TA' BLA PRINĊIPJU REBBĦU LIS-SOĊJALISTA HOLLANDE
Qabel kollox niskuża ruħi li ma kellix ċans nikkummenta qabel dwar ir-riżultat tat-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-ħatra ta' President tar-Repubblika ta' Franza. Sal-lum żgur li tafu li ħareġ rebbieħ il-kandidat Soċjalista Francois Hollande b'51.83% kontra l-43.37% li kiseb iċ-ĊentruLemini Nicolas Sarkozy, li proprju llum ippresieda l-aħħar laqgħa tal-Kabinet tiegħu.Minn analiżi li fl-aħħar kelli ħin nagħmel l-ewwel ħaġa li toħroġ ċara hija li filwaqt li Hollande għadda lil Sarkozy bi ftit aktar minn tlieta fil-mija, hu kabbar b'inqas minn 2% il-vantaġġ tiegħu, għax fl-ewwel rawnd kien għadda lil Sarkozy b'1.65% (28.83% kontra s-27.18%).
Issa minn kalkoli li kont għamilt wara dak l-ewwel rawnd (post tad-29/04/12) il-votanti tal-kandidati ĊentruLemini kienu leħqu 54.21% filwaqt li dawk tax-Xellug 42.24% Dan kien ifisser illi kieku dawk kollha li vvutaw lil Sarkozy fl-ewwel rawnd jerġgħu jivvutawlu, u magħhom jingħaqdu l-maġġoranza tal-eletturi li kienu vvutaw lill-kandidata tal-Lemin Le Pen u liċ-Ċentrista Bayrou, Sarkozy kellu jiġi konfermat fil-kariga ta' President għat-tieni darba. Iżda dan ma ġarax. Għaliex?
Filwaqt li Marine Le Pen qabel it-tieni rawnd, fl-opinjoni tiegħi, żbaljat meta ddikjarat li hi ma kienet se tivvota lill-ebda wieħed miż-żewġ kandidati u appellat lill-eletturi tagħha (18%) biex jagħmlu l-istess jew iħassru l-vot, Francois Bayrou żbalja ferm aktar minnha meta ħeġġeġ lil dawk li kienu vvutawlu fl-ewwel rawnd (9%) biex fit-tieni wieħed jivvutaw lill-kandidat Soċjalista Hollande!
Meta kif ikkalkulajt Hollande, bil-voti ta' dawk li fl-ewwel rawnd kienu vvutaw lill-Komunista Melenchon u lill-Ħadra Joly (li t-tnejn appellaw lill-votanti tagħhom jivvutaw lil Hollande) kellu jġib 42.24%, allura jfisser li hu żjied 9.6% u dawn kisibhom mingħand votanti ta' Bayrou u Le Pen, għax bi ftit li xejn (inqas minn 1%) żjied id-distakk fuq dak tal-ewwel rawnd.
Anki skond tbassir li sar qabel it-tieni rawnd, il-maġġoranza (60%) ta' dawk li kienu vvutaw lil Le Pen, 11% x'aktarx ivvutaw lil Sarkozy, bil-kumplament ħassru l-vot (dawn żdiedu b'madwar 4% fuq l-ewwel rawnd - minn 1.92% għal 5.80%), u xi ftit lil Hollande.
Mill-banda l-oħra l-maġġoranza ta' dawk ta' Bayrou 'obdewh' u vvutaw lil Hollande, għax dan fil-fatt żjied il-voti tiegħu fuq l-ewwel rawnd b '9.6% – ftit aktar mid-9% li kien ġab Bayrou!
Dan ifisser li Hollande spiċċa jokkupa l-kariga ta' President grazzi għall-voti ta' nies bla prinċipji sodi, dawk li forsi emmnu lil min jippriedka (ġeneralment ix-Xellugin) li fi żmienna m'għadx hemm differenza bejn "Lemin" u "Xellug", u allura jiddikjaraw lilhom infushom "taċ-ċentru" – li għalija jfisser il-BAĦĦ – nies appuntu bla prinċipji sodi politiċi.
Huma dawn li tellgħu lis-Soċjalista Hollande, anki jekk huma mhumiex Soċjalisti jew Xellugin, iżda issa se jkollhom ibatu l-konsegwenzi tal-politika statalista Soċjalista li kull fejn tħaddmet kompliet għarrqet il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiżi fi kriżi, bħalma ġara fil-Greċja u fi Spanja.
Dan dejjem jekk ix-xahar id-dieħel s-Soċjalisti jirnexxilhom jirbħu wkoll maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, u b'hekk Hollande ma jkollu xejn xi jfixklu jwettaq il-programm tiegħu, hekk kif is-Soċjalisti diġà għandhom kontroll fis-Senat.
Iżda dwar dan nikkummenta aktar 'l quddiem.
No comments:
Post a Comment