Is-Sibt, 27 ta’ Frar 2010

L-Appell ta' Gaddafi għall-"Gwerra Qaddisa" Kontra l-Isvizzera

KUNDANNA MILL-UNJONI EWROPEA 
   U N-NAZZJONIJIET UNITI
Wara li l-Kurunell Muammar Gaddafi kompla ħarrax it-tilwima personali tiegħu kontra l-Isvizzera billi ħeġġeġ lill-Musulmani kollha fid-dinja għall-"Gwerra Qaddisa" (Ġiħad) kontra dak il-pajjiż storikament newtrali, kemm l-Unjoini Ewropea kif ukoll in -Nazzjonijiet Uniti kkundannaw bl-aħrax dan it-tixwix.
   Gaddafi għamel dan waqt diskors f'Bengażi fl-okkażjoni tal-anniversarju tat-twelid tal-profeta Mawmettu, fejn iddikjara li "dawk li jeqirdu l-moskej ta' Alla ħaqqhom jiġu attakkati permezz tal-ġiħad, u li kieku l-Isvizzera kienet tmiss mal-fruntieri tagġna konna nattakkawha ...il-ġiħad kontra l-Isvizzera, kontra z-Zijoniżmu, kontra l-aggressjoni barranija mhuwiex terroriżmu."
   Għax, bilħaqq, hu kien qal li rrinunzja għat-terroriżmu.
   Gaddafi appella wkoll għall-bojkott kontra l-Isvizzera mid-dinja Islamika. "Kull Musulman f'kull parti tad-dinja li jaħdem, jikkollabora mal-Isvizzera huwa traditur, huwa kontra Muħammed, kontra Allah u kontra l-Koran," kompla jgħid.
"Il-masses tal-Musulmani għandhom imorru fl-ajruporti kollha fid-dinja Islamika u ma jħallu l-ebda ajruplan Svizzeru jillandja, fil-portijiet kollha u ma jħallu l-ebda vapur Svizzeru jittrakka, għandhom jispezzjonaw kull ħanut u suq biex ma jħallux prodotti Svizzeri jinbiegħu."
   Din il-ġlieda tipika tal-Kulunell Gaddafi  mal-Isvizzera bdiet fl-2008 meta wieħed minn  uliedu u martu kienu arrestati fl-Isvizzera għax allegatament immaltrattaw lis-sefturi tagħhom. Dwn wara kienu nħelsu, u l-awtoritajiet Svizzeri kienu skużaw ruħhom. Iżda dan, evidentement me kienx biżżejjed.
  Il-Punent żbalja meta kien ħaseb li kien irnexxielu jimmansa lid-dittatur Libjan wara li dan min jheddu kien waqqaf il-programm nukleari tiegħu fl-2003, u qabel li jħallas kumpens għall-attakk terroristiku fuq Lockerbie.
  Illum  kemm l-Unjoni Ewropea kif ukoll n-Nazzjonijiet Uniti kkundannaw id-diskors ta' Gaddafi. 
  Ir-rappreżentanta tal-UE l-Barunessa Ashton qalet dan sar f'mument mill-aktar sfortunat meta l-UE qed tipprova tilħaq ftehim bejn l-Libja u l-Isvizzera, anki jekk din tal-aħħar mhix membru tal-UE.
  Mill-banda l-oħra Sergei Ordzhonikideze, id-diretturn ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti f'Ġinevra qal li "dikjarazzjonijiet simili ta' kap ta' stat mhumiex aċċettabbli fir-relazzjonijiet internazzjonali."
    Ta  min ifakkar li f'Settembru li għadda Gaddafi ried iressaq mozzjoni fin-NU biex l-Izvizzera tispiċċa bħala nazzjon billi tinqasam fi tlett partijiet li jingħataw lill-Ġermanja, lil Franza u lill-Italja dawk il-partijiet tal-Izvizzera li jitkellmu bil-lingwi rispettivi tagħhom. Dik il-mozzjoni, naturalment, lanqas biss kienet ġiet aċċettata minn NU biex tiġi diskussa.
   Dan l-aħħar, imbagħad, ġurnal Libjan qal li l-Isvizzera kellha lista ta' xi 100 Libjan li ma kienux se jitħallew jidħlu fil-pajjiż, u li din il-lista kienet tinkludi lill-familja ta' Gaddafi, inkluż hu stess. Dan wassal għall-arrest ta' żewġ neguzjanti Svizzeri għax skaditilhom il-viża, u wara  biex Gaddafi waqqaf il-viża liċ-ċittadini kollha tal-pajjiżi tal-UE fiż-żona Schengen, li tinkludi wkoll lil Malta.

Il-Ġimgħa, 26 ta’ Frar 2010

Aktar Konsegwenzi tal-CLIMATEGATE

APPELL GĦAL RIĊERKA MILL-ĠDID TAT-TEMPERATURI
Il-konsegwenzi tal-iskandlu CLIMATEGATE – li kixef kif f'ċentru ewlieni tar-riċerka dwar il-klima fl-East Anglia University (li fuqu kienu bbażati diversi rapporti allarmistiċi mill-IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti dwar suppost tisħin tal-globu kawżat mill-bniedem) kien sar tbagħbis u ħabi tad-data – ma jieqfux.
   Wara r-riżenja tad-direttur taċ-ċentru Phil Jones, investigazzjonijiet fl-istess università u wkoll f'oħrajn fl-Istati Uniti, ammissjoni ta' qerq minn Jones innifsu u mic-Chairman tal-IPCC Rajendra Pachauri, u appelli għar-riżenja tiegħu, issa 150 xjenzjati rappreżentanti tal-Uffiċju Meteoroloġiku Brittaniku qed jappellaw lill-klimatoloġisti tad-dinja biex jibdew mill-bidu u jikkalkulaw mill-ġdid it-temperatura tal-pjaneta tagħna.
  Dan sar wara laqgħa tal-Met Office li saret din il-ġimgħa fit-Turkija li ftit li xejn  ingħatat pubbliċità, u x-xjenzjati qed jinsistu mal-Kumitat għall-Klimatoloġija tal-World Meteorological Organisation li din ir-riċerka din id-darba tibda ssir fuq bażi ta' kuljum, u mhux aktar kull xahar, bħalma sar s'issa, sabiex id-data tkun aktar ta' min wieħed jogħqod fuqha.
   Iżda forsi l-aktar punti importanti fl-appell tal-Met Office (u li l-Fox News irnexxielu jikseb kopja tiegħu) huma li:
-  l-metodi wżati jiġu dokumentati b'mod sħiħ kif xieraq (u mhux jippubblikaw biss dak li jaqbillu min jagħmel ir-riċerka jew iqabbad li ssir, bħalma nkixef li sar qabel
-  li dan l-istudju u r-riżultati jiġu verifikati b'mod indipendenti (peer reviewed) u mhux bil-mod kif nstab li sar qabel, fejn "wieħed iħokk dahar l-ieħor"
-  li jkun hemm dawk li jissejħu "comprehensive audit trails' biex jiżguraw fiduċja fl-istess riżultati.
   It-tama tax-xjenzjati hija li din ir-riċerka mill-ġdid dwar it-temperaturi tal-pjaneta twaqqaf darba għal dejjem il-kontroversja enormi li teżisti dwar jekk id-dinja hix veru qed tisħon b'mod allarmanti.


UN's IPCC SEEKS TO RESTORE BRUISED REPUTATION

In the next few days, the world's leading authority on Global Warming plans to roll out a strategy to tackle a tough problem: restoring its own bruised reputation.

A months-long crisis at the Intergovernmental Panel on Climate Change (IPCC) has upended the world's perception of global warming, after CLIMATEGATE's hacked emails and other disclosures revealed deep divisions among scientists working with the United Nation-sponsored group. That has raised questions about the panel's objectivity in assessing one of today's most hotly debated scientific fields.

The problem stems from the IPCC's thorny mission: Take sophisticated and sometimes inconclusive science, and boil it down to usable advice for lawmakers. To meet that goal, scientists working with the IPCC say they sometimes faced institutional bias toward oversimplification, a
Wall Street Journal examination shows. 


The IPCC has made the "problem" excessively complex. The real question is whether the world is warmer or cooler than should be expected (you need to know this before you know whether it is warming or recovering from excessive cold). The only factual answer at present is that we do not know and can not know until we properly determine earth's albedo under various natural cycle phases and that is likely going to take centuries. In the meantime get on with life and stop the absurd assault on carbon. 

(WSJ)

Is-Sibt, 20 ta’ Frar 2010

TYMOSHENKO TIRTIRA L-KAWŻA IŻDA MA TAĊĊETTAX IT-TELFA

"Jasal il-jum meta qorti onesta teżamina r-riżultat mill-ġdid"
Assolutament mhux veru li l-Prim Ministru tal-Ukrajna, Yulia Tymoshenko aċċettat it-telfa wara l-elezzjoni  presidenzjali, bħalma ġie rappurtat illum mill-media internmazzjonali, iżda anki minn mezzi tax-xandir f'Malta.
   Tant hu hekk li dalgħodu fil-qorti hi ddikjarat li "Mill-inqas kien hemm żgur tbagħbis fil-voti ippruvat bil-provi li huma dokumentati fil-kawża depożitata fil-Qorti Għolja Amministrattiva tal-Ukrajna, u nemmen li għad jasal il-jum meta prosekutur jew qorti onesta jistabbilixxu li Yanukovich ma ġiex elett President tal-Ukrajna, u li r-rieda tal-poplu ġiet manipulata,"

    Prova oħra ta' kemm hi m'aċċettatx ir-riżultat huwa l-fatt li l-istess Tymoshenko illum wara nofsinhar ħabbret li mhix se tattendi għaċ-ċerimonja tal-ġurament ta' Yanukovich bħala president, li mistennija ssir nhar il-Ħamis li ġej. Kelliemi għall-Prim Ministru, id-deputat tal-blokk tagħha "Patrija", Serhiy Mishchenko żvela li huma lanqas biss irċevew stedina, "din mhix il-festa tagħna u ma ġejnix mistiedna"
    Hu kompla billi qal ċar u tond li l-fatt li Tymoshenko irtirat il-kawża m'għandux jiġi interpretat bħala sinjal ta' xi dgħjufija. "Yulia Tymoshenko ma ċeditx. Dan huwa biss il-bidu. Hi sempliċiment uriet li ma tridx tkun parti minn farsa," saħaq Mishchenko.
   Tymoshenko irtirat il-kawża wara li l-Qorti Għolja Amministrattiva tal-Ukrajna  rrifjutat l-petizzjonijiet ewlenin tagħha għall-għadd mill-ġdid tal-voti f'ċerti postijiet tal-votazzjoni fil-Krimea, u li teżamina r-Reġistru Elettorali, li jinkludi ismijiet doppji ta' votanti u wkoll ta' oħrajn li fil-fatt huma mejtin.
    Hi ressqet provi u xhieda li jippruvaw li votanti vvutaw aktar minn darba, ismijiet ta' oħrajn miżjuda fil-lista fil-jum stess tal-votazzjoni, u abbużi fil-każi ta' dawk li setgħu jivvutaw f'darhom minħabba diżabilità.
   "Dawn il-provi kollha tressqu lill-qorti mwieżna b'dokumenti mill-Ministeru tal-Intern u mill-istrutturi reġjonali  tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali," sostniet Tymoshenko."Il-frodi kollha ġiet ippruvata, mhumiex sempliċi allegazzjonijiet."
   "Deher ċar li l-qorti m'għandix interess tistabilixxi l-verità, u, sfortunatament, il-qorti hija preġudikata bħall-Kummissjoni Elettorali Ċentrali, li tinkludi maġġoranza politika ma' Yanukovich," iddikjarat Yulia Tymoshenko.
   Il-voti li qed tikkontesta Tymoshenko jgħoddu 'l fuq minn miljun, li jistgħu jagħmlu d-differenza meta wieħed jiftakar li l-pro-Russja Yanukovich għaddiha biss b'madwar 800,000 vot.

FTIT SILĠ, ĦAFNA SILĠ ...DEJJEM IT-TISĦIN TAL-GLOBU JAĦTI !


Ġimgħa oħra u s-60 edizzjoni tal-Logħob Olimpiku tintemm. Iżda għal ħafna l-aħbar ewlenija sa' qabel saħansitra ma beda l-logħob, kienet in-nuqqas ta' silġ f'Vancouver.
L-aktar li ntlaqtet minn dan in-nuqqas kient il-muntanja Cypress. Hemmhekk kellhom iġibu silġ minn naħat oħra tal-Kanada.
Dan għax naturalment ma kenitx Vancouver jew il-Kanada kollha li nlaqtet. Infatti wara rajna li xi avvenimenti sportivi fuq il-muntanji f'Whistler kellhom jitħassru minħabba tempesti ta' silġ!
Iżda dan ma gerrixx lis-soltu katastrofisti milli japprofittaw ruħhom minn dan it-tibdil naturali tal-klima biex jibqgħu jinsistu dwar is-suppost tort tal-bniedem għat-'tisħin tal-globu'.
Saħansitra l-President tal-Kumitat Olimpiku Internazzjonali, Jacques Rogge wasal biex iddikjara li "it-tisħin tal-globu naturalment jinkwetana, huwa inkwiet għad-dinja kollha."
Din l-intervista xxandret xxandret min-network NBC.
Issa ta min ikun jaf li l-NBC huwa proprjetà tal-kumpanija General Electric. L-istess GE li diġà rċeviet mill-amministrazzjoni ta' Obama Biljuni ta' dollari f'bailout, u qed tagħmel lobbying kbir favur taxxa fuq l-enerġija minħabba t-'tisħin tal-globu' bit-tama li allura tingħata aktar sussidji mill-gvern bħala green-energy subsidies, b'żjieda mal-Biljuni li diġà qed jirċievi!
Sadattant ir-rivista Time  wara silġ rekord li għamel fl-Istati Uniti rrapurtat dwar "Snowstorm: East Anglia Coast Blizzard Tied to Climate Change'!
Imma mbagħad kien hemm min ftakar f'headline ieħor ta' kitba ta' Robert F. Kennedy fl-istess rivista sentejn ilu, li sostna li t-tisħin tal-globu kien qed jikkawża xtiewi dgħajfa fir-reġjun ta' Washington.
Ftit silġ, ħafna silġ esaġerat. Ma jimpurtahomx l-ekokatastrofisti. Għalihom dejjem u f'kull ċirkustanza t-tisħin tal-globu jaħti. Il-bniedem jaħti!

Il-Ħadd, 14 ta’ Frar 2010

JAMMETTI LI QARRQU

L-ISKANDLU CLIMATEGATE
Intefqu biljuni kbar biex 'iħaddru' d-dinja u wkoll biex jiġi ffinanzjat is-suq dubjuż tal-carbon credits (ara l-blog tas-6 ta' Frar), inħlew galluni ta' aviation fuel (u CO2!) biex iġorru 'esperti', lobbyists u politikanti għal konferenzi apokalittiċi dwar tisħin tal-globu.
Gvernijiet bidlu l-politika, mijiet ta' istituzzjonijiet akkademiċi, kurrikuli ta' skejjel sħaħ u l-prijoritajiet ta' xandara u ġurnalisti mad-dinja kollha kellhom jinbidlu – kollox f'ġieh id-dutrina ġdida li l-bniedem qed isaħħan il-pjaneta, u li jeħtieġlu jwettaq tibdil erojku u għali f'ħajtu biex isalva d-dinja milli tegħreq hekk kif jinħall is-silġ fl-Artiku.
Kollox fuq pariri tal-hekk imsejħa esperti tal-IPCC tan-Nazzjonijiet Uniti.
 Iżda wara li faqqa' l-iskandlu CLIMATEGATE li kixef kif istituzzjonijiet ta' riċerka li fuqhom kienet togħqod l-IPCC, l-aktar fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti kienu jbagħbsu u jaħbu data biex isostnu li l-bniedem kien qed isaħħan il-globu, l-Kap ta' waħda minn dawn, Phil Jones tal-Climate Research Unit Ingliza, l-bieraħ ammetta li li ftit hemm differenza bejn is-sħana tal-globu fis-Snin Disgħin u żewġ perjodi mill-1860 'l hawn, filwaqt li ammetta li mill-1995         sal-lum l-pjaneta ma saħnitx b'xi mod sinfikanti.

Dan  għamlu waqt intervista li dehret il-bieraħ fuq il-web site tal-BBC, li matulha Jones ammetta wkoll il-possibiltà li fi żmien il-Medieval Warm Period bejn s-sena 800 u l-1300 it-temperatura kienet għola minn żmienna, u allura dan jipprova li mhux veru li llum jaħti l-bniedem meta jipproduċi l-emissjonijiet ta' gassijiet serra bħas-CO2.


Fid-dawl tat-tsunami li qed jikkawża Climategate, gvernijiet, politikanti, akkademiċi u l-media qed ikollhom jikkunsidraw mill-ġdid l-aġir tagħhom f'dawn l-aħħar snin wara l-ġenn tat-tibdil fil-klima suppost kawżat mill-bniedem.


IL-PARLAMENT INGLIZ JINVESTIGA
Sadattant  il-Parlament Ingliż qed jinvestiga l-Climategate, speċifikament il-ħruġ ta' data , e-mails u dokumenti mill-Climate Research Unit tal-East Anglia University.
Is-Science & Technology Committee ta żmien sa' nhar l-Erbgħa li għaddew biex jittressqu s-sottomissjonijiet, biex imbagħad ix-xahar d-dieħel tisma' ix-xhieda.
Interessanti naraw  jekk dakinhar jidhirx il-viċi direttur tas-CRU, Keith Briffa ta' dixxendenza Maltija, li minn meta faqqa' l-iskandlu f' Novembru li għadda (imħabbar f'Malta esklussivament minn dan il-blog), ma deher imkien.
Kien hemm ukoll rapporti li Briffa sata' kien hu stess responsabbli għal-leakage tal-e mails u d-dokumenti (Blog tat-12 ta' Diċembru, 2009)

Is-Sibt, 13 ta’ Frar 2010

IL-PUNENT SE JABBANDUNA LILL-UKRAJNA?

Matul din il-ġimgħa bilkemm għaddiet ġurnata li ma smajnix dwar ir-riżultat tal-elezzjoni għall-president tal-Ukrajna fejn sal-aħħar għadd kien għad mhux magħruf min ħareġ rebbieħ. Fl-aħħar il-kummissjoni elettorali ħabbret li Viktor Janukovych, il-kandidat xellugi pro-Russja, għadda lill-Prim Ministru Ukrajna Ċentru-leminija favur il-Punent, Yulia Tymoshenko bi ftit aktar minn 3 fil-mija tal-voti, 888,000, minn total ta’ kważi 24 Miljun li marru jivvutaw.
Dan dejjem skond il-kummissjoni, li għad trid tħabbar uffiċjalment ir-riżultat nhar l-Erbgħa li ġejjin 17 tax-xahar, filwaqt li Tymoshenko m’aċċettatx ir-riżultat u l-koalizzjoni tagħha “l-Unjoni tal-Ukrajni Kollha – Patrija” mistennija tiċċalinġja r-riżultat fil-qorti,  minħabba  rregularitajiet  serji f’madwar 900 postijiet tal-votazzjoni, l-aktar f’”fortizzi” ta’ Yanukovich, fejn allura għandhom jerġgħu jingħaddu l-voti, li jammontaw għal kważi miljun, u allura jistgħu effettivament jeffettwaw r-riżultat aħħari.
Minbarra d-differenza żgħira fil-voti bejn iż-żewġ kandidati, wieħed ta’ min jinnota (ħaġa li rari semmiet mill-media internazzjonali) li 4.63%, jew ‘l fuq minn miljun ruħ ivvutaw  fuq il-kaxxa li kienet tgħid li kienu “kontra l-kandidati kollha”.
Fid-dawl ta’ dan kollu d-dikjarazzjonijiet ta’ osservaturi internazzjonali li l-elezzjoni tas-7 ta’ Frar kienet “trasparenti u onesta” (bħalma per eżempju, iddikjarat l-OSCE) dehru mgħaġġla wisq. L-istess bħal dawk ta’ għaqdiet u mexxejja internazzjonali li bagħtu jifirħu lil Yanukovich, fosthom il-President Amerikan Obama, dak Russu Putin, il-Kummissarju Ewropew Barroso u l-President tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE Van Rompuy.
Iżda, sakemm qed nikteb il-Partit Popolari Ewropew (PPE) għadu ma ħareġ l-ebda stqarrija dwar ir-riżultat imħabbar. Il-koalizzjoni ta’ Tymoshenko “Patrija” u l-Moviment Popolari tal-Ukrajna (RUKH) huma membri osservaturi tal-PPE.
Jumejn qabel l-elezzjoni, fil-5 ta’ Frar il-President tal-PPE Wilfried Martens ikkundanna t-tibdil fil-liġi elettorali għax dawk “kabbru ċ-ċansijiet ta’ falsifikazzjoni, manipulazzjoni waqt ir-tieni rawnd tal-elezzjoni”, bħalma fil-fatt issa qed tallega Tymoshenko.
Dan sata’ sar fid-distretti tal-Krimea, Donetsk u Luhansk fix-Xlokk tal-Ukrajna, minn fejn Yanukovich jikseb l-aktar voti, minħabba li hemmhekk il-popolazzjoni hija ta’ dixxendenza Russa (15-il  miljun minn popolazzjoni ta’ 48 miljun), wara li fi żmien l-Unjoni Sovjetika r-Russja kienet kompliet imliet dawk ir-reġjuni b’ċittadini Russi, filwaqt li ‘eżiljat’ lill-Ukrajni.
Ir-Russja, infatti, anki jekk, uffiċjalment ma baqgħatx Komunista, bagħqet ma tistax tniżżilha li, mal-isfaxxar tal-imperu Sovjetiku, tilfet il-pajjiżi satelliti li ħakmet wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u l-aktar appuntu l-Ukrajna. Dan għal raġunijiet strateġiċi aktar milli ta’ prestiġju nazzjonali u internazzjonali.
Infatti meta r-Russja tilfet l-Ukrajna (l-ikbar fost il-pajjiżi li kienet taħkem) tilfet ukoll ‘barriera ta’ difiża’ naturali, il-muntanji Karpazji, li tul is-sekli dejjem ddefendewha minn attakki mill-punent tagħha. B’hekk illum ir-Russja hija vulnerabbbli, esposta għall-pressjoni minn kullimkien: mill-Ewropa fil-punent, miċ-Ċina fix-xlokk, u mill-Islamiċi fin-nofsinhar, f’medda art kbira li kważi mpossibbli tikkontrollaha u tħarisha kollha f’salt.
Kieku jerġa’ ikollha l-Karpazji bħala fruntiera fil-punent, ir-Russja tnaqqas mhux ftit il-piż enormi ta’ difiża (militari, iżda wkoll ekonomiku, ta’ intelligence, industrjali u diplomatiku), u b’hekk tikseb ftit aktar kapaċità offensiva. Kieku dan jiġri jinkwieta żgur lill-pajjiżi eks-satelliti tar-Russja, l-aktar dawk fil-punent tagħha – bħall-Ġorġja, il-Polonja u l-Litwanja, Latvja u Estonja ­– li rnexxilhom jinqatgħu mill-influwenza Russa u jersqu lejn il-Punent, anzi lejn l-Unjoni Ewropea.
Jekk l-Ukrajna terġà tispiċċa fl-orbita tar-Russja – bħalma jidher li lest jagħmel Yanukovich jekk jiġi konfermat li rebaħ hu – il-mixja ta’ dawn lejn il-Punent, u probabbli wkoll lejn l-istess sistemi demokratiċi ħielsa tispiċċa mhedda wkoll. Oħrajn aktar dgħajfa, bħal Belarus, l-Ażerbajġan u l-Każakistan diġà bdew ‘jimmollaw’ hekk kif qed jaraw tikber il-prepotenza ta’ Moska – effett domino, insomma.
Barra  minhekk fattur ieħor li qed jagħti r-riħ lir-Russja huwa li Obama qed iħossu mgħobbi wisq bil-kriżi ekonomika, bir-riforma tas-saħħa li ntrabat magħha, żewġ gwerer (Aghanistan u l- Iran) u l-elezzjonijiet mid-term f’Novembru, u qed jittraskura, jekk mhux ukoll jagħti l-ġenb (mhux se jattendi s-Summit tal-UE fi Spanja f’Mejju) lill-Ewropa.
Għal dawn ir-raġunijiet u biex jiġi evita l-effett domino, il-Punent jagħmel sew jaħsibha sew qabel jiddikjara t-tmiem tar-rivoluzzjoni popolari Oranġju tal-2004 kontra l-istess Yanukovich, li dakinhar ipprova jisraq l-elezzjoni presidenzjali.
 Filwaqt li hu veru li s-sitwazzjoni fl-Ukrajna hija wkoll frott ta’ tilwim u piki interni bejn il-qawwiet taċ-Ċentru-lemin (speċifikament bejn iż-żewġ mexxejja tar-Rivoluzzjoni Oranġjo Tymoshenko  u Yushenko), wieħed irid jammetti, bħalma ddikjaraw din il-ġimgħa żewġ deputati tal-PPE, il-Portugiż Mario David u l-Estonjan Tunne Kelam, li xi membri fl-Unjoni Ewropea kaxkru wisq saqajhom lejn is-sħubija tal-Ukrajna fl-UE, forsi biex ma jirritawx lir-Russja.
Dan m'għandux għalfejn ikun, u m'għandux ikun, u jekk Obama dabbar rasu, l-Ewropa ma jaqblilhix tagħmel bħalu u tabbanduna lill-Ukrajni.

Il-Ġimgħa, 12 ta’ Frar 2010

Obama se jkun President ta' darba waħda?



Wara li minn diversi stħarriġ tal-opinjoni pubblika l-President Amerikan Barak Obama rriżulta l-inqas president popolari fl-istorja wara l-ewwel sena fil-kariga, f'dawk ta' madwaru bdiet tinbet il-biżà li probabbli Obama jista' jispiċċa wieħed mill-ftit presidenti Amerikani li ma jirnexxielux iservi t-tieni mandat, wara l-elezzjoni tal-2012.
Issa jidher li din il-biżà qed tirkeb lill-istess Obama. Araw x'qal waqt intervista esklussiva li ta dan l-aħħar lin-network ABC:
Wara dan il-kliem tiegħu diversi osservaturi nnutaw li jekk president fil-fatt ikun mexxa tajjeb, żamm il-wegħdiet li għamel waqt il-kampanja elettorali, u kkonvinċa lil dawk li tellgħu li hu ggverna fl-aħjar interess tal-pajjiż, allura probabbli dan jerġa' jagħżlu biex ikompli jmexxih. Mhux hekk?!
Mill-43 president 27 minnhom servew għal aktar minn term wieħed. Is-16 l-oħra ma kienx irnexxilhom jirbħu elezzjoni presidenzjali oħra. Tgħid Obama se jkun is-17-il wieħed?
Hafna jiddependi wkoll minn kemm ir-Repubblikani se jirnexxilhom isibu kandidat tajjeb biżżejjed. Diġà qed tissemma Sarah Palin, li kkontestat għall-kariga ta' Viċi-President ma' McCain. Iżda ssemma' wkoll Scott Brown li għadu kemm għamel rebħa storika fl-istat-fortizza ta' Obama, Massachusetts, biex b'hekk id-Demokratiċi tilfu l-maġġoranza assoluta li kellhom fis-Senat sa' xahar ilu.
Għad fadal sentejn għal elezzjoni oħra, iżda f'Novembru li ġej se jsiru dawk mid-term, fejn il-probabbiltà hija li r-Repubblikani jkomplu jnaqqru mill-maġġoranza ta' Obama fil-Kungress.

Is-Sibt, 6 ta’ Frar 2010

Il-KLIMA L-IKBAR KUMMERĊ TA' ŻMIENNA?

Illum – wara li faqqa’ l-iskandlu tal-Climategate – aktar minn qatt qabel qed toħroġ il-verità li l-bniedem jaħti ftit li xejn għat-tibdil fil-klima, b’mod partikulari għat-tisħin tal-globu, bil-ħruġ tal-gassijiet serra (CO2), li dawk li jiena nħobb insejjaħ ekokatastrofisti jew ekoterroristi jibqgħu jinsistu dwaru. Għaliex, iżda, dawn jibqgħu iwebbsu rashom? Għaliex jibqgħu jinsistu, b’arroganza liema bħala, li aħna, l-bniedem kapaċi jeffettwa, jbiddel il-klima tal-pjaneta tagħna, jikkontrolla l-klima, jekk mhux ukoll iwaqqaf it-tibdil naturali tal-klima?!
Bħalma kelli okkażjonijiet oħra nistaqsi: jista’ il-bniedem jikkontrolla meta u kemm tinżel ix-xita jew kemm tagħmel kesħa jew sħana? Jista’ iwaqqaf ir-riħ?  LE.
Allura għaliex dawn ikomplu jinsistu fl-argumenti illoġiċi, arroganti tagħhom?
It-tweġiba tinsab biss f’ kelma waħda b’erbà ittri: F L U S.
Huwa għalhekk li wara Climategate (li dan il-blog, x’aktarx uniku f’Malta, ilu jsegwi sa’ mill-bidu tiegħu f’Novembru li għadda), qed dejjem jiżdiedu l-appelli biex l-eluf kbar ta’ miljuni li ntefqu u qed jintefqu fil-qasam tal-klima jiġu kontrollati, awditjati bis-serjetà u b’responsabbiltà.
Illum qed jinkixef dejjem aktar monopolju f’din ix-xjenza, dominata minn dawk li għandhom interessi, aġenda preċiża, motivati aktar minn preġudizzji milli frott ta’ riċerka prattika, konkreta u mhux spekulativa, sperimentali, fuq mudelli mbagħbsa.
Iżda x’inhi din l-aġenda? X’inhuma dawn l-interessi?
Kelli okkażjonijiet, drabi oħra, nuri kif illum hemm min jaqla’x’jiekol, anzi jiffanga b’mod dirett minn din it-teorija ta’ “tibdil fil-klima, tisħin tal-globu ħtija tal-bniedem”.
Hekk kif gvernijiet, awtoritajiet u politiċi, jkomplu jirrealizzaw kemm din hija biss, appuntu, teorija xejn ippruvata mill-fatti u mir-riċerka, l-impjiegi jew dħul finanzjarju kbir ta’ konsulenti jew “esperti”, jispiċċalhom. Iżda hawn mhux qed nitkellmu biss dwar dawn il-konsulenti jew psewdo-esperti (li anki f’pajjiżna ma jonqsux), imma wkoll impjegati sempliċi li jagħmlu xogħol ta’ rutina ma’ dawn l-istess konsulenti jew inkella ma’ istituzzjonijiet ta’ suppost riċerka xjentifika, bħall-Climate Research Unit tal-East Anglia University fl-Ingilterra minn fejn oriġina, appuntu, l-Climategate, u anki ġurnalisti u opinjonisti li ilhom tant snin imexxu din it-teorija qarrieqa.
Wieħed għalhekk jifhem għaliex dejjem aktar hemm min qed jinsisti għall-kontroll, awditjar xieraq ta’ fejn u fuqiex eżatt dawn il-flejjes kbar qed jintefqu bl-aktar mod ‘partiġġjan’ u xejn xjentifiku.
Imma dawn il-flus huma biss peanuts, “karawett”, ħdejn l-eluf kbar ta’ miljuni li hemm min qed idaħħal kemm mill-industrji tal-enerġija alternattiva (prinċipalment minflok iż-żejt u l-faħam), u aktar u aktar mis-suq tal-kummerċ fil-carbon credits li llum diġà hu kkalkulat li globalment ileħħaq il-fuq minn 126,000 Miljun Dollaru, jew mal-100,000 Miljun Ewro fis-sena, iżda li l-esperti qed ibassru li dan se jilħaq bejn iż-Żewġ u l-10 TRILJUN Dollaru jew is-7 TRILJUN Ewro, biex b’hekk il-karbonju jsir l-ikbar single comodity  fil-kummerċ, saħansitra aktar prezzjuż kemm miż-żejt kif ukoll il-faħam!
Għal min jafx dan il-carbon trading huwa sistema vvintata proprju wara li gvernijiet u istituzzjonijiet, minn ta’ quddiemnett n-Nazzjonijiet Uniti, ġew konvinti mix-‘xjenzjati’, riċerkaturi u ‘esperti’ li semmejt qabel, li l-ħruġ tal-gassijiet serra, CO2 kien qed jeffettwa l-klima tal-pjaneta tagħna u l-konsegwenti tisħin tagħha, u li biex il-bniedem jiskansa effetti, riperkussjonijiet mill-aktar katastrofiċi apokalittiċi, li bħalhom naraw biss fil-films, kien jeħtieġlu mmedjatament inaqqas, jew aħjar iwaqqaf għal kollox il-ħruġ ta’ dawn il-gassijiet.
Għalhekk kien ġie ffirmat il-Protokoll ta’ Kjoto, li meta ndunaw li dan kien se jfalli fil-miri tat-tnaqqis li diversi pajjiżi għaġġlu jintrabtu li jwettqu, bdew iħaddmu s-sistema ‘inġenjuża’ li min jippoduċi CO2 inqas mill-kwota ta’ dħaħen li jkun ingħata, jista’ ibiegħ dik id-differenza lil ħaddieħor  biex dan ipatti               għall-emissjonijiet li ma jkunx naqqas skond l-obbligazzjonijiet li kien intrabat bihom.
Għal dan  is-suq twaqqfu trading platforms apposta (fl-Ewropa hawn xi sitta).


Iżda dan is-suq, in-negozju ġdid diġà inkixef li qed jinħataf mill-kriminalitá organizzata. 


F’Diċembru li għadda l-Europol ħabbret każ serju ta’ frodi ta’ mhux inqas minn 5 BILJUN Ewro (ara l-blog tat-12 ta’ Diċembru,2009).
Għalhekk ukoll wieħed jirrealizza wkoll kif dawk kollha li qed idaħħlu Biljuni ta’ Ewro u Dollari m’għandhom l-ebda interess jew inċentiv li jinkixef is-sehem irrelevanti tal-bniedem jew tas-CO2 fit-tibdil fil-klima. 
Anzi pjuttost il-kontra:li dan il-fatt jinħeba bħalma nqabdu li għamlu x-‘xjenzjati’ mdaħħla fl-iskandlu Climategate.

It-Tnejn, 1 ta’ Frar 2010

IPPROVA JAĦBI L-VERITÀ



Skond it-Times ta' Londra, Rajendra Pachauri, Chairman tal-International Panel of Climate Change (IPCC) kienu qalulu li l-assessment tal-IPCC lis-silġ magħqud mal-ġnub tal-muntanji fl-Artiku kien se jdub kollu sal-2035 kien żbaljat, iżda hu stenna xagħrejn sħaħ qabel xorta kellu jħabbar dan. Dan  minkejja li kienu ħafna l-glaċjoloġisti li qalulu diversi drabi ma qablux ma' dak l-assessment.


MA' MIN RAJTEK XEBBAĦTEK !


F'tejp awdjo li tfaċċa matul il-ġimgħa li għaddiet  it-terrorista ewlieni Islamiku Osama Bin Laden iddikjara li anki hu jemmen fit-tisħin tal-globu u li dan qed jikkawżah il-bniedem. 


Min jitterrorizza mod u min jagħmel dan mod ieħor.

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide