjoni, anzi komplew dejjem aktar jaqilgħu l-ħmieġ, fuqu u fuq il-familja tiegħu, Thaksin beda jiddejjaq u fl-2006 kien sejjaħ elezzjoni qabel iż-żmien fejn it-TRT kiseb maġġoranza assoluta ta' 57%, f'dan li l-oppożizzjoni dawritu f'referendum favur jew kontra Thaksin u kienu ħarġu telliefa. L-istess,ukoll, bħalma reġà ġralha fl-Italja dan l-aħħar.
Il-bażi elettorali ta' Thaksin hija l-klassi medja, iżda l-aktar il-fqar u l-kampanjoli, fil-kampanja, fejn jgħixu 70 fil-mija tat-Tajlandiżi, u fejn il-qlajjiet u xi protesti li saru f’Bangkok qajla impressjonawhom, u r-riżultat ta' dik l-elezzjoni kien ikkonferma dan.

Iżda l-oppożiżżjoni mmexxija mill-hekk imsejħa 'Alleanza Popolari għad-Demokrazija' (PAD) lebsin qomos u tops sofor komplew bil-protesti li wasslu għall-kolp ta' stat militari tal-2006, immexxi mill-kmandant Sondhi, Musulman (f'pajjiż 95% Buddista), iżda li għandu infuwenza qawwija fuq ir-Re anzjan Bhumipol.
Wara perjodu inkonklussiv ta' ħakma militari li matulu sar minn kollox biex tiddgħajjef l-popolarità ta' Thaksin (li sadattant ma tħallix jirritorna lura f'pajjiżu), it-TRT ġie dikjarat illegali, u kostituzzjoni ġdida approvata bil-ħniena f'referendum li fih ivvutaw biss ftit aktar minn nofs l-elettorat, fl-2007 saru elezzjonijiet li ntrebħu mill-partit ta' Thaksin li kien bidel ismu għal 'Partit tal-Poter tal-Poplu' (P.P.P.).
Is-'sofor' m'aċċettawx dan ir-riżultat. Sadattant il-milkitar ġiegħel lil numru ta' deputati tal-PPP jivvutaw kontra l-partit tagħom biex il-kap tal-PAD Abhisit Vejjajiva leħaq prim ministru.
Minn dakinhar it-Tajlandja ma ratx kwiet, b'Abhisit ikollu jiddikjara diġà erba' darbiet stat ta' emerġenza f'dawn l-aħħar sentejn.
Uffiċjali u partitarji tal-PPP, li sadattant kien ġie wkoll dikjarat llegali, komplew kabbru l-protesti tagħhom li wasslu għal dawk kbar ta' dawn il-jiem f'baħar ta' qomos u tops ħomor, bħalma qed naraw kull ġimgħa fl-aħbarijiet, b'għajjat li jridu lura lil Thaksin, li jirriżenja l-gvern ta' Abhisit mixli li seraq il-poter grazzi għall-militar, u elezzjonijiet ġodda ħielsa mmedjatament.
Żgur li dawn, kemm-il darba jsiru, se jkunu biss il-bidu għat-tkomplija tar-riformi kbar li kien qed jintroduċu Thaksin, u li issa mistennija jpoġġu fid-dubju wkoll l-istess sistema monarkika tal-pajjiż lejn waħda repubblikana presidenzjali, wara li l-poplu ġie urtat bil-kompliċità indiretta u diretta tal-monarkija (li, sa' ftit ilu tant kien jirrispetta) mal-elite u l-militar. 



Partitarji ta' Thaksin jifirħu meta l-bieraħ rnexxilhom jaħtfu l-istazzjon televiżżiv li kien għalaq il-gvern - għalkemm llum l-militar reġgħu għalquh waqt attakki li matulhom mietu ħdax il-ruħ u madwar 800 sfaw feruti.

Il-Ħamis, 1 ta’ April 2010

Konferma għall-Gvern Ċentru-Lemini fl-Italja

L-ELETTORAT ĊAĦAD IL-QABŻA FID-DLAM
Kontra t-tbassir kollu, kontra x-xejra fil-kumplament fl-Ewropa, kontra x-xewqa tal-partiti, media, maġistrati u qrati 'tal-poplu' xellugin – mhux fl-Italja biss – il-maġġoranza tal-elettorat Taljan fil-bidu ta' din il-ġimgħa kkonferma l-appoġġ tiegħu lill-gvern taċ-Ċentru-Lemin.
Wara l-ewwel sentejn fil-gvern, kwalunkwe partit jew koalizzjoni ta' partiti ġeneralment dejjem ibatu u jnaqqsu l-appoġġ. Dan f'ċirkostanzi normali, aħseb u ara meta għadha ħierġa, bil-mod minn kriżi ekonomika/finanzjarja li laqtet lill-popli kollha.
L-elezzjonijiet li saru fi 13 mill-20 reġjun tal-Italja kienu elezzjonijiet lokali, jiġifieri mhux biex jintgħażel gvern nazzjonali, tal-pajjiż kollu, iżda appuntu ta' diversi reġjuni. Iżda l-oppożizzjoni dawret dawn l-elezzjonijiet f'referendum kontra l-gvern taċ-Ċentru-Lemin, l-aktar kontra l-Prim Ministru Silvio Berlusconi.
Minn kollox ippruvaw – qlajjiet ta' skandli personali u mhux, korruzzjoni, kawża wara oħra fil-qorti u anki attentati vjolenti kontrih personali – iżda kien kollu għalxejn, għax  minflok dawn servew biex saħħew il-popolarità tiegħu u l-appoġġ għall-gvern tiegħu.
Kemm il-partit tiegħu Popolo della Libertà (PdL), kif ukoll tal-ikbar alleat tiegħu Lega Nord tant kabbru l-appoġġ fuq l-aħħar elezzjonijiet reġjonali ta' ħames snin ilu, meta kienu jmexxu tnejn biss mit-13-il reġjun, li issa se jiggvernaw f'sitta minnhom.
Anzi jekk ngħoddu r-reġjuni l-oħra li l-elezzjonijiet fihom kienu diġà saru qabel, issa nsibu li ċ-Ċentru-Lemin (Blu), minbarra l-gvern nazzjonali (għal tlett snin oħra sa' tmiem-il mandat), se jkun qed jiggverna 11-il reġjun, filwaqt li ċ-Ċentru-Xellug (Aħmar) biss f'9 bħalma turi ċar il-mappa. Ir-reġjun l-ieħor, l-Valle d'Aosta jitmexxa minn koalizzjoni ta' partiti lokali, reġjonali.
Dan ifisser li koalizzjonijiet taċ-Ċentru-Lemin se jkun qed jiggverna uħud fost l-ikbar reġjuni, u b'kollox 42,266880 ruħ, kontra s-17,860,721 miċ-Ċentru-Xellug,
Dan żgur se jiffaċilita l-ħidma tal-gvern nazzjonali, l-aktar fir-riformi li għandu f'moħħu Berlusconi, iżda aktar importanti huwa l-messaġġ politiku tar-riżultat tal-elezzjonijiet ta' Marzu.
L-elettorat Taljan m'għażilx id-dlam, iżda minflok li jżomm sod u b'saħħtu l-gvern preżenti. Forsi muux daqstant entużjast jew kuntent bis-sitwazzjoni ġenerali, iżda b'realiżmu ta' poplu għaref u għaqli jaf li kienet tkun qabża fid-dlam li kieku sfiduċja l-amministrazzjoni ta' Berlusconi.
M'hemmx alternattiva diċenti, kredibbli u prattikabbli, u għalhekk ftakru fil-proverbju antik Taljan 
"Chi lascia la via vecchia per la nuova sa cosa perde e non sa ciò che trova", jew kif jgħidu bl-Ingliż "Better the devil you know". 
Veru li kien hemm persentaġġ għola minn normal li ma marrux jivvutaw, izda dawn instab li kważi tqassmu eżatt bej n il-partiti fil-gvern u fl-oppożizzjoni. Dan żgur għandu jinkwieta iżjed lil dawn tal-aħħar, u b'mod partikulari lill-kap ġdid tal-Partito Democratico Bersani. Dan però  qajla jidher li fehem il-kriżi li jinsab fiha, għax fl-ewwel reazzjoni uffiċjali tiegħu ħareġ jgħid li huma "la rebħu u lanqas tilfu"! 
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide