Il-Ġimgħa, 13 ta’ Lulju 2012

Merħba bikom, u Saħħa ...għalissa


I L - V A G A N Z I   T - T A J B A   L I L   K U L Ħ A D D !


Bħal kull Sajf ippermettuli nieħu xi ġimgħat ta' mistrieħ minħabba li f'dan iż-żmien li ġej qajla jkun hemm elezzjonijiet jew avvenimenti politiċi fix-xena internazzjonali ta' xi importanza kbira. Dejjem jekk ma jkunx hemm xi ħaġa  straordinarju, nerġà inkun magħkom b'mod regolari f'Settembru. Nawguralkom vaganzi ta' mistrieħ!
--------------------------------------------------------------------------------------
Fil-ġimgħat li għaddew ma stajtx inkun magħkom regolarment minħabba pressjoni ta' xogħol bi tħejjija għax-xhur li ġejjin. Se nipprova għalhekk nagħmel rikapitulazzjoni ta' xi avvenimenti li seħħew f'dawn l-aħħar xahrejn.
IR-RITORN TA' SILVIO BERLUSCONI
L-aktar aħbar riċenti sakemm qed nikteb hija żgur dik li l-eks Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi mistenni jerġà jirritorna fiċ-ċentru politiku ta' pajjiżu bi tħejjija għall-elezzjoni ġenerali li mistennija ssir kmieni s-sena d-dieħla, x'aktar fix-xahar ta' Marzu.
Li ħajru, anzi jidher li kkonvinċih jagħmel dan il-pass – wara li kien warrab minn Prim Ministru f'Novembru meta kien għad għandu maġġoranza fil-parlament, u għalhekk jiena kont ktibt li ma qbiltx miegħu f'dak il-pass li ħa – kien stħarriġ tal-opinjoni pubblika li wera li jekk hu jerġà imexxi mill-ġdid moviment taċ-ĊentruLemin, fl-elezzjoni dan joħroġ rebbieħ b'bejn 28% u 30%. Barra minhekk kienu ħafna dawk li ħajruh jagħmel dan il-pass.
Għalhekk qed jingħad li Berlusconi mistenni jqatta' s-Sajf jorganizza u jġedded il-partit tiegħu li se jinbidillu ismu u s-simbolu. Angelino Alfano, però. mistenni jibqà xorta waħda segretarju tal-partit.
FIL-LIBJA JIRBĦU l-QAWWIET MODERATI
Aħbar oħra tajba ġejja mill-pajjiż l-iepor l-aktar qribna fil-Mediterran, il-Libja. 
Wara r-rivoluzzjoni popolari li tajret lid-dittatur Gaddafi u lir-reġim tiegħu, il-poplu mar jivvota fl-ewwel elezzjonijiet ħielsa f'aktar minn 40 sena, u kontra l-biżà li kien hemm li anki f'dan il-pajjiz Għarbi, bħal per eżempju fl-Eġittu, l-elezzjoni trebbaħ lill-Islamisiti, il-Libjani jidher li taw maġġoranza lil alleanza moderata bl-isem ta' Alleanza tal-Qawwiet Nazzjonali, immexxija mill-prim ministru provviżorju attwali Maħmud Ġibril, b'taħlita ta' liberalimu nazzjonaliżmu.
SEJBA XJENTIFIKA IMPORTANTISSIMA GĦALL-BNIEDEM
Wara xhur ta' stennija x-xjenzati taċ-ĊERN (Ċentru tal-Organizzazzjoni Ewropea tar-Riċerka Nukleari) fl-Isvizzra ħabbru li identifkaw u sabu l-partiċella Higgs Boson li hija importanti għall-bidu, l-oriġini tal-Univers, tal-istess ħajja tal-bniedem, u li għalhekk spiss tissejjaħ "il-partiċella t'Alla".
Iżda d-Direttur Ġenerali taċ-ĊERN Rolf-Dieter Heur ammetta li "neħtieġu aktar kolliżjonijiet fil-Large Hadron Collider (LHC)  matul is-sena d-dieħla sabiex ikollna tweġiba definittiva għall-mistoqsja Shakespearjana 'To be or not to be', imma nemmen li għamilna progress tajjeb."
Il-partiċella hija maħsuba li tgħin tagħti l-massa lill-materja kollha fl-univers.
Nistennew bil-ħerqa aktar progress.
MESSIKU: LEJN KOMPROMESS MAT-TRAFFIKANTI TAD-DROGA
Bħalma bassru diversi opinion polls fil-Messiku f'elezzjoni dominata l-aktar mill-problema tal-vjolenza marbuta mat-traffikar tad-droga, ħareġ rebbieħ il-Partido Revolucionario Institucional (PRI) immexxi minn Pena Nieto .
Għalkemm mistennija, r-rebħa tal-PRI kienet sorpriża għall-osservaturi barranin, minħabba li l-PRI sas-sena 2000 kien ħakem il-pajjiż b'dittatura, b'taħlita ta' soċjaliżmu u nazzjonaliżmu.
Iżda mill-banda l-oħra jidher li l-Messikani ftakru li tul il-ħakma tal-PRI, fil-pajjiż, għalkemm kien hemm traffikar ta' droga mhux ftit, din kienet 'esportata' u traffikata barra l-pajjiż, għax l-atteġġjament tad-diversi presidenti u gvernijiet tar-reġim tal-PRI kien "biegħu u esportaw kemm tridu fl-Amerika ta' fuq, basta fil-pajjiż ma jkunx hawn vjolenza, u ma xxerduhix fost iż-żgħażagħ Messikani"! U hekk se jerġà jipprova jagħmel.

Il-Ħamis, 10 ta’ Mejju 2012

Fil-Greċja għadhom bla gvern

LEJN ELEZZJONI OĦRA FI ŻMIEN XAHAR
L-elezzjoni li saret l-Ħadd li għadda fil-Greċja ma swiet għal xejn għax it-tentattiv tal-President biex jiġi ffurmat gvern ġdid ta' koalizzjomni ma rnexxewx, minħabba li anki dawk li qed jagħmel illum is-Soċjalista Evangelos Venizelos m'huma se jwasslu mkien. Illum f'Atene jixgħelu t-Torċa Olimpika, iżda ma tantx jidher li hemm futur imdawwal għall-Greċja!
Dan għax mhux biss l-ebda wieħed miż-żewġ partiti kbar, dak Soċjalista (PASOK) u dak ĊentruLemini 'Demokrazija Ġdida' (ND) ma kisbux maġġoranza, imma anki kieku kellhom jiffurmaw gvern flimkien ma jkollhomx maġġoranza biżzejjed ta' siġġijiet fil-parlament, hekk kif il-partiti l-oħra kollha tal-lemin, ċentru u xellug huma kontra l-miżuri ta' awsterità li kellhom jiddaħħlu minħabba d-dejn nazzjonali.
Infatti s-sitwazzjoni f'dawk li huma persentaġġi u siġġijiet bħalissa hija hekk:
Ċentru u Lemin:
Demokrazija Ġdida (ND): 18.9% (108 siġġu); Griegi Indipendenti: 10.6% (33); Sebħ tad-Deheb: 7% (21). B'kollox: 162 siġġu
ĊentruXellug:
Koalizzjoni tax-Xellug: 16.8% (52 siġġu); Soċjalisti (PASOK) 13.3% (41); Komunisti: 8.5% (26); Xellug Demokratiku: (6.1%) 19.
B'kollox: 138 siġġu.
Dan juri li ċ-ĊentruLemin għandhom maġġoranza biżżejjed biex jiggvernaw, 162 mit-300 siġġu fil-parlament, imma l-problema bħalissa fil-Greċja hija li l-qasma politika bħalissa mhix bejn Lemin u Xellug, iżda bejn il-partiti favur l-awsteritá biex jissolvew il-problemi tad-dejn fil-pajjiż, u dawn huma l-ND u l-PASOK, u  dawk kontra, il-partiti l-oħra kollha!
Għalhekk kollox juri li l-Griegi se jkollhom imorru jivvutaw mill-ġdid f'nofs ix-xahar d-dieħel, bil-mexxej tal-ND Antonis Samaras jittama li jżied il-voti u siġġijiet biżżejjed biex jifforma gvern mas-Soċjalisti.
Diffiċli ferm wieħed ibassar kemm dan jistà jiġri, għax l-elezzjoni qed tkun kważi referendum favur u kontra l-mizuri ta' awsterità u l-bailouts mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li allura, skond iċ-ċifri li kisbu l-partiti bħalissa dawn, il-maġġoranza tal-elettorat huma kontra. Ma jidhirx li f'perjodu ta' xahar l-elettorat Grieg jista' jibdel fehmtu, filwaqt li kien hemm 35% li ma marrux jivvutaw, żjieda ta' kważi 6 fil-mija fuq l-aħħar elezzjoni tal-2009.
Fil-fatt iż-żewġ partiti kbar it-tnejn li huma tilfu l-voti, l-aktar is-Soċjalisti li sofrew tkaxkira nobis: minn 43.9% niżlu għal biss 13.2%, tnaqqis ta' 30.7% tal-voti. Id-Demokrazija Ġdida minn 33.5% spiċċaw bi 18.9%, tnaqqis ta' 14.6%. Hawn, però, wieħed irid ifakkar li l-ND sofra qasma fi ħdanu, proprju minħabba l-awsterità, u numru ta' deputati kienu telqu mill-partit biex waqqfu dak tal-Indipendenti Griegi, li l-Ħadd li għadda , kif ktibt, ħadu 10.6% tal-voti u rebħu 33 siġġu.
Huwa għalhekk li l-kap tal-ND Samaras illum appella biex f'każ ta' elezzjoni oħra li qed tidher dejjem aktart probabbli, il-partiti taċ-ĊentruLemin jikkollaboraw biex jiżguraw l-futur tal-Greċja fl-Unjoni Ewropea.

L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju 2012

Elezzjonijiet Presidenzjali fi Franza (3)

TA' BLA PRINĊIPJU REBBĦU LIS-SOĊJALISTA HOLLANDE
Qabel kollox niskuża ruħi li ma kellix ċans nikkummenta qabel dwar ir-riżultat tat-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-ħatra ta' President tar-Repubblika ta' Franza. Sal-lum żgur li tafu li ħareġ rebbieħ il-kandidat Soċjalista Francois Hollande b'51.83% kontra l-43.37% li kiseb iċ-ĊentruLemini Nicolas Sarkozy, li proprju llum ippresieda l-aħħar laqgħa tal-Kabinet tiegħu.
Minn analiżi li fl-aħħar kelli ħin nagħmel l-ewwel ħaġa li toħroġ ċara hija li filwaqt li Hollande għadda lil Sarkozy bi ftit aktar minn tlieta fil-mija, hu kabbar b'inqas minn 2% il-vantaġġ tiegħu, għax fl-ewwel rawnd kien għadda lil Sarkozy b'1.65% (28.83% kontra s-27.18%).
Issa minn kalkoli li kont għamilt wara dak l-ewwel rawnd (post tad-29/04/12) il-votanti tal-kandidati ĊentruLemini kienu leħqu 54.21% filwaqt li dawk tax-Xellug 42.24% Dan  kien ifisser illi kieku dawk kollha li vvutaw lil Sarkozy fl-ewwel rawnd jerġgħu jivvutawlu, u magħhom jingħaqdu l-maġġoranza tal-eletturi li kienu vvutaw lill-kandidata tal-Lemin Le Pen u liċ-Ċentrista Bayrou, Sarkozy kellu jiġi konfermat fil-kariga ta' President għat-tieni darba. Iżda dan ma ġarax. Għaliex?
Filwaqt li Marine Le Pen qabel it-tieni rawnd, fl-opinjoni tiegħi, żbaljat meta ddikjarat li hi ma kienet se tivvota lill-ebda wieħed miż-żewġ kandidati u appellat lill-eletturi tagħha (18%)  biex jagħmlu l-istess jew iħassru l-vot, Francois Bayrou żbalja ferm aktar minnha meta ħeġġeġ lil dawk li kienu vvutawlu fl-ewwel rawnd (9%) biex fit-tieni wieħed jivvutaw lill-kandidat Soċjalista Hollande!
Meta kif ikkalkulajt Hollande, bil-voti ta' dawk li fl-ewwel rawnd kienu vvutaw lill-Komunista Melenchon u lill-Ħadra Joly (li t-tnejn appellaw lill-votanti tagħhom jivvutaw lil Hollande) kellu jġib 42.24%, allura  jfisser li hu żjied 9.6% u dawn kisibhom mingħand votanti ta' Bayrou u Le Pen, għax bi ftit li xejn (inqas minn 1%) żjied id-distakk fuq dak tal-ewwel rawnd.
Anki skond tbassir li sar qabel it-tieni rawnd, il-maġġoranza (60%) ta' dawk li kienu vvutaw lil Le Pen, 11% x'aktarx ivvutaw lil Sarkozy, bil-kumplament ħassru l-vot (dawn żdiedu b'madwar 4% fuq l-ewwel rawnd - minn 1.92% għal 5.80%), u xi ftit lil Hollande.
Mill-banda l-oħra l-maġġoranza ta' dawk ta' Bayrou 'obdewh' u vvutaw lil Hollande, għax dan fil-fatt żjied il-voti tiegħu fuq l-ewwel rawnd b '9.6% – ftit aktar mid-9% li kien ġab Bayrou!
Dan ifisser li Hollande spiċċa jokkupa l-kariga ta' President grazzi għall-voti ta' nies bla prinċipji sodi, dawk li forsi emmnu lil min jippriedka (ġeneralment ix-Xellugin) li fi żmienna m'għadx hemm differenza bejn "Lemin" u "Xellug", u allura jiddikjaraw lilhom infushom "taċ-ċentru" – li għalija jfisser il-BAĦĦ – nies appuntu bla prinċipji sodi politiċi.
Huma dawn li tellgħu lis-Soċjalista Hollande, anki jekk huma mhumiex Soċjalisti jew Xellugin, iżda issa se jkollhom ibatu l-konsegwenzi tal-politika statalista Soċjalista li kull fejn tħaddmet kompliet għarrqet il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiżi fi kriżi, bħalma ġara fil-Greċja u fi Spanja.
Dan dejjem jekk ix-xahar id-dieħel s-Soċjalisti jirnexxilhom jirbħu wkoll maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, u b'hekk Hollande ma jkollu xejn xi jfixklu jwettaq il-programm tiegħu, hekk kif is-Soċjalisti diġà għandhom kontroll fis-Senat.
Iżda dwar dan nikkummenta aktar 'l quddiem.

Il-Ħadd, 29 ta’ April 2012

Elezzjonijiet Presidenzjali fi Franza (2)

"HOLLANDE PERIKOLUŻ GĦAL FRANZA U L-EWROPA"
Dan il-kliem mhux tiegħi, għalkemm naqbel miegħu perfettament. Dan huwa l-isem ta' editorjal tar-rivista Ingliża li ġiet pubblikata l-bieraħ The Economist. Ir-rivista li tiddikjara ruħha "liberali imma  mhux konservattiva" fl-imgħoddi xejn ma ddejqet tikkritika mexxejja politiċi magħrufin għall-fehmiet tagħhom kontra x-Xellug. Biżżejjed insemmi lil Bush u lil Berlusconi li l-Economist kien jeċċella fil-kritika u l-attakki kontrihom meta kienu jiggvernaw.
Intant fil-ħarġa tal-bieraħ bit-titlu dirett "Il-pjuttost perikoluż Monsieur Hollande" l-editur John Micklethwait jispjega għaliex is-Soċjalista li x'aktarx ikun il-president Franċiż li jmiss huwa ta' ħsara mhux biss għal Franza imma anki għall-Ewropa.
L-editur jibda billi jwissi illi li kieku Franza jsir il-pajjiż li jmiss fiż-żona Ewro li jsib ruħu fl-inkwiet, l-istess eżistenza tal-munita tkun f'dubju ssalvax, u huwa għalhekk li rebħa Soċjalista f'dak il-pajjiż tkun inkwetanti.
Ir-rivista tfakkar kif fl-2007 kienet appoġġjat lil Sarkozy, u kif hu kien sfortunat li sena biss wara ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali. Minkejja dan hu wettaq xi riformi fosthom: illiberalizza l-universitajiet, għolla l-età tal-pensjoni, u rattab il-liġi li tobbliga lill-ħaddiema, anki jekk iridu, ma jaħdmux aktar minn 35 siegħa fil-ġimgħa; liġi li kienu daħħlu s-Soċjalisti.
L-editur jgħid però li f'ċerti ideat tiegħu, bħal dawk 'protezzjonisti' fil-każ tal-immigranti u oħrajn li l-editur iusejjaħ 'anti-Ewropej, jagħmluh imorevedibbli, iżda jiddikjara illi kieku setgħa jivvota fi Franza l-Ħadd li ġej kien jivvota xorta waħda lil Sarkozy - "mhux fuq il-merti tiegħu, imma aktar biex ma jitlax Hollande".
Dan għax Hollande m'għandu l-ebda risposta, soluzzjoni għall-problemi ta' Franza: dejn pubbliku għoli li qed ikompli jikber, defiċit li wkoll ilu jikber għal dawn l-aħħar 35 sena, banek nieqsa mill-kapital, qagħad persistenti, filwaqt li l-infieq mill-gvern Franċiż għadu l-għola fiż-żona Ewro.
Mill-banda l-oħra Hollande jitkellem ħafna dwar 'ġustizzja soċjali', iżda kważi xejn dwar il-bżonn li jinħoloq il-ġid fil-pajjiż. Għalkemm qed iwiegħed li jnaqqas id-defiċit, dan beħsiebu jagħmlu billi jgħolli t-taxxi (per eżempju li jgħolli l-għola rata ta' income tax għal 75%), u mhux billi jnaqqas l-infieq tal-gvern bħalma qed isir f'pajjiżi oħra fi kiriżi. Anzi dan se jkompli jkabbru!
Per eżempju Hollande qed iwiegħed li jimpjega 60,000 għalliema ġodda. Skond l-istess kalkoli tiegħu dan se jiswa' lill-gvern 20 Biljun Ewro tul ħames snin.
Fl-istess waqt hu qed jirreżisti kull forma ta' riforma li teffettwa l-'mudell soċjali Franċiż'. Anzi beħsiebu jerġà jbaxxi l-età tal-pensjoni għal 60 sena, anki jekk b'hekk jipperikola pensjoni diċenti għall-pensjonanti tal-futur.
Xi ottimisti qed iwarrbu l-wegħdiet l-aktar 'attraenti' (flashy isejħilhom l-editur) ta' Hollande bħala simboliċi, u jsejħu lil Hollande bħala prammatiku li' jiġi mġiegħel irabbi l-għaqal mill-Ġermanja u mill-investituri'.
Imma l-Economist qajla jemmen dan, kemm minħabba l-atteġġjament anti-business ta' Hollande, kif ukoll għax ikollu jżomm kelmtu mal-Partit Soċjalista li għadu marbut ma' ideoloġiji Xellugin antikwati, u elettorat li ma jridx jaf bir-riformi tant meħtieġa jekk irid isalva l-pajjiż.
L-editur itemm jgħid li president Franċiż li hu tant kontra l-bidla (minkejja s-slogan tiegħu!) jimmina r-rieda tal-Ewropa li tkompli bir-riformi ta' uġigħ tant meħtieġa biex tiġi salvata l-Ewro. "Dan jagħmlu bniedem perikoluż."
Jekk trid taqra l-editorjal mur f'din il-link 

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (13)

TIMOXENKO FUQ STRAJK TAL-ĠUĦ WARA LI SSAWTET
Julia Timoxenko turi t-tbenġil tad-daqqiet li nagħtat fl-istonku mill-gwardjani tal-ħabs
Il-kap tal-Oppożizzjoni u eks Prim Ministry tal-Ukrajna Julia Timoxenko illum  daħlet fl-għaxar jum ta' strajk tal-ġuħ bħala protesta wara li ssawtet minn gwardjani tal-ħabs li ħaduha b'forza mill-ħabs għal sptar tal-gvern fejn hi ma riditx tmur minħabba li ma tafdax lit-tobba tal-gvern.
Timoxenko ilha xhur tbati minn uġigħ kbir f'daharha, hekk kif bdiet tiskonta sentenza ta' 7 snin ħabs, sentenza li ġiet kundannata mill-oppożjzzoni u mill-Punent għax motivata politikament, biex tiġi mdgħajfa l-oppożizzjoni qabel l-elezzjoni li mistennija ssir f'Ottubru li ġej.
L-awtoritajiet tar-reġim tal-President Janukoviċ ċaħdu dan, iżda bint Timoxenko, Eugenia ippubblikat ritratti li juru fejn ommha ġiet msawwta d'dirgħajha u l-istonku fejn jidher it-tbenġil.
Eugenia appellat lill-Unjoni Ewropea biex timponi sanzjonijiet kontra r-reġim Ukrajn, fosthom li l-awtoritjiet ma jitħallewx jidħlu f'pajjiżi tal-UE.
Hi kompliet tgħid li ommha ma taqbilx li jiġu bojkottjati l-partiti tal-Euro 2012 li se jintlagħbu fl-Ukrajna fis-Sajf, iżda aktar favur li l-politiċi Ewropej li jattendu ma jidhrux maġenb Janukovich, la fil-grawnds u mkien iżjed fil-pajjiż bħala protesta.
Sadanittant qorti fl-Ukrajna pposponiet s-smigħ ta' kawża oħra kontra Timoxenko minħabba l-kundizzjoni ta' saħħitha, bħalma ilhom isostnu l-avukati tagħha, li issa ddikjaraw ukoll liż-żmien li nagħta, il-21 ta' Mejju, mhux biżżejjed biex Timoxenko tfieq.
Hawn taħt jidher servizz tal-BBC-TV dwar protesti fl-Ukrajna u l-marki tas-swat fuq Timoxenko.
Li ma nistax nifhem huwa kif il-BBC, aġenziji tal-aħbarijiet u l-media lokali (anki dik tal-partit li huwa mseieħeb, bħall-partit ta' Timoxenko, fil-Partit Popolari Ewropew (PPE), jibqgħu jużaw aġġettivi bħal 'allegat' swat, jew il-kliem imsawta u tbenġil jippublikawhom bejn inverted commas, biex jixħtu dubju fuq l-istqarrijiet tal-oppożizzjoni, u jpaxxu ir-reġim Ukjrajn.

Il-Ħadd, 22 ta’ April 2012

Elezzjoni Presidenzjali fi Franza

MAĠĠORANZA ASSOLUTA VVUTAT KONTRA                 L-KANDIDAT SOĊJALISTA: 54.3%
Bħalma kien mistenni mill-elezzjoni tal-lum fi Franza ma sarx magħruf min se jkun il-President ta' Franza għall-ħames snin li ġejjin għax l-ebda kandidat ma kiseb 50% tal-voti f'dan l-ewwel rawnd. Iżda kontra dak li kien hemm min għamilha fatta, għallinqas fil-biċċa l-kbira tal-media internazzjonali u forsi wkoll Franċiża, l-elettorat Franċiż mhux biss ma astjenix, u  mhux talli ma vvutax lix-Xellugin, iżda maġġoranza assoluta fil-fatt ivvutat kontra l-kanfdidat Soċjalista.
Dan ifisser li anki jekk fit-tieni rawnd tal-elezzjoni, li se jsir fis-6 ta' Mejju,  l-Komunisti u l-Ħodor jivvutaw, kif qalulhom biex jagħmlu l-lejla l-mexxejja tagħhom, għall-kandidat Soċjalista. dan m'għandu l-ebda garanzija li se jkun  hu l-President tar-Repubblika Franċiża.
Imma ħalli, għal  min għadu ma jafx, ngħaddi għaċ-ċifri, għax il-matematika mhix opinjoni:
Kontra dak li kien hemm min beżżà l-Franċiżi qdew dmirhom u marru jivvutaw fil-maġġoranza tagħhom, 70 fil-mija, ftit inqas minn ħames snin ilu.

Minn riżultati uffiċjali sakemm ingħaddu 80% tal-voti  dawn jagħtu vantaġġ ta' 1.5% lis-Soċjalista Francois Hollande fuq Nicolas Sarkozy:

Hollande: 28.6%; Sarkozy:  27.1%; Le Pen (Lemin):18.1%; Melenchon (Komunista)11.1; Bayrou (Ċentru): 9.1%; Joly (Ħodor: 2.3%.

Dan ifisser li jekk  ngħoddu l-voti li kisbu l-partiti taċ-Ċentru u Lemin dawn kisbu 54.3%, filwaqt li dawk Xellugin 42%, jiġifieri maġġoranza assoluta li ma vvutawx lill-kandidat Soċjalista Hollande.

Il-vantaġġ ta' Hollande ma jfisser xejn għat-tieni rawnd tas-6 ta' Mejju li se tkun elezzjoni totalment differenti bejn żewġ kandidati politikament distinti: Lemin kontra Xellug.
Dakinhar kollox jiddependi fejn se jmorru l-voti tal-erba' kandidat l-oħra, jiġifieri min, miż-żewġ kandidati, se jiret l-aktar voti. U hawn, bħalma ktibt fl-analiżi tiegħi nhar il-Ħamis f'In-Nazzjon, Sarkozy għandu aktar mnejn jiret minn Hollande, u dan qed ġie konfermat mir-riżultati uffiċjali.
Għalhekk diffiċli tifhem kif l-polls għadhom ibassru xi rebħa kbira għal Hollande fit-tieni rawnd. Dan għax ma nistax nimmaġina li min illum ivvota lil Marine Le Pen jew lil Francois Bayrou, ħmistax oħra jasal jivvota lis-Soċjalista Hollande, kif mistennija jagħmlu l-Komunisti, t-Trozkisti u l-Ħodor!
L-iktar li jistà jiġri huwa li ma jmorrux jivvutaw...imma dan jiswa' daqs li kieku vvutaw lil Hollande!

Dawn huma r-riżultati uffiċjali meta ngħaddu 98% tal-voti:


Il-Ħadd, 25 ta’ Marzu 2012

Persekuzzjoni Politika fl-Ukrajna (12)

PROVI TAL-INNOĊENZA TA' TIMOXENKO
Deher mill-ewwel li l-akkużi kontra l-eks Prim  Ministru u Kap tal-Oppożizznioni fl-Ukrajna Julia Timoxenko kienu biss motivati politikament sabiex il-President awtoritarju  Janukoviċ jeħles mir-rival ewlieni fl-elezzjoinijiet li se jsiru f'dak il-pajjiż aktar tard din is-sena.
L-avukat Serhij Vlasenko juri d-dokument
b'kopja biss tal-firma ta' Timoxenko
Din il-ġimgħa, iżda l-avukati tad-difiża tagħha se jressqu provi biżżejjed biex juru kemm dan hu minnu, u biex meta xagħrejn u nofs oħra l-Qorti tisma' l-appell ta' Timoxenko mis-sentenza illegali ta' 7 snin priġunerija, din tiġi kanċellata u hi tingħata mill-ġdid il-libertà.
Minn analiżi esperta li saret aktar kmieni dan ix-xahar ġie stabbilit li d-direttivi tad-delegazzjoni Ukrana waqt it-taħditiet mal-Gasprom Russa fl-2009 m'għandhomx il-firma oriġinali ta' Timoxenko imma biss kopja tagħha.
Għaldaqstant dak kollu li Timoxenko hija akkużata bih – li allegatament hi ffirmat xi ħaġa – hija mgiddba minn dak li sabu esperti indipendenti. Għalhekk hi ma kisritx il-liġi billi tat xi direttivi meta fl-2009 kienu ġew iffirmati xi ftehim dwar xiri ta' gass mir-Russja.
L-appell mistenni jinstema' fil-15 ta' Mejju.
ORDNI MILL-QORTI EWROPEA TAD-DRITTIJIET UMANI
Sadanittant qed jiżdiedu l-kundanni u l-appelli biex tfittex tinħeles mill-ħabs u biex tiġi kkurata kif xieraq.
L-amministrazzjoni ta' Janukoviċ għadha qed tirreżisti l-ordni li ħarġet l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem biex Timoxenko tiġi kurata fi sptar speċjalizzat tal-għażla tagħha. Dan wara li tim internazzjonali ta' tobba li żarha kkonkluda li l-eks prim ministru teħtieġ kura barra l-ħabs, fejn l-avukati u l-familjari tagħha qed isostnu li r-reġim qed jipprova joqtolha ftit ftit.
APPELLI BIEX JIĠU BOJKOTTJATI L-EURO 2012 FL-UKRAJNA
Numru ta' Membri Parlamentari Ewropej kitbu ittra lill-President tal-UEFA biex waqt iż-żjara tiegħu fl-Ukrajna iseemi fil-pubbliku u jitkellem mal-awtoritajiet dwar l-oppressjoni polkitika u l-inġustizzji.
Diversi maniġers ta' klabbs tal-football diħà ħabbru li se jibbojkottjaw l-logħbiet fl-Ukrajna, mhux se jmorru jaraw il-partiti u lanqas jarawhom fuq it-televiżjoni.
Fuq l-internet hemm ukoll paġna f'Facebook għall-bojkott dinji tal-EURO 2012.
BINT TIMOXENKO TINDIRIZZA L-PARLAMENT TALJAN
Eugenia Timoxenko, bint Julia, waqt żjara fl-Italja indirizzat il-Kummissjoni Affarijiet Barranin tal-parlament dwar il-qagħda ta' ommha fil-ħabs, u l-periklu għad-demokrazija u libertà fl-Ukrajna. Hi ltaqgħet ukoll ma' rappreżentanti ta' diversi partiti politiċi.
Aktar kmieni dan  ix-xahar waqt laqgħa tal-Partit Popolari Ewropew, fuq proposta tal-President tal-Popolo della Libertà Silvio Berlusconi,  il-PPE waqqaf kummissjoni biex jittieħdu miżuri favur il-ħelsien  ta' Timoxenko.

It-Tibdil fil-Klima

RESQIN LEJN 50 SENA TA' AKTAR KESĦA MHUX AKTAR SĦANA
Studju riċenti  mill-Akkademja tax-Xjenzi Russa ibassar li d-dinja riesqa lejn mill-inqas 50 sena ta' temperaturi baxxi ferm, fost l-inqas f'dawn l-aħħar 7500 sena ... altru milli aktar tisħin tal-pjaneta tagħna.
L-istudjuż tal-astrofiżika Habibullo I. Abdussamatov tal-Osservatorju  ta' Pulkovo tal-Akkademja tax-Xjenza Russa filwaqt li qal li din ix-xejra diġà bdiet għax għal dawn l-aħħar 15-il sena t-temperatura tal-pjaneta tagħna ma żdiditx, minflok mill-2014 nistennew l-bidu ta' tkessih qawwi b'Little Ice Age fl-2055.
Fl-Abstract tal-Applied Physics Research (Vol. 4 No.1) jingħad hekk:
"We can expect the onset of a deep bicentennial minimum of total solar irradiance (TSI) in approximately 2042±11 and the 19th deep minimum of global temperature in the past 7500 years – in 2055±11."
Fi kliem ieħor il-qawwa tar-raġġi tax-xemx se tonqos, u allura anki t-temperatura tad-dinja sal-2055 mistennija tinżel għad-19 l-inqas livell fl-aħħar 7500 sena.
Jekk xi xettiku, iżda, xorta jrid indikazzjoni ta' kemm dan hu possibbli, għal lum insemmi dan:
Fi Greenland u l-Alaska bħalissa hemm aktar silġ milli kien hemm fl-1979, meta s-silġ f'dik is-sena kien leħaq l-għola livell li qatt kesha l-Alaska.  Imbagħad xi xjenzjati fix-Xitwa kienu qed jgħidulna li n-nuqqas ta' silġ fl-Artiku kien qed jikkawża kesħa rekord f'diversi nħawi tad-dinja! 

Is-Sibt, 24 ta’ Marzu 2012

Wara l-Libja s-Sirja (3)

IR-RUSSJA TIBGĦAT ARMI U SULDATI SPEĊJALI LEJN IS-SIRJA
Wara li flimkien maċ-Cina kienet ivvutat kontra riżoluzzjoni ta' kundanna kontra l-President tas-Sirja Assad, il-BBC-TV ħabbar li r-Russja bagħtet grupp ta' suldati tal-qawwiet speċjali lejn is-Sirja. Dan wara li l-kap tal-Grupp LiberalDemokratiku fil-Parlament Ewropew Guy Vehrofstadt svela li qawwiet speċjali Russi kienu ħattew armi għar-reġim ta' Assad biex jintużaw kontra ċ-ċittadini u l-ġellieda għall-ħelsien.
Ir-rapport tal-BBC jgħid li t-tagħrif li għandu ġabruh ir-reporters tiegħu minn imkejjen preċiżi qrib il-Pjazza l-Ħamra, u skond dawn is-suldati waslu fil-port ta' Tartus, fis-Sirja fuq it-tanker "Iman".
Karikatura li dehret fir-rivista "The Economist" li tikkritika d-'doppia
faccia' ta' Putin f'dak li huwa indħil barrani fis-Sirja
Ambjenti qrib il-Kremlin qed isostnu li t-tanker jagħmel parti mill-flotta tal-Baħar l-Iswed, li xogħlha huwa loġistiku - bħal per eżempju l-evakwazzjoni ta' ċittadini Russi f'każ ta' emerġenza fil-pajjiż mxekkel minn gwerra ċivili, jew inkella kontra l-pirati.

Kurjuż imbagħad kif Putin jaqbel ma' Assad li jqies kull sforzi biex jieqaf il-ġlied u l-qtil fis-Sirja bħala "konfoffi" u "indħil barrani". Imma l-bejgħ ta' armi lir-reġim ta' Assad u l-unika bażi militari barra r-Russja f'Tartus, Putin u Assad ma jqisuhomx indħil barrani!!
Li hu żgur huwa li din il-manuvra ta' Putin qed tkabbar it-tensjoni fiż-żona, bil-pajjiżi tal-Punent, u mhux biss, qed iżiedu s-sanzjonijiet kontra r-reġim ta' Assad u l-familja tiegħu, biex jieqaf jimmassakra l-poplu tiegħu, u jwarrab.
  

Il-Ġimgħa, 23 ta’ Marzu 2012

It-Terrorista Qattiel fi Franza

XEBĦ MAL-ATTAKKI TERRORISTIĊI TAL-2004 FI SPANJA
L-orġa ta' delitti minn Muħammed Meraħ f'Toulouse, fi Franza li nqatel mill-pulizija speċjali tal-anti terroriżmu wara li assedjawh fid-dar fejn kien moħbi, fakkar lil ħafna fl-attakki terroristiċi li seħħew fi Spanja fl-2004.
Għalkemm, b'xorti tajba in-numru ta' vittmi kien 'biss' ta' seba' meta mqabbla mal-191 li nqatlu fi Spanja (flimkien ma' 1,800 oħra li sfaw feruti fl-attakki fuq il-ferroviji f'Madrid), ix-xebħ huwa kurjuż u wkoll inkwetanti.
Dakinhar Spanja wkoll, bħal Franza llum, kienet riesqa lejn elezzjoni partikolarment miġġielda. Kienet qamet kontroversja sħiħa dwar il-mod kif l-attakki terroristiċi kienu ġew trattati u preżentati, biż-żewġ partiti jakkużaw lil xulxin li ħbew jew dawwru l-provi għal raġunijiet elettorali. Il-Partit Popolari ta' Josè Maria Aznar, minkejja li l-opinion polls kienu qed juru li se jibqà jiggverna, spiċċa biex tilef l-elezzjoni, u sar Prim Ministru s-Soċjalista Zapatero.
Muħammed Meraħ qabel sar
terrorista kien ġuvnott moħħ
ir-riħ, li kien arrestat diversi
drabi fuq każi ta' serq
Dan għax Aznar, skond l-informazzjoni li għaddewlu, kien ddikjara li l-attakki wettquhom s-separatisti Baski tal-ETA, u kieku dan rriżulta veru, allura kien ikun ta' vantaġġ għall-partit tiegħu. Għall-kuntrarju meta beda jidher li l-attakki setgħu wettquhom Islamisti, x'aktarx b'rabtiet ma' al-Qajda, dan allura  għamel ħsara lill-PP u Aznar, minħabba s-sehem ta' Spanja fi-gwerra tal-Iraq.
Mill-banda l-oħra, malli Meraħ qatel  lill-tlett suldati ta' nisel Afrikan, u ftit wara qatel rabbi Lhudi u tlett itfal, sezzjoni tal-istampa, bħal dik xellugija La Liberation u Le Monde mill-ewwel bdew bil-qawmien tal-estremiżmu tal-lemin u Nażista, bl-iskop ovvju li mhux biss jagħmlu ħsara lill-kandidata leminija Le Pen, iżda wkoll liċ-ĊentruLemin tal-President Sarkozy u l-gvern.
Instab però li Meraħ kellu twemmin Islamiku radikali u li wettaq dawk id-delitti bħala tpattija għat-tfal li jinqatlu fil-Palestina!
Jekk, allura, l-fatt li Meraħ kien maħsub li kien estremista tal-lemin sata' jagħmel ħsara l.il Sarkozy, issa li dan ġie konfermat, li kien terrorista Islamiku allura, bħalma kitbet il-leminija Le Figaro, jpoġġi f'diffikultà lill-kandidat Soċjalista Francois Hollande għax dawn ma tantx għandhom politika ċara u soda fejn tidħol l-immigrazzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu.
Infatti hu jkollu jagħmel il-kontijiet mad-duttrina Soċjalista Mitterandjana, dwar l-aċċettazzjoni minn Franza ta' terroristi u individwi oħra xejn rakkommandabbli mid-dinja kollha, basta dawn fi Franza "jogħqodu bil-għaqal".
Minkejja dan kollu, wara li Meraħ inqatel, l-oppożizzjoni xorta waħda bdiet tattakka lill-President u gvern Franċiz għall-mod kif Meraħ ma kienx mgħasses biżżejjed biex sata' iwettaq dawk id-delitti.
Iżda l-Prim Ministru Franċiż Fillon ddikjara li l-awtoritajiet "fl-ebda mument"ma ssuspettaw li Meraħ kien perikoluż. Barra minhekk il-liġi Franċiza ma tippermettix li jiġi mgħasses jew interċettat, sorveljat kontinwament mingħajr deċiżjoni mill-Qorti xi ħadd li ma jkunx kiser il-liġi.
Hu ħabbar ukoll li Sarkozy se jressaq liġi ġdida kontra t-terroriżmu fi żmien ġimgħatejn qabel l-elezzjoni, bit-tama li din tgħaddi wkoll mis-Senat li hu kontrollat mill-oppożizzjoni.
Fuq kollox hu fakkar u faħħar lill-pulizija li rnexxilhom isolvu l-każ fi żmien rekord ta' 10 ijiem minn meta Meraħ qatel lis-suldati, u dan  huwa suċċess għall-gvern.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide