Il-Ħadd, 29 ta’ April 2012

Elezzjonijiet Presidenzjali fi Franza (2)

"HOLLANDE PERIKOLUŻ GĦAL FRANZA U L-EWROPA"
Dan il-kliem mhux tiegħi, għalkemm naqbel miegħu perfettament. Dan huwa l-isem ta' editorjal tar-rivista Ingliża li ġiet pubblikata l-bieraħ The Economist. Ir-rivista li tiddikjara ruħha "liberali imma  mhux konservattiva" fl-imgħoddi xejn ma ddejqet tikkritika mexxejja politiċi magħrufin għall-fehmiet tagħhom kontra x-Xellug. Biżżejjed insemmi lil Bush u lil Berlusconi li l-Economist kien jeċċella fil-kritika u l-attakki kontrihom meta kienu jiggvernaw.
Intant fil-ħarġa tal-bieraħ bit-titlu dirett "Il-pjuttost perikoluż Monsieur Hollande" l-editur John Micklethwait jispjega għaliex is-Soċjalista li x'aktarx ikun il-president Franċiż li jmiss huwa ta' ħsara mhux biss għal Franza imma anki għall-Ewropa.
L-editur jibda billi jwissi illi li kieku Franza jsir il-pajjiż li jmiss fiż-żona Ewro li jsib ruħu fl-inkwiet, l-istess eżistenza tal-munita tkun f'dubju ssalvax, u huwa għalhekk li rebħa Soċjalista f'dak il-pajjiż tkun inkwetanti.
Ir-rivista tfakkar kif fl-2007 kienet appoġġjat lil Sarkozy, u kif hu kien sfortunat li sena biss wara ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali. Minkejja dan hu wettaq xi riformi fosthom: illiberalizza l-universitajiet, għolla l-età tal-pensjoni, u rattab il-liġi li tobbliga lill-ħaddiema, anki jekk iridu, ma jaħdmux aktar minn 35 siegħa fil-ġimgħa; liġi li kienu daħħlu s-Soċjalisti.
L-editur jgħid però li f'ċerti ideat tiegħu, bħal dawk 'protezzjonisti' fil-każ tal-immigranti u oħrajn li l-editur iusejjaħ 'anti-Ewropej, jagħmluh imorevedibbli, iżda jiddikjara illi kieku setgħa jivvota fi Franza l-Ħadd li ġej kien jivvota xorta waħda lil Sarkozy - "mhux fuq il-merti tiegħu, imma aktar biex ma jitlax Hollande".
Dan għax Hollande m'għandu l-ebda risposta, soluzzjoni għall-problemi ta' Franza: dejn pubbliku għoli li qed ikompli jikber, defiċit li wkoll ilu jikber għal dawn l-aħħar 35 sena, banek nieqsa mill-kapital, qagħad persistenti, filwaqt li l-infieq mill-gvern Franċiż għadu l-għola fiż-żona Ewro.
Mill-banda l-oħra Hollande jitkellem ħafna dwar 'ġustizzja soċjali', iżda kważi xejn dwar il-bżonn li jinħoloq il-ġid fil-pajjiż. Għalkemm qed iwiegħed li jnaqqas id-defiċit, dan beħsiebu jagħmlu billi jgħolli t-taxxi (per eżempju li jgħolli l-għola rata ta' income tax għal 75%), u mhux billi jnaqqas l-infieq tal-gvern bħalma qed isir f'pajjiżi oħra fi kiriżi. Anzi dan se jkompli jkabbru!
Per eżempju Hollande qed iwiegħed li jimpjega 60,000 għalliema ġodda. Skond l-istess kalkoli tiegħu dan se jiswa' lill-gvern 20 Biljun Ewro tul ħames snin.
Fl-istess waqt hu qed jirreżisti kull forma ta' riforma li teffettwa l-'mudell soċjali Franċiż'. Anzi beħsiebu jerġà jbaxxi l-età tal-pensjoni għal 60 sena, anki jekk b'hekk jipperikola pensjoni diċenti għall-pensjonanti tal-futur.
Xi ottimisti qed iwarrbu l-wegħdiet l-aktar 'attraenti' (flashy isejħilhom l-editur) ta' Hollande bħala simboliċi, u jsejħu lil Hollande bħala prammatiku li' jiġi mġiegħel irabbi l-għaqal mill-Ġermanja u mill-investituri'.
Imma l-Economist qajla jemmen dan, kemm minħabba l-atteġġjament anti-business ta' Hollande, kif ukoll għax ikollu jżomm kelmtu mal-Partit Soċjalista li għadu marbut ma' ideoloġiji Xellugin antikwati, u elettorat li ma jridx jaf bir-riformi tant meħtieġa jekk irid isalva l-pajjiż.
L-editur itemm jgħid li president Franċiż li hu tant kontra l-bidla (minkejja s-slogan tiegħu!) jimmina r-rieda tal-Ewropa li tkompli bir-riformi ta' uġigħ tant meħtieġa biex tiġi salvata l-Ewro. "Dan jagħmlu bniedem perikoluż."
Jekk trid taqra l-editorjal mur f'din il-link 

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (13)

TIMOXENKO FUQ STRAJK TAL-ĠUĦ WARA LI SSAWTET
Julia Timoxenko turi t-tbenġil tad-daqqiet li nagħtat fl-istonku mill-gwardjani tal-ħabs
Il-kap tal-Oppożizzjoni u eks Prim Ministry tal-Ukrajna Julia Timoxenko illum  daħlet fl-għaxar jum ta' strajk tal-ġuħ bħala protesta wara li ssawtet minn gwardjani tal-ħabs li ħaduha b'forza mill-ħabs għal sptar tal-gvern fejn hi ma riditx tmur minħabba li ma tafdax lit-tobba tal-gvern.
Timoxenko ilha xhur tbati minn uġigħ kbir f'daharha, hekk kif bdiet tiskonta sentenza ta' 7 snin ħabs, sentenza li ġiet kundannata mill-oppożjzzoni u mill-Punent għax motivata politikament, biex tiġi mdgħajfa l-oppożizzjoni qabel l-elezzjoni li mistennija ssir f'Ottubru li ġej.
L-awtoritajiet tar-reġim tal-President Janukoviċ ċaħdu dan, iżda bint Timoxenko, Eugenia ippubblikat ritratti li juru fejn ommha ġiet msawwta d'dirgħajha u l-istonku fejn jidher it-tbenġil.
Eugenia appellat lill-Unjoni Ewropea biex timponi sanzjonijiet kontra r-reġim Ukrajn, fosthom li l-awtoritjiet ma jitħallewx jidħlu f'pajjiżi tal-UE.
Hi kompliet tgħid li ommha ma taqbilx li jiġu bojkottjati l-partiti tal-Euro 2012 li se jintlagħbu fl-Ukrajna fis-Sajf, iżda aktar favur li l-politiċi Ewropej li jattendu ma jidhrux maġenb Janukovich, la fil-grawnds u mkien iżjed fil-pajjiż bħala protesta.
Sadanittant qorti fl-Ukrajna pposponiet s-smigħ ta' kawża oħra kontra Timoxenko minħabba l-kundizzjoni ta' saħħitha, bħalma ilhom isostnu l-avukati tagħha, li issa ddikjaraw ukoll liż-żmien li nagħta, il-21 ta' Mejju, mhux biżżejjed biex Timoxenko tfieq.
Hawn taħt jidher servizz tal-BBC-TV dwar protesti fl-Ukrajna u l-marki tas-swat fuq Timoxenko.
Li ma nistax nifhem huwa kif il-BBC, aġenziji tal-aħbarijiet u l-media lokali (anki dik tal-partit li huwa mseieħeb, bħall-partit ta' Timoxenko, fil-Partit Popolari Ewropew (PPE), jibqgħu jużaw aġġettivi bħal 'allegat' swat, jew il-kliem imsawta u tbenġil jippublikawhom bejn inverted commas, biex jixħtu dubju fuq l-istqarrijiet tal-oppożizzjoni, u jpaxxu ir-reġim Ukjrajn.

Il-Ħadd, 22 ta’ April 2012

Elezzjoni Presidenzjali fi Franza

MAĠĠORANZA ASSOLUTA VVUTAT KONTRA                 L-KANDIDAT SOĊJALISTA: 54.3%
Bħalma kien mistenni mill-elezzjoni tal-lum fi Franza ma sarx magħruf min se jkun il-President ta' Franza għall-ħames snin li ġejjin għax l-ebda kandidat ma kiseb 50% tal-voti f'dan l-ewwel rawnd. Iżda kontra dak li kien hemm min għamilha fatta, għallinqas fil-biċċa l-kbira tal-media internazzjonali u forsi wkoll Franċiża, l-elettorat Franċiż mhux biss ma astjenix, u  mhux talli ma vvutax lix-Xellugin, iżda maġġoranza assoluta fil-fatt ivvutat kontra l-kanfdidat Soċjalista.
Dan ifisser li anki jekk fit-tieni rawnd tal-elezzjoni, li se jsir fis-6 ta' Mejju,  l-Komunisti u l-Ħodor jivvutaw, kif qalulhom biex jagħmlu l-lejla l-mexxejja tagħhom, għall-kandidat Soċjalista. dan m'għandu l-ebda garanzija li se jkun  hu l-President tar-Repubblika Franċiża.
Imma ħalli, għal  min għadu ma jafx, ngħaddi għaċ-ċifri, għax il-matematika mhix opinjoni:
Kontra dak li kien hemm min beżżà l-Franċiżi qdew dmirhom u marru jivvutaw fil-maġġoranza tagħhom, 70 fil-mija, ftit inqas minn ħames snin ilu.

Minn riżultati uffiċjali sakemm ingħaddu 80% tal-voti  dawn jagħtu vantaġġ ta' 1.5% lis-Soċjalista Francois Hollande fuq Nicolas Sarkozy:

Hollande: 28.6%; Sarkozy:  27.1%; Le Pen (Lemin):18.1%; Melenchon (Komunista)11.1; Bayrou (Ċentru): 9.1%; Joly (Ħodor: 2.3%.

Dan ifisser li jekk  ngħoddu l-voti li kisbu l-partiti taċ-Ċentru u Lemin dawn kisbu 54.3%, filwaqt li dawk Xellugin 42%, jiġifieri maġġoranza assoluta li ma vvutawx lill-kandidat Soċjalista Hollande.

Il-vantaġġ ta' Hollande ma jfisser xejn għat-tieni rawnd tas-6 ta' Mejju li se tkun elezzjoni totalment differenti bejn żewġ kandidati politikament distinti: Lemin kontra Xellug.
Dakinhar kollox jiddependi fejn se jmorru l-voti tal-erba' kandidat l-oħra, jiġifieri min, miż-żewġ kandidati, se jiret l-aktar voti. U hawn, bħalma ktibt fl-analiżi tiegħi nhar il-Ħamis f'In-Nazzjon, Sarkozy għandu aktar mnejn jiret minn Hollande, u dan qed ġie konfermat mir-riżultati uffiċjali.
Għalhekk diffiċli tifhem kif l-polls għadhom ibassru xi rebħa kbira għal Hollande fit-tieni rawnd. Dan għax ma nistax nimmaġina li min illum ivvota lil Marine Le Pen jew lil Francois Bayrou, ħmistax oħra jasal jivvota lis-Soċjalista Hollande, kif mistennija jagħmlu l-Komunisti, t-Trozkisti u l-Ħodor!
L-iktar li jistà jiġri huwa li ma jmorrux jivvutaw...imma dan jiswa' daqs li kieku vvutaw lil Hollande!

Dawn huma r-riżultati uffiċjali meta ngħaddu 98% tal-voti:


Il-Ħadd, 25 ta’ Marzu 2012

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (12)

PROVI TAL-INNOĊENZA TA' TIMOXENKO
Deher mill-ewwel li l-akkużi kontra l-eks Prim  Ministru u Kap tal-Oppożizznioni fl-Ukrajna Julia Timoxenko kienu biss motivati politikament sabiex il-President awtoritarju  Janukoviċ jeħles mir-rival ewlieni fl-elezzjoinijiet li se jsiru f'dak il-pajjiż aktar tard din is-sena.
L-avukat Serhij Vlasenko juri d-dokument
b'kopja biss tal-firma ta' Timoxenko
Din il-ġimgħa, iżda l-avukati tad-difiża tagħha se jressqu provi biżżejjed biex juru kemm dan hu minnu, u biex meta xagħrejn u nofs oħra l-Qorti tisma' l-appell ta' Timoxenko mis-sentenza illegali ta' 7 snin priġunerija, din tiġi kanċellata u hi tingħata mill-ġdid il-libertà.
Minn analiżi esperta li saret aktar kmieni dan ix-xahar ġie stabbilit li d-direttivi tad-delegazzjoni Ukrana waqt it-taħditiet mal-Gasprom Russa fl-2009 m'għandhomx il-firma oriġinali ta' Timoxenko imma biss kopja tagħha.
Għaldaqstant dak kollu li Timoxenko hija akkużata bih – li allegatament hi ffirmat xi ħaġa – hija mgiddba minn dak li sabu esperti indipendenti. Għalhekk hi ma kisritx il-liġi billi tat xi direttivi meta fl-2009 kienu ġew iffirmati xi ftehim dwar xiri ta' gass mir-Russja.
L-appell mistenni jinstema' fil-15 ta' Mejju.
ORDNI MILL-QORTI EWROPEA TAD-DRITTIJIET UMANI
Sadanittant qed jiżdiedu l-kundanni u l-appelli biex tfittex tinħeles mill-ħabs u biex tiġi kkurata kif xieraq.
L-amministrazzjoni ta' Janukoviċ għadha qed tirreżisti l-ordni li ħarġet l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex Timoxenko tiġi kurata fi sptar speċjalizzat tal-għażla tagħha. Dan wara li tim internazzjonali ta' tobba li żarha kkonkluda li l-eks prim ministru teħtieġ kura barra l-ħabs, fejn l-avukati u l-familjari tagħha qed isostnu li r-reġim qed jipprova joqtolha ftit ftit.
APPELLI BIEX JIĠU BOJKOTTJATI L-EURO 2012 FL-UKRAJNA
Numru ta' Membri Parlamentari Ewropej kitbu ittra lill-President tal-UEFA biex waqt iż-żjara tiegħu fl-Ukrajna iseemi fil-pubbliku u jitkellem mal-awtoritajiet dwar l-oppressjoni polkitika u l-inġustizzji.
Diversi maniġers ta' klabbs tal-football diħà ħabbru li se jibbojkottjaw l-logħbiet fl-Ukrajna, mhux se jmorru jaraw il-partiti u lanqas jarawhom fuq it-televiżjoni.
Fuq l-internet hemm ukoll paġna f'Facebook għall-bojkott dinji tal-EURO 2012.
BINT TIMOXENKO TINDIRIZZA L-PARLAMENT TALJAN
Eugenia Timoxenko, bint Julia, waqt żjara fl-Italja indirizzat il-Kummissjoni Affarijiet Barranin tal-parlament dwar il-qagħda ta' ommha fil-ħabs, u l-periklu għad-demokrazija u libertà fl-Ukrajna. Hi ltaqgħet ukoll ma' rappreżentanti ta' diversi partiti politiċi.
Aktar kmieni dan  ix-xahar waqt laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew, fuq proposta tal-President tal-Popolo della Libertà Silvio Berlusconi,  il-PPE waqqaf kummissjoni biex jittieħdu miżuri favur il-ħelsien  ta' Timoxenko.

It-Tibdil fil-Klima

RESQIN LEJN 50 SENA TA' AKTAR KESĦA MHUX AKTAR SĦANA
Studju riċenti  mill-Akkademja tax-Xjenzi Russa ibassar li d-dinja riesqa lejn mill-inqas 50 sena ta' temperaturi baxxi ferm, fost l-inqas f'dawn l-aħħar 7500 sena ... altru milli aktar tisħin tal-pjaneta tagħna.
L-istudjuż tal-astrofiżika Habibullo I. Abdussamatov tal-Osservatorju  ta' Pulkovo tal-Akkademja tax-Xjenza Russa filwaqt li qal li din ix-xejra diġà bdiet għax għal dawn l-aħħar 15-il sena t-temperatura tal-pjaneta tagħna ma żdiditx, minflok mill-2014 nistennew l-bidu ta' tkessih qawwi b'Little Ice Age fl-2055.
Fl-Abstract tal-Applied Physics Research (Vol. 4 No.1) jingħad hekk:
"We can expect the onset of a deep bicentennial minimum of total solar irradiance (TSI) in approximately 2042±11 and the 19th deep minimum of global temperature in the past 7500 years – in 2055±11."
Fi kliem ieħor il-qawwa tar-raġġi tax-xemx se tonqos, u allura anki t-temperatura tad-dinja sal-2055 mistennija tinżel għad-19 l-inqas livell fl-aħħar 7500 sena.
Jekk xi xettiku, iżda, xorta jrid indikazzjoni ta' kemm dan hu possibbli, għal lum insemmi dan:
Fi Greenland u l-Alaska bħalissa hemm aktar silġ milli kien hemm fl-1979, meta s-silġ f'dik is-sena kien leħaq l-għola livell li qatt kesha l-Alaska.  Imbagħad xi xjenzjati fix-Xitwa kienu qed jgħidulna li n-nuqqas ta' silġ fl-Artiku kien qed jikkawża kesħa rekord f'diversi nħawi tad-dinja! 

Is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2012

Wara l-Libja s-Sirja (3)

IR-RUSSJA TIBGĦAT ARMI U SULDATI SPEĊJALI LEJN IS-SIRJA
Wara li flimkien maċ-Cina kienet ivvutat kontra riżoluzzjoni ta' kundanna kontra l-President tas-Sirja Assad, il-BBC-TV ħabbar li r-Russja bagħtet grupp ta' suldati tal-qawwiet speċjali lejn is-Sirja. Dan wara li l-kap tal-Grupp LiberalDemokratiku fil-Parlament Ewropew Guy Vehrofstadt svela li qawwiet speċjali Russi kienu ħattew armi għar-reġim ta' Assad biex jintużaw kontra ċ-ċittadini u l-ġellieda għall-ħelsien.
Ir-rapport tal-BBC jgħid li t-tagħrif li għandu ġabruh ir-reporters tiegħu minn imkejjen preċiżi qrib il-Pjazza l-Ħamra, u skond dawn is-suldati waslu fil-port ta' Tartus, fis-Sirja fuq it-tanker "Iman".
Karikatura li dehret fir-rivista "The Economist" li tikkritika d-'doppia
faccia' ta' Putin f'dak li huwa indħil barrani fis-Sirja
Ambjenti qrib il-Kremlin qed isostnu li t-tanker jagħmel parti mill-flotta tal-Baħar l-Iswed, li xogħlha huwa loġistiku - bħal per eżempju l-evakwazzjoni ta' ċittadini Russi f'każ ta' emerġenza fil-pajjiż mxekkel minn gwerra ċivili, jew inkella kontra l-pirati.

Kurjuż imbagħad kif Putin jaqbel ma' Assad li jqies kull sforzi biex jieqaf il-ġlied u l-qtil fis-Sirja bħala "konfoffi" u "indħil barrani". Imma l-bejgħ ta' armi lir-reġim ta' Assad u l-unika bażi militari barra r-Russja f'Tartus, Putin u Assad ma jqisuhomx indħil barrani!!
Li hu żgur huwa li din il-manuvra ta' Putin qed tkabbar it-tensjoni fiż-żona, bil-pajjiżi tal-Punent, u mhux biss, qed iżiedu s-sanzjonijiet kontra r-reġim ta' Assad u l-familja tiegħu, biex jieqaf jimmassakra l-poplu tiegħu, u jwarrab.
  

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Marzu 2012

It-Terrorista Qattiel fi Franza

XEBĦ MAL-ATTAKKI TERRORISTIĊI TAL-2004 FI SPANJA
L-orġa ta' delitti minn Muħammed Meraħ f'Toulouse, fi Franza li nqatel mill-pulizija speċjali tal-anti terroriżmu wara li assedjawh fid-dar fejn kien moħbi, fakkar lil ħafna fl-attakki terroristiċi li seħħew fi Spanja fl-2004.
Għalkemm, b'xorti tajba in-numru ta' vittmi kien 'biss' ta' seba' meta mqabbla mal-191 li nqatlu fi Spanja (flimkien ma' 1,800 oħra li sfaw feruti fl-attakki fuq il-ferroviji f'Madrid), ix-xebħ huwa kurjuż u wkoll inkwetanti.
Dakinhar Spanja wkoll, bħal Franza llum, kienet riesqa lejn elezzjoni partikolarment miġġielda. Kienet qamet kontroversja sħiħa dwar il-mod kif l-attakki terroristiċi kienu ġew trattati u preżentati, biż-żewġ partiti jakkużaw lil xulxin li ħbew jew dawwru l-provi għal raġunijiet elettorali. Il-Partit Popolari ta' Josè Maria Aznar, minkejja li l-opinion polls kienu qed juru li se jibqà jiggverna, spiċċa biex tilef l-elezzjoni, u sar Prim Ministru s-Soċjalista Zapatero.
Muħammed Meraħ qabel sar
terrorista kien ġuvnott moħħ
ir-riħ, li kien arrestat diversi
drabi fuq każi ta' serq
Dan għax Aznar, skond l-informazzjoni li għaddewlu, kien ddikjara li l-attakki wettquhom s-separatisti Baski tal-ETA, u kieku dan rriżulta veru, allura kien ikun ta' vantaġġ għall-partit tiegħu. Għall-kuntrarju meta beda jidher li l-attakki setgħu wettquhom Islamisti, x'aktarx b'rabtiet ma' al-Qajda, dan allura  għamel ħsara lill-PP u Aznar, minħabba s-sehem ta' Spanja fi-gwerra tal-Iraq.
Mill-banda l-oħra, malli Meraħ qatel  lill-tlett suldati ta' nisel Afrikan, u ftit wara qatel rabbi Lhudi u tlett itfal, sezzjoni tal-istampa, bħal dik xellugija La Liberation u Le Monde mill-ewwel bdew bil-qawmien tal-estremiżmu tal-lemin u Nażista, bl-iskop ovvju li mhux biss jagħmlu ħsara lill-kandidata leminija Le Pen, iżda wkoll liċ-ĊentruLemin tal-President Sarkozy u l-gvern.
Instab però li Meraħ kellu twemmin Islamiku radikali u li wettaq dawk id-delitti bħala tpattija għat-tfal li jinqatlu fil-Palestina!
Jekk, allura, l-fatt li Meraħ kien maħsub li kien estremista tal-lemin sata' jagħmel ħsara l.il Sarkozy, issa li dan ġie konfermat, li kien terrorista Islamiku allura, bħalma kitbet il-leminija Le Figaro, jpoġġi f'diffikultà lill-kandidat Soċjalista Francois Hollande għax dawn ma tantx għandhom politika ċara u soda fejn tidħol l-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Infatti hu jkollu jagħmel il-kontijiet mad-duttrina Soċjalista Mitterandjana, dwar l-aċċettazzjoni minn Franza ta' terroristi u individwi oħra xejn rakkommandabbli mid-dinja kollha, basta dawn fi Franza "jogħqodu bil-għaqal".
Minkejja dan kollu, wara li Meraħ inqatel, l-oppożizzjoni xorta waħda bdiet tattakka lill-President u gvern Franċiz għall-mod kif Meraħ ma kienx mgħasses biżżejjed biex sata' iwettaq dawk id-delitti.
Iżda l-Prim Ministru Franċiż Fillon ddikjara li l-awtoritajiet "fl-ebda mument"ma ssuspettaw li Meraħ kien perikoluż. Barra minhekk il-liġi Franċiza ma tippermettix li jiġi mgħasses jew interċettat, sorveljat kontinwament mingħajr deċiżjoni mill-Qorti xi ħadd li ma jkunx kiser il-liġi.
Hu ħabbar ukoll li Sarkozy se jressaq liġi ġdida kontra t-terroriżmu fi żmien ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, bit-tama li din tgħaddi wkoll mis-Senat li hu kontrollat mill-oppożizzjoni.
Fuq kollox hu fakkar u faħħar lill-pulizija li rnexxilhom isolvu l-każ fi żmien rekord ta' 10 ijiem minn meta Meraħ qatel lis-suldati, u dan  huwa suċċess għall-gvern.

Ċentru-Lemin Maqsum - Jirbaħ ix-Xellug

L-EWWEL GVERN B'PARTIT WIEĦED FIS-SLOVAKKJA
Nibda qabel kollox billi niskuża ruħi għal din l-assenza tiegħi għal dawn l-aħħar ħmistax, imma kelli impenji oħra, anki familjari li ma ħallewlix wisq ħin liberu.
F'dan il-perjodu kien hemm l-elezzjoni bikrija fis-Slovakkja wara li l-oppożizzjoni Soċjalista qablet li – wara li l-ewwel darba astjeniet – tivvota favur tkabbir fl-ammont ta' self disponibbli  fil-European Financial Stability Facility tal-UE basta l-gvern ĊentruLemini ta' Ivana Radicova jirriżenja. Kien hemm  ukoll l-hekk imsejjah skandlu"tal-Gurilla" dwar wire tapping mis-servizz sigriet li kien jinvolvi kemm mill-gvern kif ukoll lill-oppożizzjoni, fejn, però, żewġ partiti fil-gvern, biex jiksbu vantaġġ elettorali bdew jikkritikaw lil Prim Ministru Radicova u lil-eks ministru Dzurinda tal-ikbar partit fil-koalizzjoni governattiva dwar l-iskandlu, meta ma kienx hemm provi validi biżżejjed fid-dokumenti pubblikati.
Minħabba f'dan kollu, fl-analiżi tiegħi ta' kull ġimgħa f'In-Nazzjon kont ittamajt li, minħabba li l-maġġoranza tal-elettorat Slovakkja ĊentruLeminija, is-Soċjalisti setgħu jiksbu maġġoranza biss jekk jiżdied in-numru ta'  dawk li ma jmorrux jivvutaw.
Ġara, però, li din id-darba s-Slovakki marru jivvutaw f'numru ikbar, anki jekk bi ftit, 0.3%, iżda dan ivvantaġġja lis-Soċjalisti li żjiedu bi ftit inqas minn 4% il-voti fuq dawk li kisbu sentejn ilu, u baqgħu l-ikbar partit. Hekku, għax anki fl-elezzjoni ta' qabel kienu s-Soċjalisti li kisbu l-aktar voti, iżda dakinhar xorta ma setgħux jiggvernaw għax ma kisbux maġġoranza ta' siġġijiet mill-150 fil-parlament.
Minflok kienu erba' partiti taċ-ĊentruLemin li ggvernaw għax bejnithom kellhom maġġoranza ta' voti u siġġijiet
Din id-darba, però il-fatt li ċ-ĊentruLemin kienu maqsumin fi 12-il partit ħadem kontrihom għax, il-voti tferrxu u s-sistema elettorali tat maġġoranza biżżejjed ta' siġġijiet lis-Soċjalisti, biex għall-ewwel darba fis-Slovakkja se jkollhom gvern magħmul minn partit wieħed – dan  minkejja li l-maġġoranza tal-elettorat xorta waħda għadha ĊentruLeminija 44.98%. Is-Soċjalisti kisbu 44.4%.
Intant is-sitt partiti taċ-ĊentruLemin għallinqas qablu li ma jappoġġjawx lis-Soċjalisti, biex issa dawn mhux se jkollhom biċċa xogħol ħafifa jiggvernaw waħedhom fil-kriżi ekonomika/finanzjarja fil-pajjiż u fl-Ewropa  – filwaqt li s-soluzzjonijiet xellugin li se jattwaw biex isolvu l-kriżi se jkomplu jgħarrqu s-sitwazzjoni, bħalma kienu għamlu meta l-aħħar li kienu fil-gvern fl-2006.
Sadanittant il-partiti taċ-ĊentruLemin, jekk iridu jikkonfrontaw bis-serjetà lis-Soċjalisti, jrid ikollhom aktart lealtà lejn xulxin, u jridu bilfors isibu mod kif jingħaqdu f'moviment jew partit wieħed kbir ħalli l-maġġoranza tal-elettorat, ĊentruLemini, jkun jistà jagħtih maġġoranza ta' siġġijiet ukoll f'elezzjoni oħra

L-Erbgħa, 7 ta’ Marzu 2012

L-Għażla tal-Kandidat Repubblikan

XEJN  DEĊIŻIV QABEL APRIL-MEJJU
Mill-għaxar stati fejn il-bieraħ saru l-elezzjonijiet primarji tar-Repubblikani biex jintgħażel il-kandidat li se jisfida lill-President Obama f'Novembru, Mitt Romnery rebaħ sitta, Rick Santorum tlieta u Newt Gingrich wieħed, b'Romney jirbaħ l-istat kruċjali ta' Ohio, iżda dan b'vantaġġ ta' wieħed fil-mija biss aktar minn Santorum: 38% kontra 37%.
L-istati fejn sar l-elezzjonijiet kienu għaxra u huwa għalhekk li l-bieraħ jissejjaħ Super Tuesday.
Ġeneralment wara dawn l-elezzjonijiet ikun kważi ċert min se jirriżulta l-kandidat tal-partit. iżda l-analisti kollha qed jaqblu li dan ma kienx il-każ din id-darba, u x'aktarx li qabel April jew Mejju r-Repubblikani mhux se jkunu għadhom għażlu l-isfidant ta' Obama.
Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Erba' snin ilu fl-elezzjonijiet għall-għażla tal-kandidat Demokratiku dawn kienu damu sa' Ġunju biex fl-aħħar kien ħareġ rebbieħ Obama, u t-taqtigħa, anki verbalment, bejn Obama u Hilary Clinton xejn ma  kienet waħda nadifa.
Bħal dan iż-żmien f'Marzu ta' erba' snin ilu, kwart tal-partitarji ta' Clinton kienu bdew jheddu li jekk ma kenitx se tirbaħ hi n-nominazzjoni, huma kienu se jabbandunaw lill-partit Demokratiku, u jivvutaw lill-kandidat Repubblikan John McCain! Ħalliha li mbagħad, wara li Obama ntgħażel kandidat, Clinton ċediet, u l-partit kollu ingħaqad wara Obama sar-rebħa tal-Presidenza.
Biex Romney jirbaħ in-nominazzjoni jrid jirbaħ mill-inqas 1144 delegat, u s-sitwazzjoni wara Super Tuesday hija hekk:
Romney 429 delegat; Santorum 169; Gingrich 118
Ta' min jinnota li s'issa saru elezzjonijiet fejn kien jingħad li Romney kien favorit, iżda ħafna mill-istati li jmiss issa jinsabu fin-nofsinhar tal-pajjiż fejn hemm aktar Repubblikani konservattivi li xejn m'huma kuntenti bl-ideat liberali żżejjed jew dubjużi ta' Romney dwar suġġetti għall-qalb dawn il-votanti.
Għal daqshekk hawnhekk jistà ikun Santorum vantaġġjat, għalkemm mill-banda l-oħra hemm ukoll stati msejħa winner-takes-all  (fejn min jikseb maġġoranza ta' voti – ġeneralment 50%, jirbaħ id-delegati kollha f'dak l-istat) u hawn jiddependi jekk fid-'dwell' ikunux hu u Romney biss.

Il-Ħadd, 4 ta’ Marzu 2012

Elezzjoni oħra farsa fir-Russja

BĦALMA ILU MISTENNI ....'JIRBAĦ' PUTIN
Ma kienet sorpriża għal ħadd l-aħbar li ta l-lejla l-istazzjon statali Russu, li Vladimir Putin rebaħ l-elezzjoni li saret illum, biex wara intervall ta' erba' snin, għat-tielet darba, hu se jerġà jokkupa l-kariga ta' president, bħalma diversi analisti, u anki jiena, konna bassarna dakinhar stess, li Dmitri Medvedev 'leħaq' President, li ċjoè dan tal-aħħar kien se jirriserva s-siġġu lil Putin, sakemm dan jagħmel erba' snin Prim Ministru minfloku (speċi ta' musical chairs, insomma) u issa jirritorna President.
Sakemm qed nikteb, id-diversi exit polls qed jagħtu 'rebħa' lil Putin ta' bejn 51 u 61%, li xorta huwa ferm inqas mill-71% li hu kien kiseb fl-2004, u Medvedev fl-2008 meta kienu marru jivvutaw 69.7% u MHUX 64% bħalma bdiet tirraporta l-media, forsi influwenzata minn dak li bdew jgħidulhom l-awtoritajiet biex ma tidhirx d-differenza ta' kważi 6%, hekk kif dejjem aktar Russi ma jridux aktar jieħdu parti f'elezzjonijiet farsa.
Infatti volontarji li ssorveljaw l-proċess tal-elezzjoni, sa' qabel ħareġ ir-riżultat irrapurtaw abbużi bħalma jidher f'dan il-filmat tal-istazzjon France 24:

  Il-kampanja ta' Putin kienet ibbażata fuq l-istabbilità li hu rnexxielu jġib fil-pajjiż wara t-taqlib tas-Snin Disgħin meta fir-Russja veru kienet bdiet tirrenja l-anarkija, imma aktar ma għadda ż-żmien aktar dik li hu beda jsejjaħ "demokrazija sovrana" bdiet ssir dejjem  aktar awtoritarja.
Imma bħalma qal Gleb Pavlovski – li sa' xahar ilu kien minn "ta' ġewwa" fil-Kremlin – "xi ħaġa tgħidli li dan kollu mhux se jtul wisq iżjed. Ħadd, inkluż Putin, m'għandu idea x'se jiġri lis-sistema politika Russa  wara din l-elezzjoni."
L-aħħar xagħrejn, infatti, bidlu profondament ix-xenarju politiku Russu u wasslu għal kriżi profonda ta' leġittimità fir-reġim ta' Putin. Jiem biss wara l-elezzjonijiet parlamentari vilment imbagħbsa ta' Novembru, ir-reżistenza għas-saltna tiegħu bdiet dejjem tiżdied, u dak li ħadd ma bassar qabel sar realtà: Aktar minn 100,000 ruħ  ħarġu jipprotestaw kontra Putin fit-toroq ta' Moska – tlett darbiet – u l-pulizija ma waqqfithomx, u issa l-volontarji li semmejt qabel biex jissolveljaw l-elezzjoni leħqu mat-370,000 imxerrda mar-Russja kollha
Fost l-aktar persunaġġi leali lejn Putin, bħall-Ministru tal-Finanzi Alexei Kudrin u l-billjunarju Mikhajl Prokhorov bdew jinsistu fil-miftuħ għal elezzjonijiet ġodda u onesti.
F'Novembru wkoll għall-ewwel darba Putin affronta folla ostili meta ġie bbuwjat fi stadium mimli b'fans tal-boxing.
Fi kliem l-istess Pavovski "Putin ma jistax ikompli jirrenja aktar bħal xi Kżar Russu – m'għadux aktar fiċ-ċentru tal-kunsens".
Dan x'aktarx inkomplu narawh fil-jiem li ġejjin meta diġà mħabbra aktar protesti.
---------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------------
Elezzjoni farsa wkoll ....fl-Iran
AĦMADINEĠAD TELLIEF ...IMMA T-THEDDIDA NUKLEARI GĦADHA HEMM
Bħalma kien mistenni wkoll l-elezzjonijiet farsa li saru fl-Iran rriżultaw f'sempliċi kompetizzjoni bejn il-kandidati radikali Islamiċi tal-Ajatollaħ Kamenej u l-President Aħmadineġad, b'dan tal-aħħar jispiċċa tellief, għax issa Kamenej għandu l-maġġoranza assoluta tad-deputati fil-parlament Iranjan. B'hekk dan issa jistà jbiddel il-kostituzzjoni kif irid, anki jneħħi għal kollox il-kariga ta' President, bħalma kien issuġġerixxa xi żmien ilu bl-iskop li jwarrab lil Aħmadineġad, li kien beda jhedded ukoll il-poter tal-Ajatollaħ!
Dan però ma jfissirx li f'dik li hija politika barranija se jinbidel xi ħaġa, għax it-theddida li l-Iran jibqà jirsisti biex ikollu armi nukleari se tibqà hemm.
F'dak li għandha x'jaqsam, l-oppożizzjoni, l-mexxejja tar-riformisti għadhom arrestati f'darhom, u l-appell li sar biex jiġu bojkottjati l-elezzjonijiet jidher li ma rnexxix, għallinqas skond iċ-ċifri uffiċjali tat-turnout, għax dan kien għola milli fl-aħħar elezzjoni tal-2008.


Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide