Il-Ġimgħa, 22 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 3

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010
 Assaltawlu daru u arrestawh
Meta rritorna Malta mill-Italja qabel l-Ewwel Gwerra, Nerik mill-ewwel imbarka bħal missieru, li kien ġie nieqes fl-1905, fuq karriera politika – ħareġ b’suċċess għall-Kunsill tal-Gvern.
Imċappas diġà allura bl-akkuża ta’ żlealtà, fl-1917, meta kien hemm strajk fit-tarzna, qabdu miegħu, assaltawlu d-dar, żgassawlu l-iskrivanija u l-istamperija tal-Malta u, għad li ma sabu xejn ġdid, arrestawh u tellgħuh qorti marzjali fuq suppost sedizzjoni, b’pieni ħorox.
Fiż-żmien meta l-Italja kienet qiegħda tiġġieled gwerra fuq in-naħa Ingliża stess kontra l-Ġermanja tal-Kaizer, fil-kolonja-fortizza taċ-ċkejkna Malta, dan il-politiku żagħżugħ debuttant, għax kuraġġuż u ta’ prinċipju, intgħażel bħala vittma għas-sagrifiċċju, eżempju għal ħaddieħor li seta’ jazzarda jirreżisti u jopponi r-rieda u l-operat militari-kolonjali omnipotenti, jew iżeblaħ il-prestiġju tiegħu.
Dan, fost l-oħrajn, għax bħala deputat Nerik oġġezzjona fil-Kunsill li r-reliġjon Kattolika fl-iskejjel Maltin tibda tiġi mgħallma bl-Ingliż, minn Ingliż, fuq testi Ingliżi; u maqdar fil-miftuħ dak li hu sejjaħ ‘l-ipokrezija proverbjali Ingliża’ fir-rigward tas-suppost rispett lejn in-nazzjonalità tal-popli.
Wara l-gwerra, lil Nerik insibuh mill-ewwel fuq quddiem nett jirsisti għal Gvern Responsabbli, għall-awtonomija politika u d-drittijiet kostituzzjonali tal-Maltin. Wieħed mill-kolonni ewlenin fl-Assemblea Nazzjonali fil-laqgħat tagħha ta’ Frar u Ġunju 1919, din insibuha in sessjoni proprju fil-kwartieri ta’ Malta Żagħżugħa, il-Giovine Malta, fi Strada Santa Lucia, fejn Nerik kien il-factotum.
Għall-okkażjoni, kif nafu, daħlu l-belt folol kbar imgħaddba għall-Gvern Ingliż, għan-negozjanti tal-qamħ u għal dawk li huma raw bħala kollaboraturi tar-reġim – iniżżlu, iqattgħu u jaħarqu l-bandiera Ingliża.
Nerik kien hemm meta ġera d-demm. Meta, minn fost it-truppi Ingliżi li qabdu u sparaw fuq il-Maltin biex joqtlu, ħadd ma weħel xejn; meta, anzi, sa ttantaw iwaħħlu fih bħala x-xewwiex ewlieni li kien ipprovoka s-Sette Giugno kontrihom.
In-Nazzjonaliżmu ta’ Nerik
Il-formazzjoni tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista tiegħu mal-wasla tal-gvern responsabbli fl-1921 tixhed impronta distinta. Għalkemm il-politika Mizzjana kienet tqarreb lejn dik tal-Unione Politica Maltese, immexxija minn Monsinjur Senglean, Ignazio Panzavecchia, kien hemm xi differenzi bejn il-Mizzjani u l-Panzavecchjani. Storikament, din il-formazzjoni hekk imsejħa ‘moderata’ kienet taf l-oriġini tagħha għas-snin disgħin meta Sigismondo Savona, li miet fl-1908, kien sfuma l-partit oriġinali tiegħu, ir-Reform Party, fl-hekk imsejjaħ Partito Popolare, flimkien mal-Kanonku Panzavecchia. Dik il-formazzjoni kienet nibtet l-iktar fil-kwestjoni taż-żwiġijiet imħallta taħt l-umbrella tal-isqof Għawdxi Pietru Pace.
Għalkemm il-PN ta’ missier Nerik dejjem kellu bħala motto patria et religio, u kien emfatikament Kattoliku u Latin, madankollu ma kienx imsejjes fuq il-klerikaliżmu, wisq inqas kien ultramontan, papist, fl-impronta tiegħu, u sa ċertu punt offra ftuħ aktar pluralista fir-rappreżentanza tal-poplu fir-rigward tal-gvernatur, li ma setax jirreferi iktar għall-Isqof bħala l-kap tal-poplu. Fortunat Mizzi kien xellef difru bl-ikrah ma’ Pace, li kien x’aktarx ben dispost lejn il-gvern kolonjali, filwaqt li Savona qabeż fuq il-vagun populista jitbandal fuq il-bradella politika-reliġjuża bħala s-‘salvatur’ u r-‘redentur’. Għalkemm Mizzi x-xiħ u mexxejja Nazzjonalisti oħrajn, bħall-bibljotekarju u storiku erudit, il-Monsinjur Alfredo Mifsud, ma setgħux jeħduha espliċitament kontra l-pożizzjoni riġida ta’ Pace, li effettivament ma riedet li jkun permess l-ebda żwieġ imħallat f’Malta jekk mhux iċċelebrat unikament skont il-liġi Kanonika, kien hemm min ħass li l-kwistjoni kollha kienet ġiet esaġerata u ppolitiċizzata, b’diskors allarmista dwar il-prospett taż-żwieġ ċivili, jekk mhux ukoll id-divorzju.
Iżjed sekulari mill-Unione Popolare Maltese
Fi ftit kliem, il-PN Mizzjan kellu wirt x’aktarx iżjed sekulari u indipendenti mill-karru klerikali-ekkleżjastiku li kien ikkaratterizza l-Partit Popolari Savonjan-Panzavecchjan – wara msemmi Unione Politica Maltese – għall-elezzjonijiet tal-gvern responsabbli. Kellu wkoll timbru xi ftit iżjed legali u kumpatt, kien inqas lest jagħmel kompromessi, apparti l-fattur tal-personalità enerġika u distinta ta’ Nerik innifsu. Kien dan il-fil Mizzjan, inizjalment b’dimensjoni iktar Għawdxija, li ġibed Nerik fil-moviment Nazzjonalista. Il-manifest tiegħu kien pjuttost avangardist.
Fl-1926, imbagħad saret il-funzjoni tal-fazzjonijiet u reġa’ ħareġ, bl-isem oriġinali tas-snin tmenin, il-PN, bħala l-Partit Nazzjonali, anzi Nazzjonalista, bl-element Panzavecchjan u dak Mizzjan taħt kappa waħda. Dawn iż-żewġ fili, ġibdiet jew xejriet, u potenzjalment fazzjonijiet, fil-partit jew il-moviment baqgħu jinħassu u jixirfu rashom b’mod jew ieħor, almenu sas-snin Sittin u Sebgħin, jekk mhux sal-lum.
Il-botta avversarja ta’ “Pappa Nerik” kienet tfisser li l-ewwel il-pappa, imbagħad l-umpappa – l-ewwel żaqqek, min jitimgħek. Il-PN, skont dawn, ma kienx tajjeb biex tpappi jew tpappiha, fis-sens li kienu l-Ingliżi li jipprovdu x-xogħol għal faxex sħaħ ta’ ħaddiema li magħhom kienu ‘jgħixu’, allura ma stajtx iddardar l-għajn li ridt tixrob minnha.[5]
In-nazzjonaliżmu ta’ Nerik ma kienx primarjament dak tal-“pappa”, lanqas kien dak “tan-nemex”, u wisq inqas kien dak tal-“gaxin”. Nerik ftit kien lest għall-kompromessi, żgur qatt ma niżel imbè għal-loqom taħt il-mejda, la ntlewa u lanqas tgħawweġ, anki jekk forsi hawn min jaħseb li tgħaffeġ u nħela. Anzi l-motto tiegħu kien ‘resistere, resistere, resistere’ – motto x’aktarx ispirat mill-eżortazzjoni tal-Prim Ministru Taljan Orlando wara t-telfa ta’ Caporetto, fl-1917, sena li fiha l-ewwel li Mizzi daq l-arrest u l-ħabs.[6] Nirreżistu dejjem, ma nċedu qatt.
 • Ikompli nhar is-Sibt
5  Dwar dawn l-aspetti, specjalment fi zmien il-karriera pubblika ta’ Nerik, ara x-xogħol prospettiv tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, skedat għall-Fiera tal-Ktieb li se ssir bejn l-10 u l-14 ta’ Novembru (Midsea, 2010).
6 H. Frendo, Nerik Mizzi: The Formative Years (Malta University History Society, 2009), p. 13.

Il-Ħadd, 17 ta’ Ottubru 2010

Laqgħa oħra inutli dwar il-klima

GĦADHOM MA QATGĦUX QALBHOM !
Wara l-fjask tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet dwar il-Klima f'Diċembru tas-sena l-oħra f'Kopenħagen li suppost kellha twassal għall-ftehim bejn  il-pajjiżi kollha għal xi protokoll Kjoto 2, l-allarmisti, l-ekoterroristi u dawk kollha li jridu jkomplu jistgħanew bit-twerwir, bil-manipulazzjoni stil Climategate u bl-impożiżżjoni ta' miżuri li suppost jikkontrollaw u jwaqqfu t-tibdil naturali tal-klima, għadhom ma qatgħux qalbhom, u minn dakinhar ma waqfux jorganizzaw konferenzi, summits u laqgħat – b'iżjed tixrid ta' aktar C02 – biex jippruvaw jilħqu kompromess bi tħejjija għal Summit kbir ieħor (bħal dak fallut ta' Kopenħagen) f'Cancun fil-Messiku bejn Novembru u Diċembru.
L-aktar waħda riċenti saret il-Ħamis li għadda fi Brussels fejn sar il-Kunsill tal-Ambjent tal-Unjoni Ewropea fejn Ministri tal-Ambjent kellhom jippruvaw jilħqu ftehim biex iżiedu t-tnaqqis tal-gassijiet serra (CO2) minn 20% għal 30% tal-livelli li kienu fl-1990, u jippreżentaw front magħqud għas-Summit ta' Cancún biex juru kemm huma "bravi", meta fil-fatt b'hekk ikunu qed iwettqu suwiċidju ekonomiku.
Naturalment, bħalma kien hemm ħafna bassru, minn din il-laqgħa ma ħareġ xejn ġdid, u dwar l-aktar ħaġa kontroversjali: dik li jintrabtu li jżiedu t-tnaqqis tas-CO2 minn 20% għal 30%, iddeċidew li ma jiddeċidux.
Dan kien inevitabbli meta tqies li diversi pajjiżi bħall-Italja, il-Polonja u l-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant eks satelliti tar-Russja Sovjetika huma kontra, filwaqt li sa' ftit ilu anki l-Ġermanja u Franza ma kienux jaqblu li jkabbru t-tnaqqis tal-emissjonijiet. Biex ma nsemmux li anki l-istess Kummissarju għal Azzjoni dwar il-Klima Connie Hedegaard, sa' Ġunju li għadda, ukoll kienet iddikjarat li dik iż-żjieda ma kenitx tagħmel sens fil-kundizzjonijiet attwali, biċ-Ċina u l-Istati Uniti għadhom ma mpenjawx ruħhom għal miżuri simili.
Minflok issa jidher li, indirettament, ġiet aċċettata l-pożizzjoni tal-Italja u l-pajjiżi l-oħra, li qabel jiġu imposti aktar miżuri bħal din tat-30% (anki jekk kundizzjonata mal-fatt li basta l-pajjiżi l-oħra f'Cancún jaqblu li jagħmlu l-istess), għandhom isiru aktar studji biex isir magħruf kif miżuri bħal dawn jolqtu kull pajjiż individwalment.
Barra minhekk il-Ministeru tal-Ambjent ta' Stefania Prestigiacomo, permezz tad-Direttur Corrado Clini, ħeġġeġ lill-Ministri tal-UE jibdew jaħsbu bis-serjetà  dwar kemm in-nukleari hija teknoloġija utili u tant nadifa biex tassew jitnaqqsu l-emissjonijiet.
Prestigiacomo kienet ikkritikat bl-aħrax lill-Kunsill tal-Ambjent meta esklamat hekk: "ta' min wieħed jara kemm f'dan il-Kunsill jirraġunaw b'mod realistiku, jew inkella humiex jinkitbu kotba tal-ħolm."
Ta' min jinnota li din id-darba, għal-laqgħa tal-Ħamis li għadda, Prestigiacomo ma attenditx, u minflokha bagħtet lir-Rappreżentant Permanenti tal-Italja fl-UE Vincenzo Grassi.
Dan hu t-tieni falliment f'inqas minn xahar ta' tentattiv biex jintlaħaq ftehim qabel is-Summit ta' Cancún. Ftit jiem qabel saru sessjonijiet (b'aktar ħruġ ta' CO2!) ta' żewġ working groups tal-UNFCC (l-AWG-KP u l-AWG-LCA) f'Tianjin, fiċ-Ċina bi tħejjija għal Cancún, u hemm ukoll ma sar l-ebda progress, b'kull pajjiż jibqà jżomm il-pożizzjoni tiegħu. B'mod partikulari  ċ-Ċina li ma tridx irbit legali u kontroll ta' tnaqqis tal-emissjonijiet, u bil-muzuri li ried jgħaddi Obama fl-Amerika, imwaħħlin fis-Senat fejn anki senaturi Demokratiċi kienu vvutaw kontrihom f'Lulju, b'Obama jissogr bis-serjetà li jitlef il-maġġoranza fis-Senat wara l-elezzjonijiet 'mid-term' tax-xahar id-dieħel.
Mhux ta' b'xejn li kulħadd jew kważi, diġà qed jammetti li s-summit ta' Cancún fil-Messiku se jsir għalxejn, bħalma ġara f'Kopenħagen, biex kollox jiġi pospost b'sena oħra għas-summit tal-2011 fl-Afrika t'Isfel !











Kien ġie kalkulat li għas-summit ta' Kopenħagen kienu attendeww delegati minn 192 pajjiż, 5,000 ġurnalist u 40,000 attivsti ambjentali, bi ħruġ ta' aktar minn 40,500 tunnellata ta' CO2 – daqs il-Marokk f'sena!. U dan kollu għalxejn! 

Il-Ħadd, 10 ta’ Ottubru 2010

60 Sena mill-Mewt ta’ Nerik Mizzi (1885-1950) – 2

Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010

Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’
Nerik ħareġ minn ġuf ommu (imwielda Sofia Fogliero de Luna), mgħammed fin-nazzjonaliżmu anti-kolonjali Malti. Is-sena li fiha huwa twieled kienet immarkata minn għajta storika waqt inkontru Nazzjonalista fil-Pjazza tal-Palazz, Piazza San Giorgio, li fil-pront sfat irrappurtata lill-gvernatur għal passi dixxiplinari minn Imperjalist li kien preżenti. Il-għajta kienet: ‘Malta tal-Maltin!’ ‘Malta m’hix tal-Ingliżi!’ Skont dan l-ispjun Malti, dik l-għajta kienet akkumpanjata minn oħra, terġa’ iktar sedizzjuża minnha, biex il-barrani jitlaq ’il barra minn pajjiżna (‘fuori lo straniero!’). Din is-sejħa nsibuha ripetuta minn Fortunat Mizzi fl-1899, meta ibnu Nerik kellu 14-il sena: “il-Maltin”, huwa kiteb, “kienu jħossuhom bħall-Irlandiżi, illi ‘tgħidx kemm kienu jieħdu gost meta l-Gvern Ingliż jaqbad u jitlaq ’il barra (bag and baggage) u jħallihom jieħdu ħsieb ħwejjiġhom”. (2)
Is-sena tat-twelid kienet ukoll dik li fiha missieru ħareġ pubblikament bis-sejħa għall-ħolqien ta’ jum nazzjonali għal Malta, biex b’dan juru li l-Maltin kienu poplu, kienu nazzjon magħqud, espress u  simbolizzat fil-Jum Nazzjonali tiegħu. Wieħed malajr jifhem kif f’dik il-ħabta, id-data magħżula kienet l-Otto Settembre – b’tifkira tal-Assedju f’Malta tal-1565, li mmarka r-rebħa tal-Ewropa Kristjana fuq l-avvanz Musulman Tork, immortalizzat mill-monument ta’ Antonio Sciortino quddiem il-qorti, li nkixef fl-1927 fi żmien l-amministrazzjoni Mifsud-Mizzi.
Ma’ qlib is-seklu, fl-1901, ta’ 16-il sena, insibuh viċin missieru fil-lotta ħarxa u ostruzzjonista kontra l-ingliżizzazzjoni furzata u l-estimi għal xogħlijiet infrastrutturali inparti għall-benefiċċju tal-gwarniġjon; ġlieda favur is-suppost normi ta’ gvern rappreżentattiv b’maġġoranza Nazzjonalista eletta u injorata, meta allura seħħew id-dimostrazzjonijiet kbar barra l-Bieb tal-Bombi, għax fil-Belt il-laqgħat pubbliċi kienu ġew projbiti. Kienet ukoll is-sena li fiha xi tletin Nazzjonalist inġabru mill-pulizija fuq suspett li matul il-lejl kienu ddanneġġaw bl-aċtu l-istatwa tal-Maestà Tagħha r-Reġina Vittorja fi Pjazza Reġina, quddiem il-Bibljoteka. Il-Kunsill Rappreżentattiv tal-Istudenti (il-Comitato Permanente Universitario), li nbeda, kif għedt f’dan il-waqt, imbagħad kien ġie pprojbit f’nofs is-snin tletin meta kien immexxi minn Ġorġ Borg Olivier.(3)
Sakemm ġie ttrasferit minn Malta s-Segretarju Prinċipali tal-Gvern, Strickland, u fl-1903 ġie rrevokat il-gvern rappreżentattiv miksub mill-PN sitt snin qabel, fl-1887, lil Nerik insibuh fi triqtu għall-Baċellerat fl-Arti u x-Xjenzji mill-Università ta’ Malta. L-ewwel esperjenza universitarja tiegħu, għalhekk ikkoinċediet ma’ perjodu retrograd li fih Malta lanqas kellha iżjed kostituzzjoni funzjonabbli, żmien ta’ protesti, ta’ astensjonijiet, ta’ bojkottaġġi, ta’ tentattivi sabiex b’xi mod tinħoloq assoċjazzjoni politika-patrijottika Maltija b’xeħta apparenti ta’ demokrazija diretta.
Esperjenza Taljana li għaġnet lil Nerik Mizzi
Fl-1907 tibda fażi ġdida u formattiva f’ħajjet Nerik. Hu jħalli Malta u jmur jgħix u jistudja l-liġi l-Italja għal ħames snin, l-ewwel f’Ruma u mbagħad f’Urbino, mnejn jiggradwa b’dottorat fil-liġi fl-1912 b’teżina dwar il-qagħda tal-ġurnalist fl-istampa u fil-liġi.
Kif urejt imkien ieħor u kif nerġa’ nuri fi ktieb li ħiereġ dalwaqt – Culture, Politics and the Future of Identity – din l-esperjenza Taljana kompliet għaġnet u instigat lil Nerik.
Apparti l-istudji u l-kuntatti ġodda tiegħu fi sferi ġurnalistiċi, akkademiċi u politiċi, dan kien żmien movimentat ta’ kambjamenti, sew fl-Italja – bil-kisba tal-Libja fl-1911 – kif ukoll fix-xena internazzjonali bl-axxendenza galoppanti tal-Ġermanja, l-alleanza Anglo-Franċiża, u d-distakk navali tal-Ingilterra mill-Mediterran.

Snin ta’ tbatija u miżerja
F’Malta, l-assenza ta’ Mizzi bejn l-1907 u l-1912 ikkoinċidiet ma’ snin ta’ tbatija u miżerja soċjo-ekonomika, qagħad u emigrazzjoni, flimkien ma’ staġnar politiku-kostituzzjonali nett – sfond doppju għall-politika soċjo-ekonomika u ta’ żvilupp nazzjonali pro-attiv li Mizzi beda jabbozza u jsostni ftit snin biss wara.
F’dawn iċ-ċirkustanzi wkoll, Nerik aktar ħass ħajja l-Italjanità ġeografika, kulturali, reliġjuża, storika u lingwistika ta’ gżirtu, kif ukoll il-ħtieġa ta’ żblokk fil-qagħda soċjali, politika u kostituzzjonali tal-pajjiż, iktar u iktar la l-preżenza Taljana fil-Mediterran kienet qiegħda tikber, filwaqt li dik Ingliża kienet qiegħda tmajna.
Wara l-laqgħa f’Malta bejn Asquith, Churchill u Kitchener fl-1912, l-Ingilterra u Franza kienu ftehmu biex jirriallokaw bejniethom l-isferi tal-ħarsien navali, bil-flotta Ingliża titlaq minn Malta ħalli tikkonċentra l-forzi tagħha fil-Baħar tan-Nord.
Kien f’dan il-kuntest strateġikament mibdul u kulturalment sospett li Mizzi fl-1912 ħareġ bis-suġġeriment f’rivista, meta kien għadu student, li Malta titpartat mal-Eritrea bejn l-Italja u l-Ingilterra> bil-patt, iżda, li Malta f’pactum foederis mar-Renju Taljan tgawdi awtonomija politika reġjonali, kif ukoll tibbenefika minn privileġġi u aċċessi għal riżorsi superjuri Taljani, u fl-istess waqt li tibqa’ tipprovdi liberament kwalunkwe faċilitajiet navali u portwarji meħtieġa lir-Renju Unit u stati oħrajn.

Proposta li riedet ukoll awtonomija għal Malta
Rappreżentanti Maltin kellhom wkoll jiġu eletti fil-Parlament Taljan biex javvanzaw l-interessi Maltin. Kienet proposta ta’ federazzjoni jew integrazzjoni li riedet ukoll awtonomija għal Malta, bil-benefiċċji kollha possibbli li Malta setgħet takkwista mill-ġara, l-Italja, fiż-żmien meta l-faxxiżmu lanqas biss kien għadu tfaċċa. (4)
Wara li Franza kienet ħadet Tuneż, fl-1883 l-Italja ssieħbet f’alleanza mal-Awstrija u l-Ġermanja. Bil-proposta ta’ Nerik, issa fl-1912, ma setgħetx minflok l-Italja tissieħeb f’alleanza mal-Ingilterra?
Minn hawnekk, l-iktar li oriġinat l-akkuża ta’ irredentiżmu u żlealtà versu l-Ingilterra u l-Imperu tagħha. Kienet akkuża politikament konvenjenti għall-avversarji ‘leali’, anzi ‘lealissmi’, b’taħwira ta’ nazzjonaliżmu lingwistiku klassiku, li kellha tibqa’ tittormentah għal għomru u tinfluwenza l-memorja kollettiva ta’ British Malta b’mod tanġenzjali.
Dan, minkejja li fl-1932, meta kien fil-Gvern, insibuh Londra flimkien mal-Prim Ministru tiegħu, Sir Ugo Mifsud, jitlob għal Malta d-Dominion Status, skont l-istatut frisk frisk ta’ Westminster tal-1931.
Id-Dominion Status kien ifisser awtonomija ftit jew wisq sħiħa għal Malta fi ħdan l-Imperu Ingliż, li beda jissejjaħ Commonwealth – kważi indipendenza, bħall-Kanada u l-Awstralja. M’għandniex xi ngħidu, għal Malta, l-Ingliżi la riedu l-ewwel proposta ta’ awtonomija reġjonali f’patt mal-Italja, u lanqas it-tieni waħda ta’ awtonomija statutorja fi ħdan l-Imperu Ingliż.
• Ikompli ġimgħa oħra
2  H. Frendo, Żmien l-Ingliżi – Is-Seklu Dsatax (KKM, Valletta, 2004), p. 278.
3  Għal aktar tagħrif dwar dan, ara x-xogħol tiegħi Culture, Politics and the Future of Identity, op.cit.
4  Ibid., p. 151, p. 159; u ara l-introduzzjoni ‘Motherland and Empire’ f’A. Sammut, The Court Martial of Enrico Mizzi (Midsea, 2005), vii-xii.

Is-Sibt, 9 ta’ Ottubru 2010

ŻEWĠ GVERNIJIET OĦRA TAĊ-ĊENTRU-LEMIN FL-EWROPA

In-nuqqas ta' fiduċja fil-kapaċità tal-partiti u movimenti Xellugin li jiffaċċjaw u jsolvu l-problemi tal-kriżi finanzjarja-ekonomika li qed tiffaċċja d-dinja, qed dejjem tikber u tinxtered, b'kull opportunità li jkollhom il-popli jwarrbuhom u jagħżlu jew jikkonfermaw partiti u koalizzjonijiet taċ-Ċentru-Lemin sabiex jiggvernawhom, bħalma ġara din il-ġimgħa fil-Latvja u fl-Olanda.

FIL-LATVJA
MAĠĠORANZA IKBAR GĦALL-KOALIZZJONI FIL-GVERN
Wara l-elezzjoni tal-Ħadd li għadda fil-Latvja l-koalizzjoni Ċentru-Leminija "Unità" (Vienotíiba -V) flimkien ma' partiti oħra taċ-Ċentru u l-Lemin li kienu jiffurmaw il-gvern ta' Valdis Dombrovskis (ritratt) mhux biss ġiet konfermata mill-poplu, iżda kompliet ssaħħet u issa kisbet 58.6 fil-mija tal-voti li jissarfu f'maġġoranza komda fil-parlament ta' 63 minn 100 siġġu.
Dan minkejja li l-gvern kellu jieħu deċiżjonijiet xejn popolari biex jaffronta l-kriżi finanzjarja-ekonomika  billi jnaqqas l-infieq tal-gvern u jintroduċi riformi strutturali biex ikun kredibbli mal-investituri barranin, il-Kummissjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali. Dawn l-aħħar tnejn salvaw lill-pajjiż minn diffikultajiet finanzjarji (bailed out) b'self fit-tul, li l-gvern qal ċar u tond li biex jitħallas lura se jkollu jagħmel budgets iebsa.
 Minkejja wkoll it-tbassir pessimistiku ta' diversi osservaturi (u s-soltu opinion polls qabel l-elezzjoni) li kienu diġà għamluha fatta t-telfa taċ-Ċentru-Lemin, u r-rebħa tal-ikbar alleanza fl-oppożizzjoni, l-hekk imsejħa "Ċentru tal-Armonija" (SC), xellugija b'ideat Komunisti, u favur Moska, bil-biċċa l-kbira tad-deputati tagħha ġejjin mill-komunità Russa fil-pajjiż.
Din fil-fatt spiċċat tilfet 5 siġġijiet meta tqies li t-tlett partiti li ngħaqdu fil-koalizzjoni, fl-elezzjoni ta' erba' snin ilu kienu kisbu 34 siġġu bejnithom u issa spiċċaw b'29.
B'kollox ix-Xellug ġabru 26% tal-voti, bi kważi l-kumplament kollha jivvutaw lill-"Unità", lill-Unjoni ċentrista tal-Ħodor u l-Bdiewa ZZS (19.7% u 22 siġġu), u lil blokk ieħor tal-Lemin "Alleanza Nazzjonali" (NA) bis-7.7% li kisbet akkwistat 8 siġġijiet oħra.
Dan ifisser li fil-parlament tal-Latjva issa hemm maġġoranza assoluta ta' 71 siġġu bl-appoġġ ta' aktar  minn 66% tal-elettorat.
Dan ma kienx ikun possibbli kieku l-partit taċ-Ċentru u tal-Lemin baqgħu maqsumin f'geġwiġija ta' partiti frott piki, antagoniżmu u ambizzjonijiet personali. Ġieli kien hemm anki għaxra minnhom!


FL-OLANDA
GVERN ...WARA ERBA' XHUR MOĦLIJA
Bħalma kien mistenni, u bħalma soltu jiġri fl-Olanda wara kull elezzjoni, tħallew jgħaddu x-xhur, din id-darba erba', qabel intlaħaq ftehim biex ikun jista' jiġi ffurmat gvern, u l-Ħamis ir-Reġina Beatriċi inkarigat lill-mexxej tal-Partit tal-Libertà (VVD) Mark Rutte biex jifforma gvern.  Erba' xhur moħlija, perikolużi quddiem il-kriżi internazzjonali, u inspjegabbli meta tqies, bħalma kont ikkummentajt fil-post tiegħi tat-13 ta' Ġunju, li l-poplu kien tkellem ċar bil-vot tiegħu meta ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin.
Infatti l-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin kisbu 53% tal-voti u 81 mill-150 siġġu fil-parlament, imqassmin hekk: Partit Popolari għal-Libertà u Demokrazija (VVD) 31 siġġu; Appel Kristjan-Demokratiku (CDA) 21;  Partit tal-Libertà (PVV) 24; Unjoni Kristjana (CU) 5.
  Fuq il-karta, għalhekk, il-formazzjoni tal-gvern kellha tkun ħaġa faċli ħafna aktar minn qabel. Għaliex allura nħlew dawn l-erba' xhur vitali?
Raġuni ewlenija kienet ir-reżistenza minn  elementi Xellugin fil-partit Kristjan-Demokratiku (CDA) li jaċċettaw il-verdett u l-messaġġ tal-poplu li ried gvern Ċentru-Lemini.
Dawn  l-istess elementi kienu wasslu lis-CDA biex, wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet (2002 u 2206), il-partit mar kontra l-għeruq Ċentru-leminin naturali tiegħu u appoġġja jew ingħaqad fi gvernijiet Ċentru-Xellugin mal-Partit Laburista (PdvA) li, inevitabilment, minħabba n-nuqqas ta' omoġenjità bejnithom, waqgħu qabel iż-żmien.
L-aħħar wieħed fi Frar li għadda meta l-Laburisti ma qablux li l-gvern Olandiż iżied is-suldati għall-gwerra kontra t-terroriżmu fl-Afganistan.
Geert Wilders (PVV), Mark Rutte (VVD) u
Maxime Verhagen (CDA) jifirħu  bil-ftehim 
Dan wassal għall-elezzjoni ta' Ġunju li għadda, li fiha l-maġġoranza tal-votanti kabbru l-appoġġ lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin, iżda fl-istess ħin ppenalizzaw lill-KristjanDemokratiċi billi s-CDA naqqas nofs il-voti biex b'hekk mill-ikbar partit spiċċa r-raba', u tilef nofs is-siġġijiet fil-parlament.
Jidher li l-maġġoranza fis-CDA issa tgħallmuha l-lezzjoni, għax waqt konferenza ġenerali straordinarja 68% ivvutaw favur koalizzjoni  Ċentru-Leminija mal-partit ta' Rutte, appoġġjata mill-PVV.
Infatti Mark Rutte ħabbar li l-ġimgħa d-dieħla se jitlob il-fiduċja tal-parlament għall-gvern tiegħu magħmul mill-partit tiegħu VVD, mas-CDA, bl-appoġġ minn barra tal-Partit tal-Libertà (PVV), b'dan l-aħħar partit populista tal-kontroversjali Geert Wilders ikun l-aktar wieħed li mar tajjeb biex ħa  post is-CDA bħala t-tielet l-ikbar partit billi żjied il-voti b'9.6% għal 15.5%.
Filwaqt li l-Wilders mhu se jkollu l-ebda ministru fil-kabinet, dan wiegħed l-appoġġ tal-partit tiegħu lill-programm tal-gvern "Libertà u Responsabbiltà" li se jinkludi projbizzjoni tal-ilbies tal-burka għal raġunijiet ta' sigurtà, tal-veli fl-iskejjel u uffiċji tal-gvern, tnaqqis drastiku fuq l-immigrazzjoni minn pajjiżi Musulmani u oħrajn mhux mill-Punent, li mhumiex biss konċessjonijiet lil PVV, iżda għarfien tal-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwar dawn il-problemi.
Bħalma kont osservajt tlett ġimgħat ilu meta kkummentajt dwar l-elezzjoni fl-Isvezja, faċli telimina partiti bħal dawn, li qed javvanzaw f'pajjiż Ewropew wara ieħor, bħala xenofobi u razzisti, iżda dawn jirriflettu l-ansjetà ta' miljuni ta' votanti, li l-partiti l-kbar jagħmlu tajjeb jippruvaw jifhmuhom, u jieħdu miżuri meħtieġa, qabel ikomplu jikbru partiti bħal dawn bil-possibiltà ta' instabbilità politika.
Hekk qed jagħmlu gvernijiet bħal dak ta' Franza, il-Belġju, u dalwaqt fl-Italja u anki fl-Ingilterra, hekk kif medja ta' 60% tal-popli Ewropej huma favur l-projbizzjoni tal-ilbies li jgħatti speċjalment l-uċuh. 

Il-Ħamis, 30 ta’ Settembru 2010

60 Sena mill-mewt ta' Enrico Mizzi (1)

Bħalma ktibt madwar ħmistax ilu fil-bidu ta' dan ix-xahar kelli x-xorti nattendi għal diskors ferm riċerkat u interessanti tal-Professur Henry Frendo dwar il-politiku u patrijott kbir Malti Enrico Mizzi, liema diskors kont se nirsisti biex inkun nistà nġibu fil-blog. Dr. Frendo mill-ewwel qabel li nagħmel dan, u minn din il-ġimgħa qed nibda nwassalulkom f'siltiet qosra (biex jinqraw malajr) u qed nippjana li ntemmu kollu sa' qabel is-60 anniversarju mill-mewt ta' Nerik fl-20 ta' Diċembru li ġej. Nirringrazzja mill-qalb lil Dr. Frendo, u nittama li ssibu dan it-tagħrif storiku interessanti u hekk kif tixtarruh tapprezzaw aktar x'kien ifisser Enrico Mizzi għalina lkoll, irrispettivament mill-kulur politiku tagħna.  
NERIK MIZZI : Min kien u x'fisser
Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo –  6 ta’ Settembru, 2010
Nerik Mizzi hu l-iżjed persunaġġ politiku persegwitat matul il-kolonjaliżmu Ingliż f’Malta. Sfortunatament, minħabba ċerti partiġjaniżmu u injoranza ta’ ġrajjietna, il-memorja tiegħu baqgħet tiġi mkasbra u vvilifikata saħansitra wara l-Indipendenza. Tant hu hekk, li fis-snin Sebgħin, għal darba wara l-oħra, il-bust tiegħu, mikxuf minn Ġorġ Borg Olivier f’Settembru 1964, insteraq, inħeba, u saħansitra ntrema l-baħar minn xi persuni żgwidati, li baqgħu qatt ma nqabdu u tressqu għal għemilhom. Sadattant, il-bust instab u reġa’ nstab, ġie restitwit u tqiegħed f’postu fi Pjazza San Ġwann mill-istess amministrazzjoni li taħtha twettqu dawn il-ġesti, u li l-istess kap tagħha kien eloġja lil Nerik Mizzi f’mewtu bħala ‘l-aqwa fost il-Maltin’. Madankollu, ir-rikonixximent bil-mod jiġi, speċjalment għal min l-iktar ikun jistħoqqlu. B’dan id-diskors kommemorattiv, 60 sena minn mewt Nerik Mizzi, nixtieq modestament noffri apprezzament kritiku post-kolonjali, bit-tama li jiċċara l-malintiżi u forsi jagħlaq xi feriti li setgħu baqgħu miftuħa.
Bin Fortunat Mizzi – l-hekk imsejjaħ Pater Patriæ, li fl-1880 ta bidu għall-moviment Nazzjonalista Malti – Nerik twieled il-belt Valletta u għex bejn l-1885 u l-1950, l-uniku politiku Malti li qatt miet fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Taqbel jew ma taqbilx miegħu, Nerik Mizzi baqa’ miftakar minn kull min kien jafu għall-onestà, is-sinċerità u l-integrità tiegħu, fuq kollox, irrid ingħid, għall-kuraġġ tiegħu – għalhekk id-diċitura cavaliere senza macchia e senza paura. Baqa’ miftakar ukoll għad-devozzjoni tiegħu lejn ix-xogħol, il-kawża li emmen fiha u li stinka għaliha. Martu Biċe nèe Vassallo, pjanista ċelebri, kienet tgħid, “m’għandix raġel” għax ftit kienet tarah.(1)
Ibnu wkoll, Dun Natalin tal-Moviment Azzjoni Soċjali, illum Monsinjur, lanqas tant kien jafu u jiftakru mill-qrib, anki għaliex ta’ età żgħira dan kien daħal is-Seminarju. Għalkemm bla dubju raġel tar-rispett u tal-familja wkoll, Nerik kien dejjem jaħdem, iddedikat b’ruħu u ġismu għall-politika, għall-patrija, bil-ġurnaliżmu b’kollox, speċjalment il-Malta li, sa fejn ħallewh, baqa’ joħroġha kuljum akkost ta’ kollox.
Iben dehen ta’ missieru, sa minn tfulitu, Nerik Mizzi kien involut fil-Comitato Permanente Universitario bħala student, u fil-presidenza tal-Giovine Malta għadu żagħżugħ sa mill-1901; elett fil-Kunsill tal-Gvern matul l-ewwel gwerra sakemm ħallewh; prominenti fl-Assemblea Nazionale tal-1919; kap tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista u deputat fl-Assemblea Leġiżlattiva wara l-1921 flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud, kap tal-PN riunit wara l-1926; darbtejn Ministru; delegat ewlieni fit-talba għad-Dominion Status f’Londra, fl-1932 ftit qabel ma l-Ingliżi vilment qaċċtu l-Kabinet u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Internat u ddeportat bla akkuża u bla ħtija matul it-Tieni Gwerra, wara r-rimpatrijament tiegħu, Nerik reġa’ beda jorganizza l-PN bħala l-Kap tiegħu, kien il-kelliem Nazzjonalista ewlieni fit-tieni Assemblea Nazzjonali għall-gvern responsabbli, u sar Kap tal-Oppożizzjoni fl-1947. Sakemm fl-1950 rajna l-eluf ta’ Maltin imbikkma u stakkamenti ta’ uffiċjali Ingliżi in fila fil-famuż funeral prattikament statali ta’ min kien proprju ra ħajtu għal darba wara l-oħra itturufnata mill-kolonjaliżmu Ingliż, u minn dawk il-Maltin pro-Ingliżi li fl-imperjaliżmu kienu jaraw, skont huma, l-awqa “patrijottiżmu”, jekk mhux l-uniku ‘nazzjonaliżmu’. Jekk kien hemm ġustizzja poetika fl-istorja politika ta’ pajjiżna, żgur li kienet din. (Fuq nota personali, x’aktarx ukoll li din hi l-ewwel memorja ta’ ħajti: tant kienu telgħu nies fl-appartament tagħna l-Furjana li kien jagħti fuq Pjazza Sant’Anna li, tifel ta’ sentejn u nofs jiġri mas-saqajn fost il-kommozzjoni, nifditni u baqgħet tidwi f’moħħi esklamazzjoni mbeżża’ tal-mamà: ‘qed nibża’ li se ċċedi l-gallarija!’)
[1] Antoinette Miggiani: Henry Frendo, Madliena, 12 ta’ Ġunju, 2005.
• Ikompli ġimgħa oħra

L-Erbgħa, 29 ta’ Settembru 2010

Vot Qawwi ta' Fiduċja fil-Gvern Taljan

Berlusconi IKABBAR l-Appoġġ fil-Parlament
Wara Sajf ta' battibekki bejn il-Prim Ministru u Kap tal-Popolo della Libertà Silvio Berlusconi u li-Speaker u ko-fundatur tal-istess partit Gianfranco Fini (li sadattant waqqaf grupp separat fil-Parlament), li wasslu biex diversi osservaturi (mhux dejjem imparzjali) bassru li l-gvern tiegħu wasal biex jaqa', il-lejla fis-7.30 tħabbar li l-Kamra tad-Deputati mhux biss ivvutat il-fiduċja fil-gvern Ċentru-Lemini ta' Berlusconi, iżda kabbritlu l-maġġoranza.
Infatti r-riżultat FINALI (wara li żewġ deputati tal-gvern, u ieħor tal-oppożiżżjoni li ma laħqux ivvutaw talbu li jiżdiedu l-voti tagħhom: l-ewwel tnejn favur il-gvern, u l-ieħor kontra) kien dan:
Favur il-gvern: 344; Kontra: 276; Asjenew: 3
Sabiex jgħaddi l-vot ta' fiduċja l-gvern ried jikseb mill-inqas 309 vot.
Bit-344 li vvutaw favur il-gvern Berlusconi mhux biss kiseb ferm aktar milli kellu bżonn, talli ŻJIED il-maġġoranza b'9 voti fil-parlament, għax meta ttieħed il-vot ta' fiduċja fl-2008 wara li ċ-Ċentru-Lemin rebah l-elezzjoni kienu 335 li vvutaw favur il-gvern. Rigal  mill-isbaħ għall-birthday, illum, ta' Berlusconi.
Immedjatament analisti innutaw li ma jistgħux jimmaġinaw li issa jkun hemm xi ħadd minn fost id-deputati li saħħew il-fiduċja fil-gvern li jibda jikkritika lill-gvern pubblikament  minflok ma jiddibatti fl-istrutturi apposta fi ħdan l-alleanza tal-partiti fil-gvern.

It-Tnejn, 27 ta’ Settembru 2010

Chavez jitlef il-maġġoranza assoluta fil-Venezwela

52% JIVVUTAW KONTRA                                                             R-RIVOLUZZJONI KOMUNISTA
Ramon Guillermo (ritratt waqt iċ-ċelebrazzjonijiet), wieħed mill-mexxejja tal-Unidad, jew il-Panel Demokratiku Unit (MUD) l-alleanza tal-partiti  fl-oppożizzjoni għall-ħakma Soċjalista awtokratika ta' Hugo Chavez fil-Venezuela qal li huma kisbu 52% tal-voti mixħuta fl-elezzjoni leġislattiva li saret il-bieraħ il-Ħadd.
Din hija daqqa ta' ħarta kbira għal-Chavez u l-Partit Soċjalista Unitarju (PSUV) tiegħu għax issa tilef il-maġġoranza assoluta ta' żewġ terzi tas-siġġijiet li kellu.
Infatti l-PSUV s'issa kiseb 95 siġġu (qabel kellu 139 mill-165 fl-Assemblea Nazzjonali minħabba li l-partiti fl-oppożizzjoni kienu bbojkottjaw l-elezzjoni tal-2005), filwaqt li l-Unidad s'issa għandha 61,  minħabba s-sistema elettorali tal-pajjiż.
B'hekk Chavez ma jistax jibqa' għaddej bil-programm tiegħu ta' rivoluzzjoni Bolivarjana, jew Komunista, bħal dik ta' Kuba. Ma jistax jibqa' jaħtar waħdu l-imħallfin, il-kummissjoni elettorali, jgħaddi digrieti presidenzjali, japprova l-baġit jew jgħadi liġijiet ġodda, anki kontroversjali li jdagħjfu l-libertà u d-demokrazija.
Dan huwa riżultat ferm importanti fid-dawl tal-elezzjoni presidenzjali tal-2012, fejn Chavez kien qed jittama li jikseb mandat ieħor ħalli jkun jista jkompli jibdel lil Venezwela f'Kuba oħra.

Is-Sibt, 25 ta’ Settembru 2010

Telfa Oħra Umiljanti għax-Xellug fl-Isvezja

MAĠĠORANZA GĦAĊ-ĊENTRU U L-LEMIN 
... IŻDA GVERN DUBJUŻ!
Sal-lum kull min jinteressa ruħu fil-politika internazzjonali jaf li l-elettorat Svediż fl-elezzjoni li saret il-Ħadd li għadda, għat-tieni darba konsekuttiva mhux biss reġà ċaħħad lis-Soċjalisti, lix-Xellug mill-gvern f'pajjiż li kienu ddominaw għal 70 sena, iżda kompla naqqsilhom l-appoġġ u s-siġġijiet.
Infatti l-Partit Soċjaldemokratiku (S) spiċċa reġà naqqas il-voti b'4.3% u tilef 18-il siġġu ieħor, wara s-16 li tilef fl-elezzjoni ta' erba' snin ilu, issa jinsab b'112-il siġġu biss, l-inqas li qatt kellu f'dawn l-aħħar 50 sena!
Dan ifisser li lanqas biż-żewġ partiti alleati tradizzjonali tagħhom il-Ħodor u l-eks Komunisti jinsabu l-bogħod minn maġġornanza li biha jkunu jistgħu jirritornaw fil-gvern.
Infatti filwaqt li l-Ħodor (MP) żjiedu l-persentaġġ u s-siġġijiet għal 7.3% u 25 , a skapitu tas-Soċjalisti, l-Partit Xellugi (l-eks Komunista V) tilef tlett siġġijiet u 0.3% tal-voti, biex issa għandu 19-il siġġu (5.6%).
Dan ifisser li bejnithom ix-Xellugin  miġburin fil-blokk Rödgöna (jew Ħomor-Ħodor) komplew naqsu l-appoġġ bi 2.5% għal 43.6% u tilfu 15-il siġġu, biex bil-156 siġġu tagħhom m'għandhomx ċans jiffurmaw gvern għax iridu mill-inqas 175 fil-parlament ta' 349 siġġu.
Mill-banda l-oħra l-koalizzjoni Ċentru-Leminija fil-gvern, filwaqt li kabbret l-appoġġ b'1.2%, u għad għandha maġġoranza, minħabba s-sistema elettorali proporzjonali Svediża, minflok żjiedet wkoll is-siġġijiet tilfet ħamsa u, sakemm qed nikteb, jonqosha żewġ siġġijiet biex tkun tista' tiggverna bil-kumdità.
X'ġara allura biex l-Isvezja, pajjiż tradizzjonalment stabbli, għadha bi gvern dubjuż?
Ħalli naraw kif marru l-partiti tal-koalizzjoni governattiva tal-erba partiti Ċentru-Leminin imsejħa Alliansen (Alleanza):
Il-Partit tal-Prim Ministru Fredrik Reinfeldt (ritratt), il-Moderata Samlingspartiet (M), Moderat, Liberali Konservattiv, kellu l-ikbar żjieda fil-voti, bi kważi 4 fil-mija għal 30.1%, li ssarrfet f'żjieda ta' 10 siġġijiet għal 107 – l-aħjar li qatt mar minn meta twaqqaf fl-1904.
Iżda din iż-żjieda ma kenitx biżżejjed biex tpatti għat-telf li sofrew it-tlett partit l-oħra fl-Alleanza li bejnithom naqqsu 15-il siġġu, u b'hekk ċaħdu lil Reinfeldt minn maġġoranza assoluta.
Infatti filwaqt li l-Partit Liberali tal-Poplu (FP) naqqas l-appoġġ b'0.4% għal 7.1% u spiċċa b'24 siġġu (-4), dak Ċentrista (C) naqqas b'1.3% għal 6.6%, u 23 siġġu (- 6). Il-partit l-ieħor li, bħall-Moderat hu membru fil-Partit Popolari Ewropej (PPE), il-KristjanDemokratiku (KD) sofra tnaqqis ta' 1 fil-mija għal 5.6% u 19-il siġġu (-5).
Minkejja dan, bħalma ktibt qabel, l-Alleanza kabbret l-appoġġ b'1.2 fil-mija, li però ma rriflettitx f'żjieda ta' siġġijiet. Dan għax, minħabba s-sistema elettorali,  x'aktarx li biex dan isir iż-zjieda fil-voti trid taqbeż it-2 fil-mija. X'wassal, għalhekk, biex dan ma ġarax, avolja l-gvern Ċentru-Lemini fl-erba' snin tiegħu irnexxielu jikseb l-ikbar titjib fl-ekonomija (l-Isvezja rat l-ikbar tkabbir ekonomiku (+4%) fl-Ewropa, bil-finanzi pubbliċi fost l-aktar b'saħħithom minkejja r-reċessjoni globali?
Għal darb'oħra kien hemm rekord (għal dawn l-aħħar 20 sena) fin-numru ta' dawk li marru jivvutaw: 84.6% imqabbla mat-82% ta' erba' snin ilu. Allura jekk ngħoddu l-voti taż-żewġ blokk, 49.4 + 43.6% u dawn iġibu 93%, fejn marru s-7% l-oħra? Kienu biss 1.4% biss minnhom li nħlew fuq partiti żgħar li ma tellgħu ebda siġġu.
Il-bqija 5.7% ivvutaw lil partit ġdid, id-Demokratiċi tal-Isvezja (SD), partit populista tal-lemin li twieled 12-il sena ilu biss, u li  minn xejn issa għandu 20 siġġu fir-Riksdag, il-parlament Svediż. 20 siġġu deċiżivi biex jiġi ffurmat gvern sod u stabbli.
Faċli, faċli żżejjed li wieħed jelimina lil dan il-partit u lil dawk kollha li vvutawlu, bħala xenofobi jew razzisti, bħalma għamlu, naturalment mill-ewwel, x-xellugin fl-Isvezja (u fid-dinja), u mbagħad politiċi mill-koalizzjoni fil-gvern, meta kien hemm min wasal biex ipprova jfixkel lil dan il-partit mid-dritt fundamentali li jwassal l-ideat tiegħu tul il-kampanja elettorali, u anki qabel, b'riżultati, kif rajna, kontroproduċenti. 
Imma x'inhuma l-ideat, il-politika tad-Demokratiċi mmexxija miż-żagħżugħ Jimmie Akesson?  Punti ewlenin  jinkludu: Tnaqqis fl-immigrazzjoni u ritorn lejn l-poltika ta' assimilazzjoni tas-Sebgħinijiet; Id iebsa kontra l-kriminalità, b'pieni aktar ħorox għal offiżi serji u dawk reċidivi; Żjidiet fil-pensjoni.
F'pajjiż li, bħalma ktibt, beda jieħu r-ruħ ekonomikament u finanzjarment, il-pjaga tal-qagħad għadha miftuħa (8%), b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ – 25% ta' dawk bejn il-15 u l-24 sena jinsabu bla xogħol u jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali. 
Dan qed ipoġġi piż kbir fuq il-pajjiż, u l-gvern kellu jibda jnaqqas dawn il-benefiċċji.
L-argument tad-Demokratiċi kien li f'sitwazzjoni bħal din, il-problema tal-immigrazzjoni trid tiġi ffaċċjata b'serjetà u realiżmu, u mhux bl-idealiżmu fieragħ ta' ċerti psewdo-intellettwali.
Fl-imgħoddi l-immigrati Taljani, Spanjoli, Griegi eċċetra kellhom jaħdmu, inkella jirtirawlhom il-permess li jibqgħu jgħixu hemm u jkollhom jitilqu lura f'pajjiżhom. Illum 14% tal-popolazzjoni hija Islamika, b'uħud minnhom ma jagħmlu xejn, jgħixu b'benefiċċji soċjali ferm ġenerużi, li minbarra flus jinkludu wkoll fejn jogħqodu.
Kif jista' ikun għalhekk, isostnu d-Demokratiċi, li l-gvern iħares l-interessi ta' dawn il-barranin u mhux l-ewwel dawk taċ-ċittadini tiegħu? Dan mhuwiex razziżmu, iżda raġunijiet oġġettivi, reali.
Nistgħu ma naqblux magħhom, imma n-numru tal-eletturi li jifmuha hekk hekk dejjem jikber, u mhux fl-Isvezja biss. Jekk lil dawn se nibqgħu ninjorawhom, u dawn il-problemi ma jiġux affrontati serjament u malajr, in-numru tax-xenofobi veri jikber, flimkien mal-problemi, u għad naslu f'sitwazzjoni fejn ċerti miżuri ikollhom jittieħdu bilfors u jistgħu ikunu aktar iebsa wkoll.
Minkejja dan kollu kelliema għall-Alleanza taċ-Ċentru-Lemin kienu qed jgħidu li mad-Demokratiċi ma jridux ikollhom x'jaqsmu, u kienu lesti jiffurmaw gvern max-xellugin Ħodor, iżda dawn mill-ewwel iddikjaraw li dawk li vvutawlhom żgur ma kienux japprovaw ħaġa bħal din.
Għalhekk, jekk tgħaddi ta' dawn l-imkejjen fl-Alleanza u jibqa' ma jsirx xi forma ta' ftehim mad-Demokratiċi ta' Akesson (li mhux bilfors ifisser li jkunu parti fil-gvern), l-Isvediżi se jiffaċċjaw futur inċert, bil-probabbiltà ta' elezzjoni oħra f'qasir żmien li tkisser l-istabbilità li tant jeħtieġ il-pajjiż.
Dan kollu  għax ma tkunx rispettata x-xewqa tal-poplu li tkellem ċar: ma jridx lix-Xellug fil-poter, filwaqt li ta maġġoranza assoluta lill-partiti taċ-Ċentru u tal-Lemin ta' aktar minn 55% u 193 siġġu, meta tgħodd dawk li kisbet l-Alleanza ma' dawk tad-Demokratiċi tal-Isvezja. 

L-Erbgħa, 15 ta’ Settembru 2010

NERIK MIZZI: 60 SENA MINN MEWTU

F'Diċembru li ġej jaħbat is-60 anniversarju mill-mewt tal-patrijott kbir Malti Enrico Mizzi, u l-ġimgħa .-oħra kelli l-pjaċir nattendi għal diskors mill-aktar riċerkat u interessanti dwar il-ħajja politika ta' "Nerik", bħalma kien isejjaħlu affettwożament il-popolin.
L-istoriku ewlieni l-Professur Henry Frendo żvela avvenimenti u punti fil-karriera, anzi fil-missjoni politika ta' Nerik, li għal ħafna kienu ġodda, u d-diskors żgur serva biex neħħa anki preġudizzji li l-għedewwa tiegħu kien irnexxilhom ixerrdu tul snin twal ta' persekuzzjoni mill-ħakkiema Ingliżi u l-lagħqin tagħhom.
Fosthom dwar xi 'simpatiji' ta' Nerik lejn il-faxxiżmu,  meta fil-fatt hu minn dejjem, snin qabel Mussolini, ried isaħħaħ ir-rabta mal-kultura Latina Taljana, Ewropea, bħala reżistenza kontra l-attentati ta' Angloċizzazzjoni tal-poplu Malti.
Nittama li nkun nista' inwassal dan id-diskors kollu f'dan il-blog fl-iqsar żmien possibbli.

MERĦBA LURA

Wara li jiena flimkien magħkom ħadna l-mistrieħ xieraq tas-Sajf, għalkemm dan uffiċjalment jintemm ġimgħa oħra, nilqagħkom lura fil-blog bit-tama li terġgħu tibdew issegwu l-kummenti tiegħi, l-aktar dwar il-politika u l-avvenimenti internazzjonali u, jekk tħossu l-bżonn tgħaddu l-kummenti tagħkom.
Bħalma forsi tiftakru, u tistgħu tikkonfermaw hawn taħt, fl-aħħar nota tiegħi qabel il-waqfien tas-Sajf kont ktibt li jekk kien ikun hemm xi avveniment importanti, mhux mistenni, kont xorta waħda se nikkummenta.
B'xorti tajba dan ma seħħx, avolja kien hemm min iltaqa' miegħi jew kitibli, li stennini ngħid xi ħaġa dwar xi avveniment jew ieħor. 
Ir-risposta tiegħi hija li fi kważi l-każijiet kollha li ssemmewli dawn kienu għadhom qed jiżviluppaw, bħall-kriżi politika li kkawża li-Speaker tal-Kamra tad-Deputati fl-Italja Fini fi ħdan il-partit tal-maġġoranza Popolo della Libertà bit-twaqqif ta' grupp parlamentari tiegħu. Kriżi li issa mistennija tintemm fi tmiem ix-xahar wara diskors importanti tal-Prim Ministru Berlusconi fit-28 tax-xahar fil-Parlament, fejn se jitlob vot ta' fiduċja, li hu konvint li se jiksbu.
Kien hemm ukoll l-elezzjoni fl-Awstralja fejn, minkejja li l-Coalition bejn il-Partit Liberali u dak Nazzjonali kisbet aktar siġġijiet u voti mil-Labour Party (43.3% kontra t-38% tal-Labour), dan tal-aħħar irnexxielu jifforma gvern bl-għajnuna tad-deputat tal-Ħodor, u tlett indipendenti.
Dan  ifisser li l-Labour se jkollu jinnegozja ma' dawn kull miżura u liġi li jressaq, u osservaturi politiċi Awstraljani diġà qed ibassru elezzjoni ġdida fi żmien sena/sena u nofs.
Avveniment ieħor li wkoll għadu qed jizviluppa kien il-bidu ta' taħditiet ġodda għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestina.
Għalhekk dwar dawn l-avvenimenti u oħrajn żgur se nkunu nistgħu nikkummentaw aktar fiċ-ċert fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide