Il-Ħadd, 9 ta’ Jannar 2011

Il-persekuzzjoni tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna

TYMOSHENKO SE TITĦALLA TMUR BRUSSELS?
Julia Tymoshenko barra l-bini tal-Qorti
Wara l-istedina li saritilha mis-Segretarju Ġenerali tal-Partit Popolari Ewropew, il-Kap tal-Oppożizzjoni fl-Ukrajna Julia Tymoshenko qed tħejji biex aktar tard dan ix-xahar tmur Brussels ... dejjem jekk jagħtiha permess il-gvern Soċjalista tal-President Yanukovich, li aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar qed isir awtoritarju.
Infatti bħalissa Tymoshenko ma tistax toħroġ mill-kapitali Kiev, aħseb u ara mill-pajjiż, minħabba li qed tiġi investigata fuq akkuża li meta kienet Prim Ministru, użat flus mill-fond tal-bejgħ tal-kwota tal-gassijiet serra (greenhouse gases) biex setgħu jitħallsu l-pensjonijiet.
Is-Segretarju Ġenerali tal-PPE Antonio Lopez-Istruriz, stieden lil Tymoshenko għall-laqgħat biex jiġu analizzati r-rakkomandazzjonijiet  maqbula kontra t-tnaqqir tad-demokrazija fl-Ukrajna,  bejn il-Parlament Ewropew u l-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa.
Infatti l-oppożizzjoni Ukrajna issa ilha żmien vittma ta' dejjem aktar miżuri ta' persekuzzjoni, partikularment wara r-riżultati tal-elezzjonijiet lokali saru f'Ottubru li għadda u li taw rebħa lill-partit ta' Yanukovich, wara tibdil fl-aħħar jiem tal-liġijiet elettorali, b'mod li taw vantaġġi inġust lill-partit fil-gvern.  Miżuri li ġew ikkundannati kemm mill-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-gvern Amerikan, fost oħrajn.
Il-kap tal-partit Batkivschyna (Patrija), għalhekk, għandha tmur Brussells tiltaqà ma' għadd ta' politiċi ewlenin Ewropej sabiex tiddiskuti dan t-theddid għad-demokrazija u l-libertà fl-Ukrajna.
Kemm l-akkużi kontra Tymoshenko huma motivati politikament joħroġ mill-fatt li l-ewwel dawn l-akkużi kienu jgħidu li hi kienet użat flus mill-fond tal-gassijiet serra biex jitħallsu l-pensjonijiet, u issa l-prosekuzzjoni qed tgħid li dawk il-flus intużaw għal xi ħaġ'oħra.
Dan għax naturalment ħassewhom imbarazzati li jiħxtu lill-mexxej tal-ikbar partit fl-oppożizzjoni fil-ħabs għax għamlet ħilitha biex l-pensjonanti ma jbatux fi żmien ta' kriżi, u għalhekk isss vvintaw xi ħaġa oħra.
(Ara wkoll il-blogs ta' Frar, Marzu u Mejju tas-sena l-oħra) 

Jitneħħew l-omm u l-missier mill-passaporti Amerikani

OBAMA JKOMPLI JAQLEB ID-DINJA TA' TAĦT FUQ!
Mill-1 ta' Frar li ġej, meta xi ħadd jiġi biex jimla' il-formola biex japplika għall-passaport fl-Istati Uniti u jinkludi fih l-ulied, mhux se jsib aktar il-kliem  "Missier" u "Omm" li jrid jimla' maġenbhom!
Infatti, minflok, id-Dipartiment tal-Istat u dak tal-Ġustizzja fl-amministrazzjoni ta' Barak Obama, aċċettaw li jinkiteb il-kliem "L-Ewwel Ġenitur" u "It-Tieni Ġenitur", fi sforz ċar, imqanżah, biex jikkuntenta lill-koppji gay li jirnexxilhom jiksbu d-dritt xejn naturali li jadottaw u jrabbu wild li mhuwiex, u ma jistà qatt ikun tagħhom it-tnejn – ġaladarba biex isir konċepiment naturali, dan bilfors irid isir bl-att sesswali bejn mara u raġel.
Fi kliem Tony Perkins, President tal-moviment pro-famlilja, Family Resarch Council (FRC) Amerikan, dan it-tibdil huwa biss frott tal-mentalità, tad-dinja ta' taħt fuq kif jarawha u jriduha l-politically correct Xellugin Demokratiċi, u żgur ma jistax jitqies bħala titjib, 'progress'.
Hu kompla jispjega li dan m'hu xejn ħlief parti minn pjan biex jattwa l-kawża taż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess u 'ġenituri' omosesswali, lesbiċi fuq skala nazzjonali, mhux aktar lokali,  mingħajr ma jemenda uffiċjalment il-liġijiet, issa li Obama tilef il-maġġoranza li kellu fil-Kungress.

Is-Sibt, 8 ta’ Jannar 2011

It-Terroriżmu Islamiku

MHUX BISS IL-PUNENT, ISSA L-INSARA !

L-inkwadru tal-Kruċifiss imċappas bid-demm tal-Insara-Kopti
maqtula u feruti fl-attakk terroristiku Iżlamiku li sar
fuq knisja mimlija b'Insara fl-ewwel sigħat tas-sena l-ġdida
Mal-bidu tad-deċenju ġdid il-fanatiżmu Islamiku għamel "qabża oħra ta' kwalità": l-għadu prinċipali issa m'għadux il-Punent, imma l-Kristjaneżimu. Sensiela twila ta' attentati mdemmija mis-Sudan għall-Pakistan, mill-Filippini għal Libanu, mill-Irak sal-Eġittu, jixhdu li l-iskop huma tnejn: jitterrorizzaw lill-Insara, jattakawhom u jippersegwitawhom, u jippruvaw iqajjmu gwerra taċ-ċiviltà bil-kruċjati b'kollox!
Għal dawn l-istraġi kien hemm min ipprova jagħti raġunijiet lokali, interni ta' dak il-pajjiż partikulari, bħal dawk fl-Eġittu bejn il-Kopti-ortodissi u l-Islamiċi,  fejn hemm tħassib kbir dwar il-Milied li huma jiċċelebraw illum, u fis-Sudan fejn se jivvutaw il-Ħadd.
Iżda meta l-vittmi tal-massakri jkunu Insara f'diversi pajjiżi, u anki mbiegħda minn xulxin, bilfors tirrealizza li  – bħalma ddikjara l-Papa – li l-għadu dinji tal-Islam fanatiku illum hija ċ-ċiviltà Nisranija.
Dan l-Islam fanatiku jeħtieġ għadu biex jgħaqqad lill-fidili tiegħu u jiġbor wara l-bandiera feroċi ta' al-Qajda lill-popli li jemmnu f'Allaħ.
S'issa kienet l-Amerika l-għadu numru wieħed, iżda dan waqà fi speċi ta' inerzja għax Obama mhuwiex Bush, u għall-fanatiċi huwa vitali li jkollhom għadu faċilment identifikabbli f'wiċċ u isem. Il-kulur tal-ġilda tiegħu u l-għeruq etniċi ta' Obama, flimkien mar-relazzjoni bierda tiegħu ma' Iżrael, jagħmluh aktar aċċettabbli għall-Għarab ui l-Islamiċi.
Konsegwenza ta' dan l-Kristjaneżimu spiċċa l-Għadu Simboliku, meqjus bħala r-reliġjon tal-Punent.
B'hekk dawn l-Għarab, Eġizzjani, Pakistani u Sudaniżi li jsegwu r-reliġjon Nisranija huma kunsidrati bħala tradituri, eretiċi, u l-Kristjaneżimu bħala mezz ta' "Punentiżżazzjoni" ta' dawn il-popli u pajjiżi.
Nitħajjar inxaqleb lejn dawk li aktar milli gwerra tar-reliġjon, iqiesu l-għanijiet tal-fanatiżmu Islamiku bħala aktar lajċi u jirrigwardaw il-Punent tal-finanzi u l-"materjaliżmu Amerikan".
Iżda jidher li issa xi ħaġa nbidlet, u din il-bidla fl-istrateġija terroristika Islamika tolqotna direttamenmt bħala Ewropej. Dan għax, anki jekk x'aktarx aħna ninsew jew ninjorawh, l-Ewropa hi meqjusa mill-Islam bħala l-benniena tal-Kristjaneżimu, Kattoliku jew Protestant.
Għalhekk l-Ewropa għandha ssemmi leħinha b'qawwa, konvinzjoni u determinazzjoni. Apparti t-twemmin innnifsu, fin-nofs hemm l-istess ċiviltà tagħna.
Ma nistgħux nibqgħu lura milli niddefendu lil dawk l-Insara massakrati u allura ċ-civiltà tagħna, fil-ħarsien u r-rispett tad-drittijiet tal-persuni u popli u l-libertà ta' twemmin tagħhom, anki jekk  ma tkunx temmen.
Wara t-titubar tal-Kap għall-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea l-Barunissa Laburista Ingliża Catherine Ashton quddiem dawn il-massakri u persekuzzjoni tal-Insara mill-fanatiċi Islamiċi, diversi deputati Ewropej bdew isemmgħu leħinhom, u proprju llum il-Ministru tal-Esteri Taljan Franco Frattini bagħat ittra lil Ashton iffirmata wkoll mill-ministri tal-Affarijiet Barranin ta' Franza, Polonja u Ungerija li fiha nsistew li l-kwistjoni tal-persekuzzjoni tal-Insara tiġi nkluża fis-Summit Diplomatiku li jmiss isir fil-31 ta' Jannar fi Brussels, biex matulu jiġu miftiehma miżuri konkreti ħalli tiġi żgurata l-libertà tar-reliġjon u espressjoni fil-pajjiżi fejn il-minoranzi Nsara qed jiġu attakkati u persegwitati, fosthom twissija li titnaqqas jew titwaqqaf kull għajnuna lil dawk il-pajjiżi jekk din il-persekuzzjoni ma titwaqqafx immedjatament.
L-Italja, bl-appoġġ tal-U.E.  mistennija tressaq mozzjoni wkoll fin-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istess problema. 
Inħoss li meta tqies li tant niftaħru (jew konna niftaħru), li aħna 90% Kattoliċi, allura kellha tkun Malta li tieħu l-inizjattivi li issa ilu żmien jieħu l-gvern Taljan f'dan il-front.

Is-Sibt, 1 ta’ Jannar 2011

Il-Milied tal-Presidenti Amerikani

KLASSI KONTRA nuqqas ta'  "KIRJANZA"

F'dawn il-jiem fl-Istati Uniti tal-Amerika hemm polemika taħraq dwar kif iqattgħu l-Milied il-Presidenti mal-famiji tagħhom. Dan għax dan il-Milied Barak Obama reġà mar għat-tieni sena għall-vaganzi ta' ħmistax il-jum fil-Hawaii,  bi spiża fenomenali u rekord ta' AKTAR MINN MILJUN U NOFS DOLLARU!
Daqshekk ġie kkalkulat li laħqet l-ispiża totali meta tgħodd kemm se jiswa' il-vjaġġ (Miljun Dollaru) ta' 4,700 mil bogħod mill-White House fuq l-ajruplan presidenzjali Air Force One, dak ta' martu Michelle li marret qablu u li sewa' lill-poplu $63,000; $251,000 f'sahra tal-pulizija; $134,000 oħra għall-akkomodazzjoni f'lukanda lussuża b'$400 kuljum; $16,800 għal dik ta' 24 aġenti sigrieti u Navy Seals f'beach front, u $10,000 oħra għas-servizz ta' ambulanza lokali biex takkumpanja lill-motorcade ta' 10 karrozzi li takkumpanja lil Obama.
Hawn mhumiex ikkalkulati spejjeż oħra għall-ikel ta' l-istaff, kiri ta' karrozzi mill-istess staff, u tal-ivvjaġġar tal-aġenti sigrieti li marru minn qabel fil-Hawaii biex jippjanaw il-vaganza tal-President u l-familja tiegħu!
Kelliemi għall-White House ipprova jiġġustifika din il-ħela billi qal li l-ispiża ma kenitx differenti minn dik ta' presidenti preċedenti. 
"Skond għal liema presidenti kien qed jirreferi l-kelliem?", staqsew osservaturi li akkumpanjaw il-kummenti tagħhom bil-pubbiċità t'hawn  fuq, u li m'għandhix bżonn aktar kummenti.
Jiena nżied biss li l-aġir ta' Obama ma jistax jitqies għajr bħala wieħed insensittiv f'dawn iż-żminijiet ta' kriżi finanzjarja/ekonomika, mhux fl-Amerika biss – b'nuqqas totali ta' "kirjanza", bħalma kont nisma' lil nannti tgħid. Rozz, li huwa l-aktar aġġettiv qrib il-kelma "crass" użata hawn fl-istess ritratt – meta tqies l-appelli spissi tal-istess Obama lill-poplu, biex kulħadd jagħmel is-sagrifiċċji għall-ġid nazzjonali ..."kulħadd" minbarra hu u l-familja tiegħu, ikkummentaw l-istess osservaturi!

Il-Ħamis, 30 ta’ Diċembru 2010

Wara r-rebħa tal-Ħamas fil-Palestina

L-U.E. TWISSI LILL-PALESTINJANI DWAR IL-ĦAMAS
Angela Merkel iltaqgħat mal-mexxej Palestinjan Abbas

F'inqas minn ġimgħa wara li l-Ħamas ħarġu r-rebbieħa assoluti fl-elezzjoni li saret fil-Palestina, il-Ministri tal-Affarijiet Barranin tal-Unjoni Ewropea qablu mat-twissija tal-Prim Ministru Ġermaniż Angela Merkel li jekk il-Ħamas ma jiċħadx il-vjolenza u jagħraf lill-istat ta' Iżrael, mhux se jibqgħu jgħaddu għajnuna finanzjarja lill-Awtorità Palestinjana, li issa hija dominata mill-Ħamas.
Merkel għamlet din it-twissija waqt iż-żjara li qed tagħmel fir-reġjun, fejn il-bieraħ ingħaqdet mal-Aġent-Prim Ministru ta' Iżrael Eħud Olmert fl-ftiehmu biex ma jiddiljawx mal-Ħamas qabel dawn jirrikonoxxu lil Iżrael u jirrinunzjaw għall-vjolenza.
L-Unjoni Ewropea hija l-ikbar donatur ta' għajnuna lill-Awtorità Palestinjana, 500 Miljun Ewro kull sena sa' mill-2003.

Il-Ħamis, 23 ta’ Diċembru 2010

Insara rrabjati għall-Kummissjoni Ewropea

GĦAL BRUSSELS IL-MILIED MA JEŻISTIX!
Il-Kummissjoni Ewropea qed tiġi attakkata għax ipproduċiet aktar minn tlett miljun kopja ta' djarju tal-Unjoni Ewropea biex jitqassam fl-iskejjel sekondarji tal-EU, iżda li fih m'hemm l-ebda riferenza għall-Milied, filwaqt li tinkludi festi Lhud, Ħindu, Sikh u Musulmani.
Id-djarju għas-sena li ġejja  hu maħsub bħala rigal tal-Kummissjoni lill-istudenti u jinkludi 51 paġna ta' tagħrif fuq karta tleqq dwar l-Unjoni, iżda l-Insara jinsabu rrabjati għax fis-sezzjoni tal-25 ta' Diċembru m'hemm l-ebda indikazzjoni li jiġi ċelebrat il-Milied fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, u meta dik Nisranija hija r-reliġjon tal-maġġoranza assoluta tal-Ewropej!
Dan filwaqt li, għal kuntrarju, bħalma bdejt ngħid, jissemmew festi ta' reliġjonijiet oħra, u wkoll anniversarji ewlenin tal-UE.
Johanna Touzel, kelliema għall-Kummissjoni Kattolika tal-Isqfijiet fil-Komunità Ewropea, sejħet dan in-nuqqas tal-festi Nsara bħala sorprendenti u li jbellħek. "Il-Milied u l-Għid huma festi importanti għal mijiet ta' miljuni ta' Insara u Ewropej. Hija ommissjoni stramba u nittama li ma saritx apposta", iddikjarat Touzel.
Martin Callahan, il-kap tal-Konservattivi Ingliżi fil-Grupp ĊentruLemini tal-Konservattivi u Riformisti fil-Parlament Ewropew (KRE) akkuża lill-Kummissjoni li aktar kien moħħha f'rigali ta' propaganda liż-żgħażagħ milli fl-ispirtu veru tal-Milied".
Imma kelliemi għall-Kummissjoni Ewropea sejjaħ id-djarju bħala "żball kbir, granċ" (blunder) għax il-Kummissjioni ma riedet toffendi s-sensibilità ta' ħadd, u li, anzi, darb'oħra l-festi reliġjużi se jitneħħew kollha mid-djarju biex b'hekk jevitaw il-kritika!!

Din hija soluzzjoni li ħafna qisuha bħala waħda ta' "lagħqiżmu", filwaqt li oħrajn raw fiha attentat aktar serju mill-mażunerija dinjija jew il-Marxisti globali biex jedukaw jew aħjar jindotrinaw liż-żgħar fil-prinċipji tal-"mondjalizzazzjoni" areliġjuża (mhux neċessarjament atea), u li l-UE hija l-antiċipu tagħha.

Ta' min infakkar li mit-Trattat ta' Lisbona kienu tħallew barra l-għeruq reliġjużi taċ-ċiviltà Ewropea, rikonoxxuti saħansitra minn min hu ateu, u li dan l-aħħar gruppi Kattoliċi ta' lobbying u anki membri parlamentari tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) ilmentaw mal-Kummissjoni talli fil-kartolina tal-Milied għal din is-sena kien hemm miktub biss "Awguri tal-Istaġun", mingħajr ebda riferenza għall-Kristjaneżimu.

Nittamaw biss li dan kollu hu frott biss ta' political correctness mifhum ħażin, jekk mhux estrem.

L-Erbgħa, 22 ta’ Diċembru 2010

Is-Serata Kommemorattiva f'ġieħ Enrico Mizzi

PROSIT TASSEW LIL KULĦADD, imma ...
Attendejt b'ħerqa għas-serata fis-60 Anniversarju mill-mewt ta' Enrico  Mizzi, li kienet suċċess kbir. Ta' dan nifraħ nirringrazzja lill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi, biex b 'hekk niġbor lil kull min kellu x'jaqsam mal-organizzazzjoni.
Kien interessanti d-diskors tal-Professur Emeritu Dun Peter Serracino Inglott, li ġedded il-memorji tiegħu personali meta l-familja tiegħu kienet togħqod ftit 'l-isfel minn fejn kien jgħix Nerik fi Triq San Ġwann, il-Belt, u dan kien jispegalu il-għala hu, Nerik, kien tant kontra l-emigrazzjoni għax kien jara lill-patrija titlef l-aħjar nies tas-sengħa tagħha.
Imma jiddispjaċini nosserva li Serracino Inglott ma kienx preċiż meta l-ewwel donnu ried jagħti l-impressjoni li Enrico Mizzi kellu xi sehem fit-twaqqif tal-partit ta' Mussolini, mbagħad alluda li dan tal-aħħar kien Soċjalista (dan veru), u BAQA' Soċjalista (mhux veru), biex kompla b'dik li jiena personalment qist bħala ereżija politika meta l-kelliem qal li Enrico Mizzi kien meqjus bħala "xellugi"!
 Nittamaw li dan kien żball ġenwin tal-professur, u ma ridx iwettaq xi reviżjoni storika f'ġieħ xi 'riabiltazzjoni' li m'hemmx bżonnha jew lokha.
– L-istoriċi kollha jgħidulek li fi żmien Nerik li tkun xellug kien ifisser tkun Marxista, Soċjalista jew Komunista! Xellugi Malti  magħruf ta' dik l-era kien żgur Manuel Dimech.
Dak iż-żmien ma kienx hemm min jipprova jbenġel jew aħjar iħawwad l-imħuħ dwar dan,  bħal fi żmienna. Dak iż-żmien l-abjad kien jissejjaħ abjad u l-iswed (jew aħjar l-aħmar) kien jissejjaħ iswed.
– Issa kif qatt allura politiku bi twemmin sod ta' "Religio et Patria" jista' jiġi kunsidrat "xellugi"? Ma ninsewx li l-enċiklika Rerum Novarum li tant kienet għall-qalb Nerik, kienet tikkundanna l-idea xellugija tal-komunjoni tal-ġid, is-soċjaliżmu.
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min jemmen li veru li trid tejjeb il-qagħda tal-klassi tal-proletarjat, imma dan ma jfissirx li teqred jew iddgħajjef lil dik medja, li minfok għandha tiġi msaħħa?
– Kif qatt jista' jkun Soċjalista jew xellugi min, wara li darba, fl-Ewwel ta'  Mejju f'Malta kien tkanta l-Innu tal-Bandiera l-Ħamra, Nerik kien ipprotesta fil-Parlament, f'ismu u f'isem l-oppożizzjoni, u wara f'"Il-Patrija" kien kiteb sensiela ta' artikli dwar it-theddida tal-Komuniżmu f'Malta?
Dwar dan hemm ħafna iżjed x'jinkiteb, u 'l quddiem hekk beħsibni nagħmel.
Illum nagħlaq billi nerġà nirrepeti t-tama tiegħi li Serracino Inglott ma riedx juża l-kelma "xellug" li anki llum tistà tinftiehem ħażin, toħloq konfużjoni u konfondiment.
Bir-rispett kollu kien ikun aktar preċiż li wieħed qal – nittama li hekk ried jgħid il-professur – li Enrico Mizzi, għal żmienu kien meqjus radikali jew liberali, iżda żgur mhux xellugi!
Għax ix-xellugin jekk ma jirnexxilhom xejn, kienu kapaċi jdaħħluha, f’moħħ anki nies istruwiti, li kull progress soċjali huwa sinonimu max-xellug, ifisser xellug.
                      

Is-Sibt, 18 ta’ Diċembru 2010

Anniversarju li m'għandna ninsew qatt

60 SENA MILL-MEWT TA' ENRICO MIZZI

Parti biss mill-folla enormi (b'uħud kellhom jitilgħu fuq it-tiġrif tat-Teatru Rjal) li nġabret fit-toroq tal-Belt Valletta għall-funeral statali tal-Prim Ministru u Patrijott Kbir Malti li kien miet bħal nhar it-Tnejn 20 ta' Diċembru, tal-1950.
Sadattant għada l-Ħadd fil-Berġja ta' Kastilja fis-6 ta' filgħaxija se ssir Ċelebrazzjoni Kommemorattiva organizzata mill-Fondazzjoni Fortunato u Enrico Mizzi.
Waqt is-serata, li se tkun taħt il-patroċinju tal-Prim Ministru Dott. Lawrence Gonzi, se jsir diskorsi dwar Enrico Mizzi mill-Imħallef Dott. Giovanni Bonello, mill-Professur tal-Filosofija Dun Peter Serracino Inglott, u wara  Dott. Philip Farrugia-Randon jaqra siltiet minn diskorsi ta' ġieħ lil Enrico Mizzi li kienu saru minn personalitaijiet distinti Maltin.
Dott. Lawrence Gonzi itemm b'diskors tal-okkażjoni.
Wara d-diskorsi tinfetah wirja ta' dokumenti uniċi marbuta ma' Fortunato u Enrico Mizzi.
Kulħadd jista' jattendi.

Lejn Dittatura Komunista fil-Venezwela

HUGO CHAVEZ B'POTERI ASSOLUTI
Proprju ftit ġimgħat qabel fil-5 ta' Jannar jitlef il-maġġoranza assoluta tas-siġġijiet fil-kungress  wara r-riżultati tal-elezzjonijiet li saru f'Settembru li għadda (ara l-blog tas-27/09), il-President Marxista tal-Venezwela Hugo Chavez grazzi għad-deputati tal-partit tiegħu nagħta poteri assoluti li jiggverna mingħajr l-approvazzjoni tal-kungress għal 18-il xahar.
Dan il-pass ġie kundannat kemm fil-Venezwela kif ukoll barra l-pajjiż. Id-Dipartiment tal-Istat Amerikan fakkar kif din hija r-raba' darba minn kemm ilu jaħkem il-pajjiż mill-1999, li għadda liġijiet bħal dawn.
Fl-elezzjonijiet ta' Settembru l-Oppożizzjoni kisbet 67 siġġu fl-Assemblea Nazzjonali ta' 167, bil-partit ta' Chavez jitlef 41 siġġu mill-139 li kellu, biex spiċċa b'98.
Chavez , għalhekk, qed jipprova jintimida l-oppożizzjoni in vista tal-elezzjoni għall-President tar-Repubblika li jmiss fl-2012.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide