LEJN ELEZZJONI OĦRA FI ŻMIEN XAHAR
L-elezzjoni li saret l-Ħadd li għadda fil-Greċja ma swiet għal xejn għax it-tentattiv tal-President biex jiġi ffurmat gvern ġdid ta' koalizzjomni ma rnexxewx, minħabba li anki dawk li qed jagħmel illum is-Soċjalista Evangelos Venizelos m'huma se jwasslu mkien. Illum f'Atene jixgħelu t-Torċa Olimpika, iżda ma tantx jidher li hemm futur imdawwal għall-Greċja!Dan għax mhux biss l-ebda wieħed miż-żewġ partiti kbar, dak Soċjalista (PASOK) u dak ĊentruLemini 'Demokrazija Ġdida' (ND) ma kisbux maġġoranza, imma anki kieku kellhom jiffurmaw gvern flimkien ma jkollhomx maġġoranza biżzejjed ta' siġġijiet fil-parlament, hekk kif il-partiti l-oħra kollha tal-lemin, ċentru u xellug huma kontra l-miżuri ta' awsterità li kellhom jiddaħħlu minħabba d-dejn nazzjonali.
Infatti s-sitwazzjoni f'dawk li huma persentaġġi u siġġijiet bħalissa hija hekk:
Ċentru u Lemin:
Demokrazija Ġdida (ND): 18.9% (108 siġġu); Griegi Indipendenti: 10.6% (33); Sebħ tad-Deheb: 7% (21). B'kollox: 162 siġġu
ĊentruXellug:
Koalizzjoni tax-Xellug: 16.8% (52 siġġu); Soċjalisti (PASOK) 13.3% (41); Komunisti: 8.5% (26); Xellug Demokratiku: (6.1%) 19.
B'kollox: 138 siġġu.
Dan juri li ċ-ĊentruLemin għandhom maġġoranza biżżejjed biex jiggvernaw, 162 mit-300 siġġu fil-parlament, imma l-problema bħalissa fil-Greċja hija li l-qasma politika bħalissa mhix bejn Lemin u Xellug, iżda bejn il-partiti favur l-awsteritá biex jissolvew il-problemi tad-dejn fil-pajjiż, u dawn huma l-ND u l-PASOK, u dawk kontra, il-partiti l-oħra kollha!
Għalhekk kollox juri li l-Griegi se jkollhom imorru jivvutaw mill-ġdid f'nofs ix-xahar d-dieħel, bil-mexxej tal-ND Antonis Samaras jittama li jżied il-voti u siġġijiet biżżejjed biex jifforma gvern mas-Soċjalisti.
Diffiċli ferm wieħed ibassar kemm dan jistà jiġri, għax l-elezzjoni qed tkun kważi referendum favur u kontra l-mizuri ta' awsterità u l-bailouts mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li allura, skond iċ-ċifri li kisbu l-partiti bħalissa dawn, il-maġġoranza tal-elettorat huma kontra. Ma jidhirx li f'perjodu ta' xahar l-elettorat Grieg jista' jibdel fehmtu, filwaqt li kien hemm 35% li ma marrux jivvutaw, żjieda ta' kważi 6 fil-mija fuq l-aħħar elezzjoni tal-2009.
Fil-fatt iż-żewġ partiti kbar it-tnejn li huma tilfu l-voti, l-aktar is-Soċjalisti li sofrew tkaxkira nobis: minn 43.9% niżlu għal biss 13.2%, tnaqqis ta' 30.7% tal-voti. Id-Demokrazija Ġdida minn 33.5% spiċċaw bi 18.9%, tnaqqis ta' 14.6%. Hawn, però, wieħed irid ifakkar li l-ND sofra qasma fi ħdanu, proprju minħabba l-awsterità, u numru ta' deputati kienu telqu mill-partit biex waqqfu dak tal-Indipendenti Griegi, li l-Ħadd li għadda , kif ktibt, ħadu 10.6% tal-voti u rebħu 33 siġġu.
Huwa għalhekk li l-kap tal-ND Samaras illum appella biex f'każ ta' elezzjoni oħra li qed tidher dejjem aktart probabbli, il-partiti taċ-ĊentruLemin jikkollaboraw biex jiżguraw l-futur tal-Greċja fl-Unjoni Ewropea.
No comments:
Post a Comment