Il-Ħadd, 28 ta’ Marzu 2010

L-Obamacare: Stataliżmu Demagoġiku

RIFORMA LI L-POPLU MA JRIDHIX
Matul il-ġimgħa li għaddiet tisma' l-biċċa l-kbira tal-media, mhux dik biss internazzjonali, iżda wkoll lokali, taħseb li fl-Istati Uniti tal-Amerika seħħ xi avveniment storiku importanti daqs, jekk mhux aktar ukoll, mill-indipendenza ta' dak il-pajjiż. Fil-verità dan xejn m'huwa mument storiku fl-istorja ta' dik id-demokrazija kbira: hija biss rebħa, temporanja, tal-ossessjoni ta' bniedem wieħed, li baqa' jwebbes rasu anki meta jidher ċar li din ir-riforma, hekk kif induna verament x'inhi, il-maġġoranza tal-poplu Amerikan ma jridhix.
Qed nirreferi għar-riforma dwar is-sistema tas-saħħa ġimgħa ilu l-President Barak Obama, wara ħafna negozjati mal-istess deputati tal-Partit Demokratiku tiegħu (għax ir-Repubblikani din id-darba vvutaw kollha, kompatti kontra) rnexxielu jikseb maġġoranza ta' 7 voti biss (219 kontra 212) b'34 Demokratiċi jibqgħu 'sodi' u jivvutaw kontra l-liġi HR3200, jew Obamacare, kif qed tissejjaħ.
Wara li rnexxielu jevita li l-liġi teħel fis-Senat, billi ma ħalla l-ebda emenda ġdida tgħaddi – lanqas meta r-Repubblikani ressqu emenda biex irġieli ħatja b'molestja tat-tfal jew stupru, ma jkollhomx dritt bħall-irġiel l-oħra, għall-pillola kontra problemi ta' erezzjoni sussidjata mill-istat, bħalma se tipprovdi din il-liġi – s'issa jidher li għaddiet ta' Obama (għaliex "s'issa" nikteb lejn tmiem dan il-post).
Iżda apparti dawn, min se jgawdi l-iżjed b'din il-liġi li fil-fatt se tkabbar immens l-indħil tal-istat fil-qasam tas-saħħa u l-assigurazzjoni? Minn ta' quddiemnett il-kumpaniji tal-assigurazzjoni!
Dan għax issa KULL Amerikan irid ikun BILFORS inxurjat, u min ma jagħmilx dan jibda jiġi mmultat sa' 2% ta' dak li jaqla' kull sena, u b'hekk dawn il-kumpaniji qed jittamaw li jsalvaw mill-qagħda kritika li jinsabu fiha (għandhom 'ħofra' sitt darbiet ikbar mill-GDP tal-pajjiż!). Mhux ta' b'xejn li malli deher li l-liġi kellha ċans tgħaddi, x-shares tagħhom telgħu bi 30%
Iżda għal min suppost hi maħsuba din il-liġi? Suppost se twassal, għalkemm mhux immedjatament, biex 32  miljun ruħ li preżentement ma jintlaħqux mis-sistema tas-saħħa, jibdew jibbenefikaw ukoll. 
Min mhux midħla tas-sistema tas-saħħa fl-Amerika jista' jaħseb li din tista' twassal għall-mewt ta' xi ħadd minħabba li ma jingħatax kura. Fil-fatt jiżbalja min jaħseb li fl-Amerika min jiġi bżonn kura urġenti fi sptar  jistgħu jirrifjutaw li jikkurawh, bħalma jirrakkuntaw diversi politikanti injoranti fl-Ewropa.
 Bħalma probabbli hemm min ma jafx li li fl-Amerika kemm l-anzjani kif ukoll iż-żgħażagħ minn familji fqar huma koperti mill-Medicaid u l-Medicare introdotti minn Lyndon B Johnson fl-1965, wara li 'wiret' il-presidenza mingħand il-maqtul Kennedy – u allura Demokratiku, bid-differenza li dakinhar dik ir-riforma saret bi ftehim ma', u bil-voti tar-Repubblikani wkoll.
Dan għax dik ir-riforma ma kenitx qed 'tinnazzjonalizza' s-sanità, iżda twassalha (għall-ewwel darba), toffriha lil dawk l-aktar dgħajfa fis-soċjetà.
Li fl-Ewropa, u f'Malta, ftit jifhmu, huwa li l-maġġoranza tat-32 miljun li llum m'humiex koperti minn xi assigurazzjoni huma ċittadini tal-klassi medja  ta' bejn l-20 u l-40 sena li huma fost l-40% tal-Amerikani li ma jħallsux ċenteżmu f'taxxi, li minħabba d-dħul (income) mhumiex intitolati għall-Medicaid.
Dawn  minn dejjem ippreferew li ma jħallsu l-ebda assigurazzjoni tas-saħħa, u minflok, meta jinqalagħlhom xi bżonn ta' kura jħallsu għaliha. Bl-Obamacare dawn se jkollhom jinxurjaw ruħhom BILFORS.
Barra minhekk l-istess Kostituzzjoni Amerikana tgħid li ħadd ma jista' jiġi mġiegħel jixtri xejn bilfors – għax inkella jiġi penalizzat, intaxxat mill-istat.
Huwa għalhekk li kważi 40 mill-50 stat Amerikan mistennija jisifdaw l-Obamacare fil-Qorti Suprema.
Iżda apparti dan, apparti l-possibiltá li l-Obamacare tista' tispiċċa tissussidja l-abort, u apparti li  mhux ċar kemm din ir-riforma verament se tiġi tiswa' lill-istat (u allura lill-poplu), u minn meta effettivament għal min hi intenzjonata se jibda jgawdi minnha, hemm il-fatt ieħor importanti: mill-aħħar stħarriġ li għamel Rasmussen, 55 fil-mija tal-poplu jrid li din il-liġi tiġi revokata.
Jekk Obama u sħabu jibqgħu iwebbsu rashom filli jbellgħuhilu bilfors, il-poplu Amerikan għandu arma żgura: l-elezzjonijiet mid-term f'Novembru, fejn Obama jista' jispiċċa President  mingħajr saħħa biżżejjed biex jikseb l-awtorizzazzjoni mill-Kungres biex jiffinanzja l-liġi!

L-Erbgħa, 24 ta’ Marzu 2010

Mill-ġdid l-armi tal-qirda tal-massa (WMD)

Dan mhux blog li proprjament jitttratta dwar films jew id-dinja tal-ispettaklu, iżda, bħalma hemm miktub fil-profil tiegħi, jiena wkoll il-kritiku ċinematografiku ta’ ġurnal lokali, u kultant jitfaċċa xi film li, apparti l-valur artistiku jew tekniku tiegħu , ikollu l-istess suġġett li jkun ħaqqu kummenti li ma jkollhomx strettament x’jaqsmu mal-arti ċinematografika.
Iżda kemm minħabba li ma nkunx nixtieq inwettaq l-istess żball ta’ min ħadem il-film (li jħoss li għandu jwassal l-opinjoni tiegħu jew il-preġudizzji tiegħu billi jinqeda b’film), kif ukoll għax mhux dejjem ikolli spazju biżżejjed fil-paġni li jagħtini l-ġurnal, ma nikkummentax dwar dawk l-elementi tal-film. Għalhekk kultant fil-blog issibu dawk il-kummenti wkoll.
MIT-TERTUQA GĦALL-VERITA’ : GREEN ZONE

Bħalissa f’Malta qed jintwera l-film GREEN ZONE, biċċa fantasija xellugija dwar il-gwerra fl-Irak, diretta minn Paul Greengrass ibbażata fuq ktieb miktub minn Rajiv Chandrasekaran bl-isem ta’  “Imperial Life in the Emerald City”.
Huwa veru li dan mhux dokumentarju, imma film, iżda dan ma jagħti lil ħadd dritt jgħawweġ il-fatti u jivvinta minn żniedu, għal skopijiet purament politiċi.
Dan jerġa’ jirxoxta l-polemika dwar l-armi tal-qirda tal-massa (Weapons of Amed Destruction - WMD) li minħabba fihom l-Irak maħkum mid-dittatur Saddam Hussein fl-2003 kien ġie attakkat mill-qawwiet tal-koalizzjoni mmexxija mill-Istati Uniti, u spiċċa tneħħa mill-poter.
Imma dan il-fatt li poplu sħiħ ħeles minn wieħed mill-aktar tiranni kiefra ta’ żmienna, għal xi wħud mogħmija minn  preġudizzji politiċi u minn dejjem kontra l-Amerika u l-Punent b’mod ġenerali, ma kienx raġuni biżżejjed għall-‘indħil’ tal-Punent f’dak il-pajjiż Għarbi.
Dawn għadhom itambru dwar il-fatt li mhux veru li Saddam kellu l-WMD, li dik kienet biss skuża tal-Punent biex jinvadu l-Irak, u li l-amministrazzjoni Amerikana sserviet b’ġurnalista biex ixxerred il-qlajja tal-WMD.
U hawn twettqet biċċa qerq ewlenija fil-film: filwaqt li l-karattru tal-ġurnalista huwa bbażat fuq waħda vera, Judith Miller tan-New York Times, fil-film din jingħad li taħdem mal-Wall Street Journal. Dan għax il-ġurnal favorit xellugi (NYT) fil-film ma setgħax jiċċappas b’rappurtaġġ falz. Ħalliha li fil-fatt lanqas Miller ma kienet mazzuna daqskemm jagħti x’jifhem il-film, għax fil-verità l-istejjer tagħha qatt ma tgiddbu, kif, ukoll, iridna nemmnu x-Xellug.
Imma niġu għall-każ tal-armi qerrieda: Green Zone jgħawweġ il-fatti mingħajr ebda mistħija: kull min huwa infurmat sewwa jiftakar li, qabel l-attakk fuq l-Iran, diversi servizzi sigrieti – inklużi l-Franċizi, il-Ġermaniżi, l-Ingliżi, u saħansitra r-Russi u ċ-Ċiniżi – kienu konvinti li l-Irak kellu l-WMD, u s-CIA kienet fosthom ukoll.
Barra minn hekk ir-rapporti li kellha din kienu jmorru lura sa’ qabel l-ammninistrazzjoni ta’ Bush – u r-rifjut ta’ Saddam li baqa’ sal-aħħar ifixkel lill-ispetturi tal-armi tan-Nazzjonijiet Uniti milli jagħmlu xogħlhom (bħalma qed jagħmel illum Aħmadineġad tal-Iran dwar l-armamenti nukleari), kompla jsaħħaħ is-suspetti tal-Punent li hu veru kellu x’jaħbi.
Għalhekk, hija ħaġa li taħdem film mimli fantasija bogħod mill-fatti, u miżgħud b’insulti u disprezz kontra l-Istati Uniti, il-Punent u l-militar tagħhom. Imma huwa aktar gravi li studjo Amerikan (Universal) ixxerred, waqt li għaddejja gwerra bħal dik kontra t-terroriżmu, gideb oxxen bħal dan mistur bħala divertiment, tajjeb kemm hu tajjeb, bħal Green Zone.
Il-film infatti donnu jrid jgħid lit-truppi Amerikani u alleati li l-isforzi tagħhom kienu bbażati fuq qerq intenzjonat. Agħar minn hekk, jagħti t-tort għar-rewwixti li rriżultaw f’tant suldati maqtula fuq xi ngann Amerikan.
Fi Green Zone lejn tmiem-il film Iraki jinstema’ jgħid li jridu jkunu l-Irakini li jiddeċiedu l-futur tagħhom. U dan huwa li setgħu jagħmlu wara l-“indħil’ tal-Alleati, permezz tal-ewwel żewġ elezzjonijiet ħielsa, l-aħħar waħda ftit ġimgħat ilu, b’konkorrenza qawwija ta’ l fuq minn 60%.
Ma jistax jingħad li Green Zone bħala film mhuwiex maħdum tajjeb jew li ma jirnexxix bħala thriller tal-gwerra. Mhuwiex xi ħaġa fantastika, imma jgħaddi. Dnub li għad jitniżżel fl-istorja bħala wieħed mill-aktar films anti-Amerikani/Punent li qatt ħarġu minn studjo ewlieni Amerikan.
Iżda jekk tridu film tal-gwerra veru tajjeb, minflok araw The Hurt Locker rebbieħ assolut fl-Oscars ta’ din is-sena. Mhuwiex politiċiżżat bħal Green Zone, u jagħti stampa preċiża u realistika ta’ kif is-suldati Amerikani u Alleati ssugraw ħajjithom, biex isalvaw ħajjet il-poplu Iraki u jroddulhom lura l-libertà u d-demokrazija.

Is-Sibt, 20 ta’ Marzu 2010

INVESTIGAZZJONI DWAR IL-ĦIDMA TAL-IPCC TAN-N.U.

IN-NAZZJONIJIET UNITI FL-AĦĦAR              IRRIKONOXXIT IL-CLIMATEGATE
Wara l-iżbalji, cover-ups u l-iskandli xjenzjati ewlenin qed imexxu investigazzjoni indipendenti dwar il-ħidma u l-aġir tal-International Panel on Climate Change (IPCC).
L-InterAcademy Council (IAC), għaqda li tirrappreżenta xjenzjati minn madwar id-dinja, se tinvestiga kif fir-rapport ewlieni li l-IPCC ħarġet fl-2007 kien hemm numru kbir ta' żbalji fattwali.


Dawn l-iżbalji nkixfu wara li ġew pubblikati eluf ta' e-mails li xi ħadd ħareg mill-Climate Research Unit (CRU) tal-East Anglia University, magħruf aħjar bħala CLIMATEGATE.


Il-mexxejja tal-IPCC li ċ-chairman tiegħu huwa l-Indjan Rajendra Pachauri, ddikjaraw li din l-investigazzjoni kien hemm bżonnha sabiex jiġi żgurat li l-proċeduri tal-IPCC huma metikolużi, dixxiplinati u mħarsa mix-xjenzjati li jipproduċu r-rapporti influwenti tagħha – u, b'mod immedjat, tiġi restawrata r-reputazzjoni tal-IPCC li ġiet mxellfa mir-rivelazzjonijiet ta' qerq li ħarġu mill-Climategate.
Iżda aktar mill-IPCC, huwa l-istess kap tagħha li ftit li xejn nissel  fiduċja fiha minħabba kunflitt ta' interess tiegħu personali, u li għalhekk suspettat b'interessi ta' gwadann personali.
Infatti Pachauri ġie akkużat li qed jagħmel flejjes kbar grazzi għall-irbit li għandu hu personali ma' kumpaniji mdaħħla fin-negozju tal-karbonju (carbon trading) li jiddependu fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess IPCC.
Dawn jinkludu banek, kumpaniji taż-żejt u l-enerġija, u fondi ta' investiment involuti bil-kbir fil-carbon trading u 'teknoloġiji sostenibbli', li flimkien jiffurmaw l-aktar suq li qed jikber fid-dinja, u li ma jdumx ma jiġi jiswa' triljuni ta' Ewro fis-sena.
Pachauri jokkupa wkoll karigi għolja oħra ta' direttur jew konsulent f'korpi ewlenin f'dik li saret magħrufa bħala 'l-industrja tal-klima'.
Barra minhekk huwa ħaġa waħda mat-TERI, jew The Energy and Resources Institute, organizzazzjoni 'non-profit' li għandha bħala skop li tittratta "il-problemi kbar u akuti li l-bniedem x'aktarx ikollu jiffaċċja minħabba l-iskarsezza dejjem tikber tar-riżorsi enerġetiċi, u l-metodi fl-isfruttar tagħhom li qed iniġġsu l-pjaneta". Żewġ problemi artifiċjali, bħalma jkolli okkażjoni nuri darb'oħra.

Il-Ġimgħa, 19 ta’ Marzu 2010

It-Twaqqif ta' Gvern 'Ġdid' fl-Ukrajna

YANUKOVICH DIĠÀ KISER IL-KOSTITUZZJONI
Bħalma kien mistenni l-President il-ġdid tal-Ukrajna Viktor Yanukovich ma tantx għandu 'grazzja' mal-kostituzzjoni ta' pajjiżu, u l-ewwel liġi li rnexxielu jgħaddi mill-parlament fil-fatt tmur kontriha.
Kif irrapurtajt fl-4 ta' dan ix-xahar, din il-liġi ried jgħaddiha biex ikun jista' jifforma gvern ta' koalizzjoni, ħaġa li, skond il-kosituzzjoni tal-Ukrajna, tista' issir biss bejn koalizzjoni u oħra u mhux bejn koalizzjoni u deputati individwali. 
Infatti l-gvern tiegħu Yanukovich sata' jiffurmah biss billi deputati li qabel kienu f'xi partit jew koalizzjoni li kienet fil-gvern tal-eks Prim Ministru Yulia Timoshenko, jittradixxu l-vot li permezz tiegħu telgħu fil-parlament, u jagħtu  l-vot ta' fiduċja lill-gvern ta' Yanukovich. Għalhekk ressaq u għadda fil-parlament liġi biex deputati individwali setgħu jivvutaw għal rashom, u mhux kif kienu obbligati, kif jivvota l-partit/koalizzjoni li kkontestaw l-elezzjoni magħhom.
Iżda din il-liġi fil-fatt temenda l-kostituzzjoni, ħaġa li ma setgħatx issir b'maġġoranza sempliċi fil-parlament bħalma sar, u għalhekk Yanukovich b'hekk kiser il-kostituzzjoni.
Il-Blokk ta' Yulia Timoshenko 'Patrija' (BYuT) u l-Blokk 'Ukrajna Tagħna' (NUNS) – li t-tnejn huma osservaturi fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) – ressqu l-każ quddiem il-Qorti Kostituzzjonali.
X'aktarx hija l-istennija għad-deċiżjoni tal-qorti li għadha ma wasslitx lil Timoshenko u sħabha jiddeċiedu li jibbojkottjaw l-parlament.
Il-gazzetta ewlenija ta' kull ġimgħa bl-Ingliż, KyivPost ikkummentat hekk dwar il-mossa ta' Yanukovich:

“Adherence to constitutional niceties doesn’t appear to be high 
on the list of priorities for the new government,”
F'editorjal l-bieraħ l-istess gazzetta kompliet tikkummenta hekk dwar il-ksur tal-kostituzzjoni minn Yanukovich:
"If Ukraine’s citizens, Western friends and investors continue turning a blind eye to such blatant infringements on democracy for the sake of so-called stability, then they will share blame for what could be a nasty outcome. Rather than being blamed for financing such an undemocratic plot, the International Monetary Fund should make clear to Yanukovych’s team that they won’t bail out an “illegitimate coalition.”
There is a reason why millions withstood freezing temperatures to protest a fraud-marred vote in Yanukovych’s favor during the 2004 Orange Revolution. People stood up for democracy, justice, rule of law and fairness. Without these key ingredients, few countries are able to demonstrate the stability needed for sustained economic growth."
Sadattant ħarsa lejn il-kabinett li ħabbar Yanukovich ma tantx jagħti idea ta' gvern 'ġdid', li kiseb vot ta' fiduċja wara li xi deputati tan-NUNS u tal-BYuT ittradew l-elettorat tagħhom. 
Infatti l-gvern mimli b'uċuħ mill-gvernijiet ta' qabel ir-Rivoluzzjoni Oranġjo, l-aktar dawk tar-reġim tal-aħħar prim ministru Leonid Kuchma, filwaqt li l-prim Ministru li ħa post Timoshenko, Mykola Azarov, imwieled ir-Russja 64 sena ilu, fejn kiseb ukoll l-edukazzjoni, hu meqjus kapaċi bħala maniġer bi stil Sovjetiku, u li kien ġie kkundannat minn għadd ta' għaqdiet internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, minħabba li meta kien kap tal-gwardja tal-finanzi fi żmien Kuchma, kien jużaha bħala arma kontra l-oppożizzjoni.
Azarov kien ukoll l-ewwel kap tal-Partit tar-Reġjuni, li għadda l-kmand tal-istess partit lil Yanukovich, kif għadu sal-lum, minkejja li bħalha President tar-Repubblika ma jistax jibqà jmexxi partit politiku, u b'hekk ukoll dan qed jikser il-kostituzzjoni.
Għalhekk ħafna qed jistaqsu, bħali, KEMM SE JDUM IL-PUNENT, l-UNJONI EWROPEA JISTAPORTU DAN IT-TKASBIR TAD-DEMOKRAZIJA FL-UKRAJNA?

Yulia Timoshenko ħalfet li se jkunu bħal seqer fuq il-avversarji li ħatfu l-gvern b'mossi illeġittimi."Se nagħrblu, niġġudikaw kull mossa tal-gvern. Se jkunu taħt il-mikroskopju tagħna kuljum...". Kif tgħid din il-karikatura li dehret fil-KyivPost: Lanqas fil-ħolm m'hu se jeħles minnha Yanukovich (isuq it-trakk, b'Azarov  maġenbu).

Il-Ħamis, 18 ta’ Marzu 2010

IL-BURKA FL-UNJONI EWROPEA

KUMMISSARJU TAL-KUNSILL TAL-EWROPA JIDDEFENDI L-BURKA
Filwaqt li l-maġġoranza tal-Ewropej huma kontra li fl-Ewropa jintlibes il-burka – ċjoè dik l-ispeċi ta' xkora li xi nisa Musulmani jilbsu u li jgħattuhom minn rashom sa' saqajhom, b'biss żewġ toqob quddiem għajnejhom biex jaraw – uffiċjal għoli tal-Kunsill tal-Ewropa, proprju f'Jum il-Mara ħareġ jiddefendi l-burka, meqjus minn ħafna, anki Musulmani, bħala simbolu taċ-ċaħda tad-drittijiet l-aktar bażiċi tan-nisa, u li m'għandu x'jaqsam xejn mar-reliġjon.
F'artiklu li kiteb fil-ġurnal Ingliż The Guardian (l-istess li dejjem isostni d-drittijiet tal-estremisti u t-terroristi) ħadd inqas mill-Kummissarju għad-Drittijiet Umani tal-Kunsill tal-Ewropa, Thomas Hammarberg insista li l-Ewropa m'għandhix tgħaddi liġijiet li jipprojbixxu l-ilbies tal-burka jew in-nibak, għax dan ikun ifisser indħil, invażjoni tal-privacy u jipperikola l-identità personali tan-nisa li jilbsuh.
Skond Hammarberg, li dawn in-nisa ma jitħallewx jibqgħu aktar lsiera ta' żwieġhom li jriduhom jgħattu ġisimhom kollu, mill-espressjonijiet ta' wiċċhom sal-ponta ta' saqajhom, imur kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.
Għalhekk jekk, bħalma diġa qed jagħmlu xi stati Ewropej, jiġi projbit l-ilbies tal-burka, dawn ikunu qed jiksru dawn id-drittijiet!
Iżda aqraw x'kellha x'tgħid Fadela Amara, imwielda Franza minn ġenituri Alġerini, attivista favur id-drittijiet tan-nisa Musulmani, li llum hija ministru fil-gvern ta' Sarkozy. Hi sostniet li l-projbizzjoni tal-burka tgħin ukoll biex jitwaqqaf it-tixrid tal-"kankru tal-islam radikali li jgħawweġ il-messaġġ Islamiku".
Mill-banda l-oħra l-kittieba u psikologa femmista Amerikana Phyllis Chesler (li wara li kienet żżewġet Afgan u marret f'pajjiżu spiċċat priġuniera fid-dar tal-familja tiegħu)  tispjega kif "jekk issewgi mara liebsa l-burka għandek issib vjolenza kontra n-nisa, abbuż tat-tfal, qtil għall-"unur tal-familja", poligamija u mibgħeda mhux biss kontra l-Lhud, iżda kontra kull "infidil" ieħor. Jinstabu wkoll ċelluli terroristiċi u dawk li jappoġġjawhom."
Dawn huma raġunijiet li kull min jgħożż il-libertà ma jistgħux ma jinkwetawħx, flimkien mal-fattur tas-sigurtà", għax qatt ma tista' tkun żgur min hemm taħt burka, mara jew raġel, terrorista armat jew mdawwar bl-isplussiv, bħalma ġieli nstab.
Għall-istess raġunijiet diversi pajjiiżi fl-Ewropa qed jintroduċu liġijiet biex irażżnu l-ilbies tal-burka u għatat oħra li jaħbu l-wiċċ.  Fost dawn minn ta' quddiemnet insibu lil Franza, l-Olanda, Belġju, Danimarka, filwaqt li pajjiżi oħra, bħar-Renju Unit, l-Awstrja u l-Italja hemm dibattiti mqanqla biex ifittxu jidħlu liġijiet simili.
F'dan l-aħħar pajjiż tressaq abbozz ta' liġi, iżda hemm min ma qagħadx jistenna l-liġi tgħaddi, bħal kunsillier f'raħal żgħir fi Treviso, li barra l-lukanda żgħira tiegħu għamel tabella li tgħid li għal raġunijiet ta' sigurtà fiha mhux permessi helmets, uċuh mgħottija u burka jew nibak.
Dan il-kunsillier (tal-Popolo della Libertà), Tiberio Furlan (ritratt), kien ressaq mozzjoni fil-kunsill komunali kontra l-ilbies tal-burka/nibak f'postijiet pubbliċi, li però ma kenitx għaddiet.
Dan li qed jiġri fl-Ewropa. Tajjeb iżda ngħidu wkoll li f'żewġ pajjiżi Islamiċi, f'Tuneż u fit-Turkija n-nisa ma jistgħux jilbsu lanqas il-ħiġab, is-sempliċi maktur Musulman, filwaqt li fil-Marokk hemm ukoll kważi diskriminazzjoni kontra nisa li jilbsuh u proposti biex anki hemm isir kontra l-liġi. Dan għax il-ħiġab f'dawn il-pajjiżi hu meqjus bħala sinjal ta' Islam politiku, jew fundamentaliżmu kontra l-gvern sekulari. 

Il-Ħamis, 4 ta’ Marzu 2010

Il-KRIŻI FL-UKRAJNA TKOMPLI TIGGRAVA

ATTENTAT TA' KOLP TA' STAT KOSTITUZZJONALI
Wara li l-bieraħ il-gvern ta' Yulia Tymoshenko, demokratikament elett mill-poplu Ukrajn tlett snin ilu, tilef vot ta' fiduċja minħabba li xi deputati tal-koalizzjoni Ċentru-leminija vvutaw favur il-mozzjoni mressqa mill-oppożizzjoni, il-blokk tagħha Patrija (BJUT)  illum ħabbar li kien se jikkontesta fil-Qorti Għolja Amministrattiva abbozz ta' liġi mressaq mill-partit ta'  Viktor Yanukovich, li ġimgħa ilu ħa l-ġurament ta' president tar-repubblika wara elezzjoni li l-oppożizzjoni għadha tqies bħala mbagħbsa.
L-abbozz jemenda l-proċeduri għall-formazzjoni ta' gvern, biex b'hekk Yanukovich ikun jista' iwaqqaf gvern ġdid, iżda l-blokk ta' Tymoshenko iqies din il-mossa bħala attentat ta' kolp ta' stat kostituzzjonali, għax imur kontra l-kostituzzjoni tal-Ukrajna.
Din tiddikjara li f'każ ta' gvern ta' koalizzjoni, dawn  iridu jkunu koalizzjoni ta' partiti mhux deputati individwali. 
Filwaqt li Tymoshenko rriżenjat minn Prim Ministru u tinsab vaganza, Yanukovich għandu żmien 30 ġurnata biex jipprova jgħaqqad koalizzjoni (inkella jkollu jsejjaħ elezzjoni bikrija).
Din però ma tantx tidher ħaġa faċli għax, skond il-kostituzzjoni, sabiex jiġi ffurmat gvern dan irid ikollu mhux biss il-maġġoranza tas-siġġijiet, iżda, jekk dan ikun magħmul minn diversi koalizzjonijiet/partiti, f'kull koalizzjoni/partit irid ikun hemm il-maġġoranza tad-deputati li lesti jivvutaw favur gvern ġdid, u mhux parti minnhom biss.
Infatti fl-Ukrajna aktar faċli jaqa' gvern milli mbagħad jiġi ffurmat wieħed ġdid differenti minn ta' qablu mingħajr ma ssir elezzjoni, u din fiha nfisha hija regola tajba. Dan għax jekk il-poplu vvota favur koalizzjonijiet li qablu minn qabel li kienu lesti jingħaqdu flimkien biex jiffurmaw gvern, mhux sew li – għax xi deputati waħdanin 'ittradew" l-wegħda li għamlu lill-eletturi tagħhom – jekk jaqa' dak il-gvern, dawn ikunu jistgħu jużaw il-vot tagħhom individwali biex jappoġġjaw gvern li l-poplu ma vvutax għalih.
Infatti l-vot ta' sfiduċja mressaq mill-oppożizzjoni qatt ma sata' jgħaddi bil-voti tagħha biss, jiġifieri tal-Partit tar-Reġjuni (ta' Yanukovich) u tal-Komunisti, għax kien jonqoshom 9 voti mill-226 fil-parlament ta' 450 deputat.
Infatti s-siġġijiet fil-parlament preżenti huma mqassma hekk:


Koalizzjoni li kienet fil-gvern sal-bieraħ:
Blokk Tymoshenko : 156 siġġu + Blokk 'Ukrajna Tagħna': 72 + Blokk Lytvyna: 20 = Total: 248 
Fl-Oppożizzjoni:
Partit tar-Reġjuni (Yanukovich): 175 siġġu; Partit Komunista: 27 = Total: 202 siġġu


Kif allura l-gvern ta' Tymoshenko ġie sfiduċjat?
Bħalma ktibt dan ġara għax deputati individwali fil-koalizzjoni li ffurmat il-gvern ivvutaw kontra l-gvern.
Dawn kienu 15 mill-'Ukrajna Tagħna' tal-eks president Yushenko, 19 mill-20 tal-blokk ta' Lytvyna, u 7 mill-blokk ta' Tymoshenko.
Il-bieraħ deputat tal-blokk ta' Tymoshenko, Sobolev, allega li dawn is-seba' deputati, li hu semma' b'isimhom, 'inxtraw' mill-partit ta' Yanukovich biex jivvutaw kontra l-gvern tagħhom, min bi flus u min b'wegħdiet ta' karigi jew unuri, fosthom wieħed ta' "Eroj tal-Ukrajna".
Iżda biex issa jiġi ffurmat gvern mingħajr ma ssir elezzjoni, bħalma ktibt trid tkun maġġoranza fi blokk li tivvota favurih, u  mhux uħud biss minn dak il-blokk, bħalma ġara fil-każ tal-vot ta' sfiduċja tal-Erbgħa.
Issa Yanukovich se jipprova jgħaddi liġi biex dan jinbidel, u deputati li l-poplu tella' biex jappoġġjaw gvern, ikunu jistgħu jittradixxu dak il-mandat u jivvutaw favur gvern differenti.
Jekk, infatti, Yanukovich jirnexxielu, bis-sewwa jew bid-dnewwa, jifforma gvern, "tibda era ta' tixħim, intimidazzjoni, rikatti u vjolenza – din hija lista mhux sħiħa ta' dik li tista' malajr issir r-realtà tal-politika fl-Ukrajna", qalet stqarrija tal-partit ta' Tymoshenko.
Sadattant l-istess 'Unjoni tal-Ukrajni Kollha – Patrija' (BYUT) ibbojkottja s-seduta tal-lum tal-Parlament, filwaqt li għada l-Ġimgħa se jiltaqa' il-grupp parlamentari tal-BJUT biex jiddeċiedi jibqax jattendi s-seduti.
Barra minhekk Yulia Timoshenko nhar it-Tlieta se tieħu sehem f'rally solenni maġenb il-monument  ta' Taras Shevchenko f'Kiev. Shevchenko hu meqjus bħala missier il-letteratura Ukrajna moderna u l-istess lingwa Ukrajna, li fi żmien il-kżar, meta l-Ukrajna kienet maħkuma mir-Russja Imperjali, kien eżiljat mir-Russi f'San Pietruburgu, u minn dakinhar saħħtu baqgħet sejra lura, sakemm miet fl-10 ta'Marzu, 1861, bħal nhar l-Erbgħa,  kważi 150 sena ilu. Timoshenko qed tħeġġeġ lill-qawwiet nazzjonali-patrijottiċi kollha biex jattendu bi ħġarhom.

It-Tnejn, 1 ta’ Marzu 2010

IKOMPLI JIKBER L-ISKANDLU CLIMATEGATE


WARRBU PROVI LI D-DINJA MHIX TISĦON
L-aktar records antiki u ta min jogħqod fuqhom fid-dinja juru li m'hemmx nitfa ta' provi veri li jixhdu li d-dinja saħnet b'xi mod sinifikanti f'dawn l-aħħar 200 sena. Iżda dawn ir-records ta' raw temperatures ċinikament twarrbu mill-Global Historical Climatology Network (GHCN) tal-Arizona State University.
   Dawn ir-records tal-klima ilhom jinżammu fil-Klementium ta' Praga fir-Repubblika Ċeka għal dawn l-aħħar 200 sena, u huma fost l-eqdem fid-dinja wara dawk miżmuma fis-Central England Temperature Record (CET), li jmorru lura sal-1775, .
   Mhux hekk biss, il-klimatoloġisti neħħew t-temperaturi oriġinali ta' Klementium ta' bejn l-1940 u l-1949 li kienu juru temperaturi għolja – u li għalhekk igiddbu li l-pjaneta qatt ma saħnet daqs illum.
   Barra minhekk, mbagħad bidlu dawk tal-Klementium għas-snin ta' wara b'oħrajn li juru temperaturi aktar għolja mill-istazzjon meteoroloġiku ta' Ruzyne, minkejja li dak ta' Klementium qatt ma kien waqaf jeħodhom.
   Dawn tal-aħħar jixhdu li għal dawn l-aħħar 200 sena t-temperatura fl-Ewropa ċentrali għoliet b'0.25 Gradi Ċentrigradi kull seklu, żjieda statistikament insinifikanti. Dawn huma konfermati minn dawk tas-CET  ukoll.

   Dan il-graff juri it-temperaturi bejn l-1880–2009: dawk oriġinali tal-Klementium ta' Praga (linji blu) u dawk "irranġati" tar-Ruyze (linji ħomor) – innutaw dawk neqsin tas-Snin 40.

Sabiex tara l-graff ikbar mur f'dan il-link:
http://www.climategate.com/wp-content/uploads/11518_1880to2010_0.jpg

Għal tagħrif dettaljat dwar dan it-tbagħbis fit-temperaturi tista' tmur f'dan il-link:

http://chiefio.wordpress.com/2010/02/12/2010-thermometer-langoliers-hit-list/#comment-3406
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide