Is-Sibt, 24 ta’ Ottubru 2009

Galileo Galilei : “Eppur Si Muove…”

STORJA

Wara Enrico Mizzi tajjeb li nagħtu ħarsa ħafifa lejn il-persuna l-oħra li dan il-blog jagħti ġieh u jirreferi għaliha. Galileo Galilei għex mat-300 sena qabel Enrico Mizzi. Tul ħajtu (twieled f’Pisa fl-1564 u miet, arrestat f’daru fl-1642) Galilei kien persegwitat mill-awtoritajiet minħabba li ssogra jressaq teoriji ġodda fil-kamp tax-xjenza, b’mod partikulari l-astronomija, li kienu jmorru kontra l-“vanġelu” aċċettat mill-awtoritajiet. Kien biss wara mewtu li mhux biss nagħta raġun, iżda llum hu meqjus bħala missier ix-xjenza moderna.      
Waqt li Galileo kien vaganza f’Venezja sema’ b’Olandiż li kien jipprovdi spettaklu, Hans Lippershey, li kien ivvinta oġġett li min jittawwal lejn xi ħaġa minnujaraha ikbar. Dak iż-zmien kienu jgħidulu spyglass.
Galileo tejjeb fuq l-invenzjoni, u t-teleskopju tiegħu kien tlett darbiet aktar qawwi minn dak tal-Olandiż. Dak kien biss il-prototipu, u sakemm dawwar dan lejn is-sema bil-lejl , dan kien għoxrin darba aktar qawwi.
Kien l-ewwel bniedem li uża t-teleskopju biex jara l-pjaneti u l-istilel. Sata’ jara erba’ mill-qmura ta’ Ġove, iċ-ċrieki ta’ Saturnu, dawk magħrufa bħala sunspots fuq ix-xemx, u wkoll il-krateri tal-Qamar fid-dettal. Iżda din l-invenzjoni tiegħu daħħlitu fl-inkwiet.

Is-Sibt, 17 ta’ Ottubru 2009

Għaliex Enrico Mizzi u Galileo Galilei?


X'għandhom x'jaqsmu l-patrijott Malti Enrico Mizzi u x-xjenzjat Taljan Galileo Galilei? It-tnejn kienu ħassieba ħielsa u t-tnejn sofrew diskriminazzjoni, intolleranza, persekuzzjoni u spiċċaw il-ħabs minħabba t-twemmin tagħhom li baqgħu sodi fih sa' mewthom.

Kienu wkoll persunaġġi skomdi għal żmienhom u vittmi taċ-ċirkustanzi. Iżda fl-aħħar is-sewwa, bħal dejjem, spiċċat biex rebħet, u l-istorja tathom raġun it-tnejn.
Fil-fatt Enrico Mizzi (jew Nerik, kif kienu jsejjaħlu affettwożament l-popolin) ġie vendikat għax permezz tas-sħubija ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea, aħna l-Maltin ssiġillajna darba għal dejjem l-appartenenza tagħna bħala poplu Latin-Ewropej li, wara kollox, kien l-iskop aħħari tal-ġlieda ta' Nerik.
Ix-xjenzjat Galileo Galilei urta lill-awtoritajiet ċivili u reliġjużi ta' żmienu meta sostna, fost sejbiet oħra tiegħu frott studju u riċerka intensiva, li kienet id-dinja li ddur madwar ix-xemx, u mhux il-kontra, bħalma dejjem ġie ppridkat qabel minn min kien iqies li d-dinja, il-pjaneta tagħna, kienet ċ-ċentru tal-univers. Saħansitra kien ikkundannat bħala eretiku mill-Inkwiżizzjoni. Iżda llum mhux biss ġie riabilitat, iżda l-Papa Ġwanni Pawlu II kien ammetta li l-Knisja Kattolika żbaljat u l-Papa Benedittu XVI din is-sena faħħar is-sehem tiegħu fl-astronomija. Albert Einstein kien sejjaħlu "Missier ix-xjenza moderna".
Għalhekk, b'dan il-blogg nixtieq mhux biss nagħti ġieħ lil dawn iż-żewġ persunaġgi storiċi kbar, iżda nwassal opinjonijiet u ideat kontra l-kurrent, mingħajr l-ipokresija u l-banalità tal-political correctness, u tagħrif u aħbarijiet li rari joħorġu mis-soltu media, sabiex inxejjen klixejiet li, sfortunatament ħafna minnha naċċettawhom bħala "vanġelu", mingħajr ma nagħtu ċans li nisimgħu jew tinstema' l-verità kollha, biex wara niffurmaw l-opinjoni infurmata tagħna.

Enrico Mizzi: Patrijott Skomdu

  STORJA

     Bħalma huwa xieraq se niddedika l-ewwel post tiegħi lill-politiku Malti Enrico Mizzi li għex bejn l-1885 u l-1950, meta miet fil-kariga ta’ Prim Ministru wara biss xagħrejn li kien ilu jokkupaha.
Fil-fatt dik ma kenitx l-ewwel darba li Nerik Mizzi wassal lill-Partit Nazzjonalista jirbaħ il-gvern. Fl-elezzjoni tal-1932, meta Nerik kien Kap tal-PN flimkien ma’ Ugo Mifsud, il-Partit Nazzjonista għamel l-ikbar rebħa fl-istorja tiegħu billi kiseb ‘l fuq mnn 65% tal-voti u ta’ siġġijiet.
Il-PN fil-programm elettorali tiegħu niżżel li kellu l-ħsieb jinsisti li Malta ma tibqax iżjed kolonja u għal
Dominion Status, jiġifieri l-ewwel pass lejn l-Indipendenza.
     Dan beżża lill-gvern Imperjali Ingliż li kien spiċċa ssospenda l-kostituzzjoni u reġà ħataf il-gvern f’idejh. F’wieħed mil-aħħar meetings li leħaq għamel il-PN qabel il-gvern Ingliż anki dawn ipprojbixxa biex Malta saret dittatura kolonjali, Nerik iddikjara kategorikament:
Ma jistax ikun li aħna nilqgħu b’indifferenza umiljazzjonijiet u impożizzjonijiet bħal dawn, wara li verdett popolari konna nifhmu, u bir-raġun kollu, li sa fl-aħħar dawk li huma responsabbli mill-politika Ingliża, ser jirrealizzaw, u jkunu iżjed prudenti magħna. F'’dik l-okkażjoni Enrico Mizzi għajjat il-motto tiegħu, l-għajta-appell lill-poplu Malti, u li baqgħet tidwi għal snin wara, ta’ Resistere! Resistere! Resistere!

     Bir-raġun, għalhekk, li aktar ma ssir taf dwaru, aktar tibda tinduna kemm fil-fatt Enrico Mizzi jistà jitqies bħala patrijott skomdu.

Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide