Il-Ġimgħa, 21 ta’ Jannar 2011

Tkompli s-saga kontra Berlusconi

ISSA QED JISSERVEW UKOLL BIL-VATIKAN!
Il-Prim Ministru Berlusconi waqt laqgħa riċenti
mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan,
il-Kardinal Tarcisio Bertone
Ma baqax x'ma jippruvawx jagħmlu biex iwaqqgħu l-gvern, iżda l-aqwa u l-aktar arma xierqa biex jinbidel gvern elett b'maġġoranza kbira mill-poplu, l-elezzjoni xorta jibżgħu minnha.
Qed nirreferi għall-oppożizzjoni fl-Italja, iżda mhux biss. Hemm ukoll media preġudikata (anki 'reliġjuża', bħar-rivista Famiglia  Cristiana - ara hawn taħt) u parti mill-maġistratura politiċizzata.
Ma felħux ma jistrumentalizzawx anki kummenti tal-Kardinal Tarcisio Beretone, Segretarju tal-Istat tal-Vatikan,u wara mill-Papa.
Dawn appellaw għal "aktar moralità, ġustizzja u legalità minn kulħadd, u l-aktar minn dawk li għandhom responsabbiltà pubblika fi kwalunkwe struttura amministrattiva, politika u ġudizzjarja".
Bħalma qed taraw appelli ġenerali li ma jirreferu għal ħadd partikulari la fil-politiika u lanqas fil-qrati.
Iżda l-armata anti-Berlusconi xorta waħda dawru l-appelli tal-Vatikan bħala kritika lill-Prim Ministru Taljan, u s-solita media, inkluża dik lokali, rrepetew bħall-pappagalli, dan il-qerq, u komplew żejnuh billi ħawruh mal-allegazzjonijiet li qed isiru dwar parties privati fir-residenzi ta' Berlusconi.

ATTENTI MILL-FAMIGLIA CRISTIANA !
Ir-rivista ta' kull ġimgħa maħruġa mis-Società Paolina Famiglia Cristiana tagħlaq 80 sena s-sena d-dieħla. Għal ħafna minn dawn is-snin kienet rivista rispettata ferm għall-familja kollha li kienet titqassam b'xejn fil-parroċċi. Iżda anki meta bdiet tinbiegħ baqgħet popolari ferm. Iżda minn meta 12-il sena ilu ħadha f'idejh Don Antonio Sciortino u nagħtat dehra ġdida bdiet sejra lura għax saret dejjem aktar politiċċizzata.
Spiċċat ukoll tlaqqat għadd ta' libelli. Għaliex?
Għax għal xi raġuni l-editur ma jitlifx okkażjoni biex jikkritika u jattakka lill-Prim Ministru Taljan Berlusconi. Dan wassal biex minn 640,000 koppja li kienet tbiegħ sa' ħames snin ilu issa waslet għal 490,000, tnaqqis ta' 150,000, u dan qed jinkwieta bis-sħiħ lill-Editrice San Paolo.
Aktar u aktar meta r-rivista qed tieħu l-fama ta' l'Unità  (l-organu tal-Komunisti Taljani) oħra. Saret, infatti, tagħmel parti mill-istampa xellugija li tattakka lil 'berlusconiżmu' fuq kollox u għal kollox.
Jattakkah mhux aktar fuq prinċipji u ideali, iżda bi qlajjiet, suspetti u tfiegħ ta' tajn.
Nofs ir-rivista kull ġimgħa qed tkun dedikata lill-"ħsara" li qed jagħmel il-"mostru ta' Arcore" (il-villa tal-Prim  Ministru).
Dawn huma ftit mit-titli fir-rivista f'dawn l-aħħar sentejn:
"La costituzione dimezzata"; "Un Paese senza leader"; "Berlusconi al tramonto"; "Berlusconi è malato e fuori controllo";"Premier in declino per sette lettori su dieci' (mhux bilfors jekk jemmnu f'kollox lir-rivista!) u tant oħrajn.
Xi  ngħidu mbagħad għall-kontenut: lingwaġġ li joxxilla bejn l-kalunja u l-vulgari. Jekk Berlusconi jieħu interess personali fil-problema tal-iskart f'Napoli allura jsir "il-kennies". Jekk il-gvern tiegħu 'jarma biex jikkontrolla l-klandestini jqabbluh "mal-atroċitajiet tan-Nażisti kontra t-tfal", minħabba din it-tixbiħa don Sciortino spiċċa mħarrek mill-Ministri Roberto Maroni.
Jekk is-suldati jintbagħtu jagħmlu r-rondi mal-pulizija fit-toroq tal-Campania allura l-Italja "tinstab fl-intrata tad-dittatorjati Sudamerikani". Jekk jiddefendi l-liġi Alfano (dwar l-amministrazzjoni tal-liġi) mill-attakki ta' imħallfin politiċizzatii? Allura huwa "arroganti u qed iħejji r-ritorn għall-faxxiżmu". Tistħajlek qed tisma' lil Di Pietro li però dak mhuwix qassis. Jekk Fini jitlewwem ma' Berlusconi, allura tal-ewwel huwa l-vittma u l-ieħor it-tirann.
Insomma jekk nibqà sejjer ma nispiċċa qatt. Qed  ngħid dan kollu, biex min għadu jixtri u jaqra din ir-rivista għax forsi jħossu dmiru jgħin u jinforma ruħu mill-istampa reliġjuża ma jitqarraqx aktar.

L-Erbgħa, 19 ta’ Jannar 2011

Jissaħħaħ il-Gvern ĊentruLemini Fl-Italja

BERLUSCONI JERĠÀ IKABBAR IL-MAĠĠORANZA
Bi 305 voti favur u 285 kontra l-lejla l-gvern ĊentruLemini Taljan kabbar il-maġġoranza għal 20 deputat wara li f'Diċembru, kontra kull stennija u xewqa ta' uħud, kien għeleb vot ta' sfiduċja.
Il-votazzjoni kienet fuq relazione tal-Ministru tal-Ġustizzja Alfano, dwar l-amministrazzjoni tal-ġustizzja.
Ivvutaw kontra l-oppożizzjoni tal-Partito Democratico u l-partit ta' DiPietro, kif ukoll l-hekk imsejjaħ Terzo Polo ta' Fini-Casini-Rutelli. 
Il-vot favorevoli tal-lejla kien possibbli wara li twaqqaf grupp parlamentari mħallat ġdid imsejjaħ "Iniziativa Responsabile" magħmul mit-12 il-deputati tal-partit ġdid Noi Sud (li kienu telqu mill-MPA ta' Sqallija, talli dan kien vvota kontra l-amministrazzjoni taċ-Ċentru-Lemin, biex poġġa liċ-Ċentru-Xellug fit-tmexxija tal-gżira, kontra r-rieda tal-votanti Siċiljani), u oħrajn li telqu minn diversi partiti bħal dak ta' Fini, Rutelli u ta' DiPietro, b'kollox 21 deputat li, bħalma qal Alfano, jiggarantixxu lil-gvern jibqà sejjer sa' tmiem il-leġislatura.


VIDEOMESSAĠĠ IEĦOR...
Sadattant, ftit ilu xxandar videomessaġġ ieħor li l-Prim Ministru Taljan li bagħat lill-grupp ta' attivisti tiegħu msejħa "Promotori della Libertà", li matulu, filwaqt li wera kif bil-vot tal-lejla l-gvern tac-CentroDestra ssaħħaħ, ħabbar li fikwaqt li lest, anzi jixtieq jidher malajr kemm jista'  jkun  malajr fil-Qorti ħalli dan il-każ ifittex jingħalaq, u hu jun jistà jkompli fuq xogħlu, ma kienx beħsiebu jidher quddiem it-Tribunale ta' Milan fi tmiem-il ġimgħa, għax dak m'għandux kompetenza dwar il-każ, filwaqt li nkiser dak li tgħid il-Kostituzzjoni Taljana f'każ ta' stħarriġ li fih jkun imdaħħal il-Prim Ministru.
Naturalment tkellem fit-tul dwar kemm inkisru liġijiet f'din l-inkjesta dwaru u dwar dak li seħħ fil-villa privata tiegħu f'Arcore tul sena sħiħa, u li fihom kien hemm impenjati mhux inqas minn 150 pulizjott.
Il-messaġġ sħiħ tistgħu tarawh hawn taħt:

u taqrawh hawnhekk:

RUBY: "QATT MA KELLI X'NAQSAM MAL-PRIM MINISTRU"
Tard il-lejla wkoll, iż-żeffien Marokkina tgħix fl-Italja, li tant issemmiet dan l-aħħar, Karima el Mahroug, jew Ruby, ċaħdet li qatt kellha x'taqsam mal-Prim Ministru Taljan, "veru tani 7000 Ewro, iżda qatt ma missni". Tiftakar ukoll li meta ppreżentat ruħha lil Berlusconi – li kien wara biss li saret taf li kien il-Prim Ministru – gidbitlu li kellha  filwaqt li kompliet tgħid li "Assolutament mhux veru li jiena għidt lil xi ħadd li tlabtu 5 miljuni".
L-intervista sartilha minn Alfonso Signorini, editur ta' Sorrisi e Canzoni u Chi, waqt il-programm ta' kull nhar ta' Erbgħa fil-11.00pm "Kalispera". Fl-aħħar tal-intervista deher il-boyfriend magħha wkoll.

Il-Ħadd, 16 ta’ Jannar 2011

Messaġġ ta' Silvio Berlusconi

IL-PRIM MINISTRU TALJAN JGĦID IL-FATTI KOLLHA
Il-lejla l-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi ddecieda li jiċċara l-verità bil-fatti kollha wara attakk ieħor minn sezzjoni giudizzjarja-medjatika preġudikata fuq is-suppost "każ Ruby".
F'messaġġ li xxandar mill-mezzi tax-xandir ewlenin Berlusconi fost ħwejjeġ oħra qal li:

"...E’ gravissima, è inaccettabile, è contro la legge, questa intromissione nella vita privata delle persone.
Perché quello che i cittadini di una libera democrazia fanno nelle mura domestiche riguarda solo loro.
Questo è un principio valido per tutti e deve valere anche per me.
Del resto nessuno può essere rimasto turbato da quelle serate perché tutto si è sempre svolto all’insegna della più assoluta eleganza, del più assoluto decoro etranquillità e senza nessuna, nessuna implicazione sessuale.
Tutti i partecipanti a quelle serate hanno rilasciato al riguardo dichiarazioni inequivocabili.
Del resto io, da quando mi sono separato, ma non avrei mai voluto dirlo per non esporla mediaticamente, ho avuto uno stabile rapporto di affetto con una persona che ovviamente era assai spesso con me anche in quelle serate e che certo non avrebbe consentito che accadessero a cena, o nei dopo cena, quegli assurdi fatti che certi giornali hanno ipotizzato...."
Dawn huma biss uħud mill-frażijiet tal-Prim Ministru Taljan.

Hawnhekk tistgħu taraw u tisimgħu l-messaġġ kollu li jduma ftit aktar minn 8 minuti:


It-Tibdil fil-Klima

SHANA, KESĦAĦRUQ, XITA, SILĠ, GĦARGĦAR ...KOLLU TORT TAL-GLOBAL WARMING !!!
Normlament nies normali, ma jassoċjawx il-kesħa kbira, xita, silġ, borra qawwijin u għargħar mas-sħana. Mhux hekk? LE?! Għallinqas mhux hekk jirraġunaw dawk li jiena nħobb insejjaħ Ekokatastrofisti. Għal dawn din ix-xita, silġ, borra u għargħar  u kesħa likulħadd qed iħoss j nara huma tort, jkawżati mill-bniedem għax bl-emissjoni tal-gassijiet serra, jew CO2 qed isaħħan id-dinja tagħna u se jwassal għall-qirda tal-globu f'qasir żmien!
Dawn l-istess nies fis-Snin Sebgħin kienu ppruvaw iwerwru li fuq id-dinja kienet ġejja era glaċjali għax it-temperaturi kienu bdew neżlin!
Wieħed mill-profeti ewlenin ta' din il-katastrofi imminenti tal-lum m'huwa ħadd għajr l-eks Viċi President Demokratiku Amerikan Al Gore li fl-2007 fil-Kungress kien semma', lill-Awstralja bħala eżempju tal-"konsegwenzi diżastrużi tal-global warming". Kien 'werwerihom li huwa l-global warming li jaħti għan-nixfa, in-nuqqas ta' xita li l-Awstralja ilha tbati minnha 1000 sena !!!!
Issa, erba' snin wara, ġimgħa ilu kien qed jitkellem fil-kapitali tal-Indoneżja, Ġakarta, u wissa  lil għadd ta' uffiċjali governattivi, negozjanti u NGOs b'"kaos mingħajr preċedent fid-dinja" jekk l-isforzi li kienu qed isiru biex jitrażżnu t-temperaturi jfallu.
Gore semma' bħala eżempji l-għargħar devastanti fl-Awstralja u fil-Pakistan u, fl-istess nifs in-nixfa li kienet ħakmet lir-Russja s-sena li għaddiet! Donnu nesa' x'kien qal dwar l-istess Awstralja lill-Kungress Amerikan erba' snin ilu!
Imma din is-suppervja ta' Gore hija tipika ta' dawn l-ekoterroristi li jaħsbu li jistgħu jibqgħu jitmejlu b'kulħadd il-ħin kollu.
Din il-ġimgħa li għada kemm intemmet, imbagħad erġajna smajnihom jgħidulna li s-sena li għaddiet, l-2010, kienet l-aktar waħda sħuna f'dawn l-aħħar 150 sena. 1.12 Gradi F (0.62˚Ċ) għola minn 'normal' (57˚F - 14˚Ċ)
Propronent  ewlieni tat-teorija li d-dinja qed tisħon tort tal-bniedem (AGW – Anthropogenic Global Warming), l-Amerikan James Hansen tan-NASA spjega kif l-2010 hija differenti mill-2005 b'0.018˚ Fahrenheit biss, u kompla billi nhar il-Ħamis ammetta li "mhux daqstant importanti jekk l-2010, 2005 jew l-1998 kienux l-aktar sħan skond ir-records." Skond l-istess NASA l-ebda waħda mill-aġenziji li jiġbru d-data ma jaqblu ma'  xulxin, u dan qed joħloq konfużjoni kbira.
Espert ieħor, din id-darba l-klimatoloġist Patrick  Michaels spjega lill-ġurnal USA Today tat-12 ta' Jannar, li "Jekk toħroġ linja ta' tendenza mid-data, din tkun pjuttost ċatta mis-Snin 90. Ma toħroġx xi tendenza, xejra partikulari matul dawn l-aħħar 12-il sena. Barra minhekk tajjeb wieħed jinnota li l-pjaneta bil-mod, b'mod naturali, sa' mill-1850, mat-tmiem tal-Era Glaċjali Żgħira (Little Ice Age).
Jiġifieri n-nitfa iżjed f'temperatura ma jistax jittieħed bħala sinjal ta' xejra sinifikanti, għax allura x'se  ngħidu jekk naraw li f'dawn L-AĦĦAR SITT XHUR, jiġifieri fl-istess perjodu ta' dawn id-diżastri naturali kollha, it-temperatura globali naqset b'0.7  Ċ , u mill-bidu ta' Jannar din diġà niżlet għal -0.1 Ċ sakemm qed nikteb. KOLLOX RIŻULTAT TA' TIBDIL ĊIKLIKU NATURALI !!

Fl-Italja Erġajna Koppi!

INTILEF L-EKWILIBRJU BEJN IL-POLITIKA U L-QRATI
Il-Prim Ministru Taljan
Silvio Berlusconi
Bhalma kont ikkummentajt fi blog ieħor f'Novembru li għadda l-oppożizzjoni Xellugija fl-Italja ma titgħallem qatt. Fejn ma tasalx permezz tal-vot tal-poplu, u tkompli tittanta b'kull mezz iehor biex twaqqa' il-gvern ĊentruLemini, l-aktar wieħed sod u dewmieni fl-istorja parlamentari demokratika tal-Italja.
B'hekk qed tkompli tipprova tasal bil-gossip u l-kompliċità ta' ċerti qrati politiċiżżati, fosthom l-istess Corte Costituzioinale, jew Consulta (kif ġieli tissejjaħ).
Din il-qorti – li ta' min nifakkar li 11 mill-15-il imħallef li jiffurmawha, huma dikjaratament xellugin – proprju din il-ġimgħa ssentenzjat li l-liġi msejħa tal-"legittimo impedimento", (li kienet tiskuża akkużati u xhieda f'karigi għolja governattivi milli jattendu seduti tal-qorti meta jkunu okkupati b'xogħol tal-gvern), in se ma tmurx kontra l-Kostituzzjoni Taljana, iżda interpretat l-ewwel artiklu fis-sens li tkun il-qorti individwali li quddiemha qed jinstema' il-każ partikulari, li tiddeċiedi hi jekk tikkunsidrax ir-raġuni mogħtija mill-uffiċjal tal-gvern biex ma jattendix is-seduta, hix valida jew le.
B'"kumbinazzjoni"imbagħad, proprju l-għada ta' din is-sentenza, jiġifieri l-bieraħ il-Ġimgħa, il-Procura ta'  Milan għaġġlet fetħet każ kontra l-Prim Ministru Silvio Berlusconi ta' investigazzjoni f'allegata kompliċità fi prostituzzjoni ta' żeffiena tan-nightclubs magħruifa bħala Ruby, meta din kien għadha ma għalqitx 18-il sena.
L-istess Ruby mill-ewwel kienet iddikjarat li qatt ma kellha x'taqsam ma' ħadd sesswalment waqt xi parties li kienu jsiru fir-residenza privata ta' Berlusconi, u wisq inqas mal-Prim Ministru.
Filwaqt li ma jitwemminx kif ċerti maġistrati lesti jaħlu l-ħin tagħhom u r-risorsi tal-qrati u l-pulizija f'każijiet daqstant ridikoli, Berlusconi kompla jiddikjara li hu m'għandu xejn x'jaħbi u qed jistenna bil-ħerqa li jiddefendi ruħu fil-qorti. Hu ssejjah biex jidher bejn nhar il-Gimgħa 21 u l-Ħadd 23 ta' Jannar.
"Li kieku kelli nieħu inizjattivi bħal dawn bis-serjetà, meta fir-realtà mhumix, kont ngħid li issa qed jinqabeż kull limitu, li din mhi xejn għajr persekuzzjoni politika",  bis-solita media xxerred seksik u gossip  f'servizz ta' diżinformazzjoni.
Din il-perskuzzjoni politika ssarfet hekk:
Minn kemm ilu li ħareġ għall-politika kontra Berlusconi saru 105 inkjesti ġudizzarji;
Inbdew 28 ġuri li minn 10 minnhom ħareġ liberat u 13 ġew arkivjati (sadattant l-ebda maġistrat ma ħallas tal-iżbalji ġudizzjarji), filwaqt li 5 minnhom għadhom miftuħa.
Ġuristi serji u anki membri emeriti tal-Corte Costituzionale, bħall-President Emeritus Antonio Baldassare, jħossu li s-soluzzjoni għal din il-kriżi bejn l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiżi hija li bla telf ta' żmien jerġà jiġi ristabbilit l-ekwilibrju bejn il-politika u l-ġudikatura.
Dan jista' jsir billi terġà tiddaħħal  klawsola importanti li teżisti fil-pajjiżi kollha demokratiċi tal-Punent, li kienet tneħħiet mill-Kostituzzjoni Taljana fl-1993, konsegwenza tal-iskandli msejħa "Mani Pulite" fi żmien il-Prima Repubblica.
F'Artiklu 68 tal-Kostituzzjoni tal-Italja kien hemm klawsola li kienet tgħid li, sakemm individwu jkun membru parlamentari, ma jistgħux jittieħdu l-ebda passi ġudizzjarji kontrih mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Parlament, sakemm, naturalment, ma jinqabdx fil-fatt iwettaq  delitt li għalih hemm mandat jew arrest.
Il-mibki President Emeritus tar-Repubblika Francesco Cossiga fl-2008 kien ressaq Abbozz ta' Liġi biex dik il-klawsola terġà tiddaħħal fil-Kostituzzjoni Taljana, iżdal leħaq miet f'Awwissu li għadda.

Il-Ħadd, 9 ta’ Jannar 2011

Il-persekuzzjoni tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna

TYMOSHENKO SE TITĦALLA TMUR BRUSSELS?
Julia Tymoshenko barra l-bini tal-Qorti
Wara l-istedina li saritilha mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julia Tymoshenko qed tħejji biex aktar tard dan ix-xahar tmur Brussels ... dejjem jekk jagħtiha permess il-gvern Soċjalista tal-President Yanukovich, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isir awtoritarju.
Infatti bħalissa Tymoshenko ma tistax toħroġ mill-kapitali Kiev, aħseb u ara mill-pajjiż, minħabba li qed tiġi investigata fuq akkuża li meta kienet Prim Ministru, użat flus mill-fond tal-bejgħ tal-kwota tal-gassijiet serra (greenhouse gases) biex setgħu jitħallsu l-pensjonijiet.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio Lopez-Istruriz, stieden lil Tymoshenko għall-laqgħat biex jiġu analizzati r-rakkomandazzjonijiet  maqbula kontra t-tnaqqir tad-demokrazija fl-Ukrajna,  bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Infatti l-oppożizzjoni Ukrajna issa ilha żmien vittma ta' dejjem aktar miżuri ta' persekuzzjoni, partikularment wara r-riżultati tal-elezzjonijiet lokali saru f'Ottubru li għadda u li taw rebħa lill-partit ta' Yanukovich, wara tibdil fl-aħħar jiem tal-liġijiet elettorali, b'mod li taw vantaġġi inġust lill-partit fil-gvern.  Miżuri li ġew ikkundannati kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-gvern Amerikan, fost oħrajn.
Il-kap tal-partit Batkivschyna (Patrija), għalhekk, għandha tmur Brussells tiltaqà ma' għadd ta' politiċi ewlenin Ewropej sabiex tiddiskuti dan t-theddid għad-demokrazija u l-libertà fl-Ukrajna.
Kemm l-akkużi kontra Tymoshenko huma motivati politikament joħroġ mill-fatt li l-ewwel dawn l-akkużi kienu jgħidu li hi kienet użat flus mill-fond tal-gassijiet serra biex jitħallsu l-pensjonijiet, u issa l-prosekuzzjoni qed tgħid li dawk il-flus intużaw għal xi ħaġ'oħra.
Dan għax naturalment ħassewhom imbarazzati li jiħxtu lill-mexxej tal-ikbar partit fl-oppożizzjoni fil-ħabs għax għamlet ħilitha biex l-pensjonanti ma jbatux fi żmien ta' kriżi, u għalhekk isss vvintaw xi ħaġa oħra.
(Ara wkoll il-blogs ta' Frar, Marzu u Mejju tas-sena l-oħra) 

Jitneħħew l-omm u l-missier mill-passaporti Amerikani

OBAMA JKOMPLI JAQLEB ID-DINJA TA' TAĦT FUQ!
Mill-1 ta' Frar li ġej, meta xi ħadd jiġi biex jimla' il-formola biex japplika għall-passaport fl-Istati Uniti u jinkludi fih l-ulied, mhux se jsib aktar il-kliem  "Missier" u "Omm" li jrid jimla' maġenbhom!
Infatti, minflok, id-Dipartiment tal-Istat u dak tal-Ġustizzja fl-amministrazzjoni ta' Barak Obama, aċċettaw li jinkiteb il-kliem "L-Ewwel Ġenitur" u "It-Tieni Ġenitur", fi sforz ċar, imqanżah, biex jikkuntenta lill-koppji gay li jirnexxilhom jiksbu d-dritt xejn naturali li jadottaw u jrabbu wild li mhuwiex, u ma jistà qatt ikun tagħhom it-tnejn – ġaladarba biex isir konċepiment naturali, dan bilfors irid isir bl-att sesswali bejn mara u raġel.
Fi kliem Tony Perkins, President tal-moviment pro-famlilja, Family Resarch Council (FRC) Amerikan, dan it-tibdil huwa biss frott tal-mentalità, tad-dinja ta' taħt fuq kif jarawha u jriduha l-politically correct Xellugin Demokratiċi, u żgur ma jistax jitqies bħala titjib, 'progress'.
Hu kompla jispjega li dan m'hu xejn ħlief parti minn pjan biex jattwa l-kawża taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess u 'ġenituri' omosesswali, lesbiċi fuq skala nazzjonali, mhux aktar lokali,  mingħajr ma jemenda uffiċjalment il-liġijiet, issa li Obama tilef il-maġġoranza li kellu fil-Kungress.

Is-Sibt, 8 ta’ Jannar 2011

It-Terroriżmu Islamiku

MHUX BISS IL-PUNENT, ISSA L-INSARA !

L-inkwadru tal-Kruċifiss imċappas bid-demm tal-Insara-Kopti
maqtula u feruti fl-attakk terroristiku Iżlamiku li sar
fuq knisja mimlija b'Insara fl-ewwel sigħat tas-sena l-ġdida
Mal-bidu tad-deċenju ġdid il-fanatiżmu Islamiku għamel "qabża oħra ta' kwalità": l-għadu prinċipali issa m'għadux il-Punent, imma l-Kristjaneżimu. Sensiela twila ta' attentati mdemmija mis-Sudan għall-Pakistan, mill-Filippini għal Libanu, mill-Irak sal-Eġittu, jixhdu li l-iskop huma tnejn: jitterrorizzaw lill-Insara, jattakawhom u jippersegwitawhom, u jippruvaw iqajjmu gwerra taċ-ċiviltà bil-kruċjati b'kollox!
Għal dawn l-istraġi kien hemm min ipprova jagħti raġunijiet lokali, interni ta' dak il-pajjiż partikulari, bħal dawk fl-Eġittu bejn il-Kopti-ortodissi u l-Islamiċi,  fejn hemm tħassib kbir dwar il-Milied li huma jiċċelebraw illum, u fis-Sudan fejn se jivvutaw il-Ħadd.
Iżda meta l-vittmi tal-massakri jkunu Insara f'diversi pajjiżi, u anki mbiegħda minn xulxin, bilfors tirrealizza li  – bħalma ddikjara l-Papa – li l-għadu dinji tal-Islam fanatiku illum hija ċ-ċiviltà Nisranija.
Dan l-Islam fanatiku jeħtieġ għadu biex jgħaqqad lill-fidili tiegħu u jiġbor wara l-bandiera feroċi ta' al-Qajda lill-popli li jemmnu f'Allaħ.
S'issa kienet l-Amerika l-għadu numru wieħed, iżda dan waqà fi speċi ta' inerzja għax Obama mhuwiex Bush, u għall-fanatiċi huwa vitali li jkollhom għadu faċilment identifikabbli f'wiċċ u isem. Il-kulur tal-ġilda tiegħu u l-għeruq etniċi ta' Obama, flimkien mar-relazzjoni bierda tiegħu ma' Iżrael, jagħmluh aktar aċċettabbli għall-Għarab ui l-Islamiċi.
Konsegwenza ta' dan l-Kristjaneżimu spiċċa l-Għadu Simboliku, meqjus bħala r-reliġjon tal-Punent.
B'hekk dawn l-Għarab, Eġizzjani, Pakistani u Sudaniżi li jsegwu r-reliġjon Nisranija huma kunsidrati bħala tradituri, eretiċi, u l-Kristjaneżimu bħala mezz ta' "Punentiżżazzjoni" ta' dawn il-popli u pajjiżi.
Nitħajjar inxaqleb lejn dawk li aktar milli gwerra tar-reliġjon, iqiesu l-għanijiet tal-fanatiżmu Islamiku bħala aktar lajċi u jirrigwardaw il-Punent tal-finanzi u l-"materjaliżmu Amerikan".
Iżda jidher li issa xi ħaġa nbidlet, u din il-bidla fl-istrateġija terroristika Islamika tolqotna direttamenmt bħala Ewropej. Dan għax, anki jekk x'aktarx aħna ninsew jew ninjorawh, l-Ewropa hi meqjusa mill-Islam bħala l-benniena tal-Kristjaneżimu, Kattoliku jew Protestant.
Għalhekk l-Ewropa għandha ssemmi leħinha b'qawwa, konvinzjoni u determinazzjoni. Apparti t-twemmin innnifsu, fin-nofs hemm l-istess ċiviltà tagħna.
Ma nistgħux nibqgħu lura milli niddefendu lil dawk l-Insara massakrati u allura ċ-civiltà tagħna, fil-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni u popli u l-libertà ta' twemmin tagħhom, anki jekk  ma tkunx temmen.
Wara t-titubar tal-Kap għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea l-Barunissa Laburista Ingliża Catherine Ashton quddiem dawn il-massakri u persekuzzjoni tal-Insara mill-fanatiċi Islamiċi, diversi deputati Ewropej bdew isemmgħu leħinhom, u proprju llum il-Ministru tal-Esteri Taljan Franco Frattini bagħat ittra lil Ashton iffirmata wkoll mill-ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, Polonja u Ungerija li fiha nsistew li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara tiġi nkluża fis-Summit Diplomatiku li jmiss isir fil-31 ta' Jannar fi Brussels, biex matulu jiġu miftiehma miżuri konkreti ħalli tiġi żgurata l-libertà tar-reliġjon u espressjoni fil-pajjiżi fejn il-minoranzi Nsara qed jiġu attakkati u persegwitati, fosthom twissija li titnaqqas jew titwaqqaf kull għajnuna lil dawk il-pajjiżi jekk din il-persekuzzjoni ma titwaqqafx immedjatament.
L-Italja, bl-appoġġ tal-U.E.  mistennija tressaq mozzjoni wkoll fin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istess problema. 
Inħoss li meta tqies li tant niftaħru (jew konna niftaħru), li aħna 90% Kattoliċi, allura kellha tkun Malta li tieħu l-inizjattivi li issa ilu żmien jieħu l-gvern Taljan f'dan il-front.

Is-Sibt, 1 ta’ Jannar 2011

Il-Milied tal-Presidenti Amerikani

KLASSI KONTRA nuqqas ta'  "KIRJANZA"

F'dawn il-jiem fl-Istati Uniti tal-Amerika hemm polemika taħraq dwar kif iqattgħu l-Milied il-Presidenti mal-famiji tagħhom. Dan għax dan il-Milied Barak Obama reġà mar għat-tieni sena għall-vaganzi ta' ħmistax il-jum fil-Hawaii,  bi spiża fenomenali u rekord ta' AKTAR MINN MILJUN U NOFS DOLLARU!
Daqshekk ġie kkalkulat li laħqet l-ispiża totali meta tgħodd kemm se jiswa' il-vjaġġ (Miljun Dollaru) ta' 4,700 mil bogħod mill-White House fuq l-ajruplan presidenzjali Air Force One, dak ta' martu Michelle li marret qablu u li sewa' lill-poplu $63,000; $251,000 f'sahra tal-pulizija; $134,000 oħra għall-akkomodazzjoni f'lukanda lussuża b'$400 kuljum; $16,800 għal dik ta' 24 aġenti sigrieti u Navy Seals f'beach front, u $10,000 oħra għas-servizz ta' ambulanza lokali biex takkumpanja lill-motorcade ta' 10 karrozzi li takkumpanja lil Obama.
Hawn mhumiex ikkalkulati spejjeż oħra għall-ikel ta' l-istaff, kiri ta' karrozzi mill-istess staff, u tal-ivvjaġġar tal-aġenti sigrieti li marru minn qabel fil-Hawaii biex jippjanaw il-vaganza tal-President u l-familja tiegħu!
Kelliemi għall-White House ipprova jiġġustifika din il-ħela billi qal li l-ispiża ma kenitx differenti minn dik ta' presidenti preċedenti. 
"Skond għal liema presidenti kien qed jirreferi l-kelliem?", staqsew osservaturi li akkumpanjaw il-kummenti tagħhom bil-pubbiċità t'hawn  fuq, u li m'għandhix bżonn aktar kummenti.
Jiena nżied biss li l-aġir ta' Obama ma jistax jitqies għajr bħala wieħed insensittiv f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi finanzjarja/ekonomika, mhux fl-Amerika biss – b'nuqqas totali ta' "kirjanza", bħalma kont nisma' lil nannti tgħid. Rozz, li huwa l-aktar aġġettiv qrib il-kelma "crass" użata hawn fl-istess ritratt – meta tqies l-appelli spissi tal-istess Obama lill-poplu, biex kulħadd jagħmel is-sagrifiċċji għall-ġid nazzjonali ..."kulħadd" minbarra hu u l-familja tiegħu, ikkummentaw l-istess osservaturi!
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide