Il-Ħamis, 30 ta’ Settembru 2010

60 Sena mill-mewt ta' Enrico Mizzi (1)

Bħalma ktibt madwar ħmistax ilu fil-bidu ta' dan ix-xahar kelli x-xorti nattendi għal diskors ferm riċerkat u interessanti tal-Professur Henry Frendo dwar il-politiku u patrijott kbir Malti Enrico Mizzi, liema diskors kont se nirsisti biex inkun nistà nġibu fil-blog. Dr. Frendo mill-ewwel qabel li nagħmel dan, u minn din il-ġimgħa qed nibda nwassalulkom f'siltiet qosra (biex jinqraw malajr) u qed nippjana li ntemmu kollu sa' qabel is-60 anniversarju mill-mewt ta' Nerik fl-20 ta' Diċembru li ġej. Nirringrazzja mill-qalb lil Dr. Frendo, u nittama li ssibu dan it-tagħrif storiku interessanti u hekk kif tixtarruh tapprezzaw aktar x'kien ifisser Enrico Mizzi għalina lkoll, irrispettivament mill-kulur politiku tagħna.  
NERIK MIZZI : Min kien u x'fisser
Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo –  6 ta’ Settembru, 2010
Nerik Mizzi hu l-iżjed persunaġġ politiku persegwitat matul il-kolonjaliżmu Ingliż f’Malta. Sfortunatament, minħabba ċerti partiġjaniżmu u injoranza ta’ ġrajjietna, il-memorja tiegħu baqgħet tiġi mkasbra u vvilifikata saħansitra wara l-Indipendenza. Tant hu hekk, li fis-snin Sebgħin, għal darba wara l-oħra, il-bust tiegħu, mikxuf minn Ġorġ Borg Olivier f’Settembru 1964, insteraq, inħeba, u saħansitra ntrema l-baħar minn xi persuni żgwidati, li baqgħu qatt ma nqabdu u tressqu għal għemilhom. Sadattant, il-bust instab u reġa’ nstab, ġie restitwit u tqiegħed f’postu fi Pjazza San Ġwann mill-istess amministrazzjoni li taħtha twettqu dawn il-ġesti, u li l-istess kap tagħha kien eloġja lil Nerik Mizzi f’mewtu bħala ‘l-aqwa fost il-Maltin’. Madankollu, ir-rikonixximent bil-mod jiġi, speċjalment għal min l-iktar ikun jistħoqqlu. B’dan id-diskors kommemorattiv, 60 sena minn mewt Nerik Mizzi, nixtieq modestament noffri apprezzament kritiku post-kolonjali, bit-tama li jiċċara l-malintiżi u forsi jagħlaq xi feriti li setgħu baqgħu miftuħa.
Bin Fortunat Mizzi – l-hekk imsejjaħ Pater Patriæ, li fl-1880 ta bidu għall-moviment Nazzjonalista Malti – Nerik twieled il-belt Valletta u għex bejn l-1885 u l-1950, l-uniku politiku Malti li qatt miet fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Taqbel jew ma taqbilx miegħu, Nerik Mizzi baqa’ miftakar minn kull min kien jafu għall-onestà, is-sinċerità u l-integrità tiegħu, fuq kollox, irrid ingħid, għall-kuraġġ tiegħu – għalhekk id-diċitura cavaliere senza macchia e senza paura. Baqa’ miftakar ukoll għad-devozzjoni tiegħu lejn ix-xogħol, il-kawża li emmen fiha u li stinka għaliha. Martu Biċe nèe Vassallo, pjanista ċelebri, kienet tgħid, “m’għandix raġel” għax ftit kienet tarah.(1)
Ibnu wkoll, Dun Natalin tal-Moviment Azzjoni Soċjali, illum Monsinjur, lanqas tant kien jafu u jiftakru mill-qrib, anki għaliex ta’ età żgħira dan kien daħal is-Seminarju. Għalkemm bla dubju raġel tar-rispett u tal-familja wkoll, Nerik kien dejjem jaħdem, iddedikat b’ruħu u ġismu għall-politika, għall-patrija, bil-ġurnaliżmu b’kollox, speċjalment il-Malta li, sa fejn ħallewh, baqa’ joħroġha kuljum akkost ta’ kollox.
Iben dehen ta’ missieru, sa minn tfulitu, Nerik Mizzi kien involut fil-Comitato Permanente Universitario bħala student, u fil-presidenza tal-Giovine Malta għadu żagħżugħ sa mill-1901; elett fil-Kunsill tal-Gvern matul l-ewwel gwerra sakemm ħallewh; prominenti fl-Assemblea Nazionale tal-1919; kap tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista u deputat fl-Assemblea Leġiżlattiva wara l-1921 flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud, kap tal-PN riunit wara l-1926; darbtejn Ministru; delegat ewlieni fit-talba għad-Dominion Status f’Londra, fl-1932 ftit qabel ma l-Ingliżi vilment qaċċtu l-Kabinet u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Internat u ddeportat bla akkuża u bla ħtija matul it-Tieni Gwerra, wara r-rimpatrijament tiegħu, Nerik reġa’ beda jorganizza l-PN bħala l-Kap tiegħu, kien il-kelliem Nazzjonalista ewlieni fit-tieni Assemblea Nazzjonali għall-gvern responsabbli, u sar Kap tal-Oppożizzjoni fl-1947. Sakemm fl-1950 rajna l-eluf ta’ Maltin imbikkma u stakkamenti ta’ uffiċjali Ingliżi in fila fil-famuż funeral prattikament statali ta’ min kien proprju ra ħajtu għal darba wara l-oħra itturufnata mill-kolonjaliżmu Ingliż, u minn dawk il-Maltin pro-Ingliżi li fl-imperjaliżmu kienu jaraw, skont huma, l-awqa “patrijottiżmu”, jekk mhux l-uniku ‘nazzjonaliżmu’. Jekk kien hemm ġustizzja poetika fl-istorja politika ta’ pajjiżna, żgur li kienet din. (Fuq nota personali, x’aktarx ukoll li din hi l-ewwel memorja ta’ ħajti: tant kienu telgħu nies fl-appartament tagħna l-Furjana li kien jagħti fuq Pjazza Sant’Anna li, tifel ta’ sentejn u nofs jiġri mas-saqajn fost il-kommozzjoni, nifditni u baqgħet tidwi f’moħħi esklamazzjoni mbeżża’ tal-mamà: ‘qed nibża’ li se ċċedi l-gallarija!’)
[1] Antoinette Miggiani: Henry Frendo, Madliena, 12 ta’ Ġunju, 2005.
• Ikompli ġimgħa oħra

L-Erbgħa, 29 ta’ Settembru 2010

Vot Qawwi ta' Fiduċja fil-Gvern Taljan

Berlusconi IKABBAR l-Appoġġ fil-Parlament
Wara Sajf ta' battibekki bejn il-Prim Ministru u Kap tal-Popolo della Libertà Silvio Berlusconi u li-Speaker u ko-fundatur tal-istess partit Gianfranco Fini (li sadattant waqqaf grupp separat fil-Parlament), li wasslu biex diversi osservaturi (mhux dejjem imparzjali) bassru li l-gvern tiegħu wasal biex jaqa', il-lejla fis-7.30 tħabbar li l-Kamra tad-Deputati mhux biss ivvutat il-fiduċja fil-gvern Ċentru-Lemini ta' Berlusconi, iżda kabbritlu l-maġġoranza.
Infatti r-riżultat FINALI (wara li żewġ deputati tal-gvern, u ieħor tal-oppożiżżjoni li ma laħqux ivvutaw talbu li jiżdiedu l-voti tagħhom: l-ewwel tnejn favur il-gvern, u l-ieħor kontra) kien dan:
Favur il-gvern: 344; Kontra: 276; Asjenew: 3
Sabiex jgħaddi l-vot ta' fiduċja l-gvern ried jikseb mill-inqas 309 vot.
Bit-344 li vvutaw favur il-gvern Berlusconi mhux biss kiseb ferm aktar milli kellu bżonn, talli ŻJIED il-maġġoranza b'9 voti fil-parlament, għax meta ttieħed il-vot ta' fiduċja fl-2008 wara li ċ-Ċentru-Lemin rebah l-elezzjoni kienu 335 li vvutaw favur il-gvern. Rigal  mill-isbaħ għall-birthday, illum, ta' Berlusconi.
Immedjatament analisti innutaw li ma jistgħux jimmaġinaw li issa jkun hemm xi ħadd minn fost id-deputati li saħħew il-fiduċja fil-gvern li jibda jikkritika lill-gvern pubblikament  minflok ma jiddibatti fl-istrutturi apposta fi ħdan l-alleanza tal-partiti fil-gvern.

It-Tnejn, 27 ta’ Settembru 2010

Chavez jitlef il-maġġoranza assoluta fil-Venezwela

52% JIVVUTAW KONTRA                                                             R-RIVOLUZZJONI KOMUNISTA
Ramon Guillermo (ritratt waqt iċ-ċelebrazzjonijiet), wieħed mill-mexxejja tal-Unidad, jew il-Panel Demokratiku Unit (MUD) l-alleanza tal-partiti  fl-oppożizzjoni għall-ħakma Soċjalista awtokratika ta' Hugo Chavez fil-Venezuela qal li huma kisbu 52% tal-voti mixħuta fl-elezzjoni leġislattiva li saret il-bieraħ il-Ħadd.
Din hija daqqa ta' ħarta kbira għal-Chavez u l-Partit Soċjalista Unitarju (PSUV) tiegħu għax issa tilef il-maġġoranza assoluta ta' żewġ terzi tas-siġġijiet li kellu.
Infatti l-PSUV s'issa kiseb 95 siġġu (qabel kellu 139 mill-165 fl-Assemblea Nazzjonali minħabba li l-partiti fl-oppożizzjoni kienu bbojkottjaw l-elezzjoni tal-2005), filwaqt li l-Unidad s'issa għandha 61,  minħabba s-sistema elettorali tal-pajjiż.
B'hekk Chavez ma jistax jibqa' għaddej bil-programm tiegħu ta' rivoluzzjoni Bolivarjana, jew Komunista, bħal dik ta' Kuba. Ma jistax jibqa' jaħtar waħdu l-imħallfin, il-kummissjoni elettorali, jgħaddi digrieti presidenzjali, japprova l-baġit jew jgħadi liġijiet ġodda, anki kontroversjali li jdagħjfu l-libertà u d-demokrazija.
Dan huwa riżultat ferm importanti fid-dawl tal-elezzjoni presidenzjali tal-2012, fejn Chavez kien qed jittama li jikseb mandat ieħor ħalli jkun jista jkompli jibdel lil Venezwela f'Kuba oħra.

Is-Sibt, 25 ta’ Settembru 2010

Telfa Oħra Umiljanti għax-Xellug fl-Isvezja

MAĠĠORANZA GĦAĊ-ĊENTRU U L-LEMIN 
... IŻDA GVERN DUBJUŻ!
Sal-lum kull min jinteressa ruħu fil-politika internazzjonali jaf li l-elettorat Svediż fl-elezzjoni li saret il-Ħadd li għadda, għat-tieni darba konsekuttiva mhux biss reġà ċaħħad lis-Soċjalisti, lix-Xellug mill-gvern f'pajjiż li kienu ddominaw għal 70 sena, iżda kompla naqqsilhom l-appoġġ u s-siġġijiet.
Infatti l-Partit Soċjaldemokratiku (S) spiċċa reġà naqqas il-voti b'4.3% u tilef 18-il siġġu ieħor, wara s-16 li tilef fl-elezzjoni ta' erba' snin ilu, issa jinsab b'112-il siġġu biss, l-inqas li qatt kellu f'dawn l-aħħar 50 sena!
Dan ifisser li lanqas biż-żewġ partiti alleati tradizzjonali tagħhom il-Ħodor u l-eks Komunisti jinsabu l-bogħod minn maġġornanza li biha jkunu jistgħu jirritornaw fil-gvern.
Infatti filwaqt li l-Ħodor (MP) żjiedu l-persentaġġ u s-siġġijiet għal 7.3% u 25 , a skapitu tas-Soċjalisti, l-Partit Xellugi (l-eks Komunista V) tilef tlett siġġijiet u 0.3% tal-voti, biex issa għandu 19-il siġġu (5.6%).
Dan ifisser li bejnithom ix-Xellugin  miġburin fil-blokk Rödgöna (jew Ħomor-Ħodor) komplew naqsu l-appoġġ bi 2.5% għal 43.6% u tilfu 15-il siġġu, biex bil-156 siġġu tagħhom m'għandhomx ċans jiffurmaw gvern għax iridu mill-inqas 175 fil-parlament ta' 349 siġġu.
Mill-banda l-oħra l-koalizzjoni Ċentru-Leminija fil-gvern, filwaqt li kabbret l-appoġġ b'1.2%, u għad għandha maġġoranza, minħabba s-sistema elettorali proporzjonali Svediża, minflok żjiedet wkoll is-siġġijiet tilfet ħamsa u, sakemm qed nikteb, jonqosha żewġ siġġijiet biex tkun tista' tiggverna bil-kumdità.
X'ġara allura biex l-Isvezja, pajjiż tradizzjonalment stabbli, għadha bi gvern dubjuż?
Ħalli naraw kif marru l-partiti tal-koalizzjoni governattiva tal-erba partiti Ċentru-Leminin imsejħa Alliansen (Alleanza):
Il-Partit tal-Prim Ministru Fredrik Reinfeldt (ritratt), il-Moderata Samlingspartiet (M), Moderat, Liberali Konservattiv, kellu l-ikbar żjieda fil-voti, bi kważi 4 fil-mija għal 30.1%, li ssarrfet f'żjieda ta' 10 siġġijiet għal 107 – l-aħjar li qatt mar minn meta twaqqaf fl-1904.
Iżda din iż-żjieda ma kenitx biżżejjed biex tpatti għat-telf li sofrew it-tlett partit l-oħra fl-Alleanza li bejnithom naqqsu 15-il siġġu, u b'hekk ċaħdu lil Reinfeldt minn maġġoranza assoluta.
Infatti filwaqt li l-Partit Liberali tal-Poplu (FP) naqqas l-appoġġ b'0.4% għal 7.1% u spiċċa b'24 siġġu (-4), dak Ċentrista (C) naqqas b'1.3% għal 6.6%, u 23 siġġu (- 6). Il-partit l-ieħor li, bħall-Moderat hu membru fil-Partit Popolari Ewropej (PPE), il-KristjanDemokratiku (KD) sofra tnaqqis ta' 1 fil-mija għal 5.6% u 19-il siġġu (-5).
Minkejja dan, bħalma ktibt qabel, l-Alleanza kabbret l-appoġġ b'1.2 fil-mija, li però ma rriflettitx f'żjieda ta' siġġijiet. Dan għax, minħabba s-sistema elettorali,  x'aktarx li biex dan isir iż-zjieda fil-voti trid taqbeż it-2 fil-mija. X'wassal, għalhekk, biex dan ma ġarax, avolja l-gvern Ċentru-Lemini fl-erba' snin tiegħu irnexxielu jikseb l-ikbar titjib fl-ekonomija (l-Isvezja rat l-ikbar tkabbir ekonomiku (+4%) fl-Ewropa, bil-finanzi pubbliċi fost l-aktar b'saħħithom minkejja r-reċessjoni globali?
Għal darb'oħra kien hemm rekord (għal dawn l-aħħar 20 sena) fin-numru ta' dawk li marru jivvutaw: 84.6% imqabbla mat-82% ta' erba' snin ilu. Allura jekk ngħoddu l-voti taż-żewġ blokk, 49.4 + 43.6% u dawn iġibu 93%, fejn marru s-7% l-oħra? Kienu biss 1.4% biss minnhom li nħlew fuq partiti żgħar li ma tellgħu ebda siġġu.
Il-bqija 5.7% ivvutaw lil partit ġdid, id-Demokratiċi tal-Isvezja (SD), partit populista tal-lemin li twieled 12-il sena ilu biss, u li  minn xejn issa għandu 20 siġġu fir-Riksdag, il-parlament Svediż. 20 siġġu deċiżivi biex jiġi ffurmat gvern sod u stabbli.
Faċli, faċli żżejjed li wieħed jelimina lil dan il-partit u lil dawk kollha li vvutawlu, bħala xenofobi jew razzisti, bħalma għamlu, naturalment mill-ewwel, x-xellugin fl-Isvezja (u fid-dinja), u mbagħad politiċi mill-koalizzjoni fil-gvern, meta kien hemm min wasal biex ipprova jfixkel lil dan il-partit mid-dritt fundamentali li jwassal l-ideat tiegħu tul il-kampanja elettorali, u anki qabel, b'riżultati, kif rajna, kontroproduċenti. 
Imma x'inhuma l-ideat, il-politika tad-Demokratiċi mmexxija miż-żagħżugħ Jimmie Akesson?  Punti ewlenin  jinkludu: Tnaqqis fl-immigrazzjoni u ritorn lejn l-poltika ta' assimilazzjoni tas-Sebgħinijiet; Id iebsa kontra l-kriminalità, b'pieni aktar ħorox għal offiżi serji u dawk reċidivi; Żjidiet fil-pensjoni.
F'pajjiż li, bħalma ktibt, beda jieħu r-ruħ ekonomikament u finanzjarment, il-pjaga tal-qagħad għadha miftuħa (8%), b'mod partikulari fost iż-żgħażagħ – 25% ta' dawk bejn il-15 u l-24 sena jinsabu bla xogħol u jgħixu fuq il-benefiċċji soċjali. 
Dan qed ipoġġi piż kbir fuq il-pajjiż, u l-gvern kellu jibda jnaqqas dawn il-benefiċċji.
L-argument tad-Demokratiċi kien li f'sitwazzjoni bħal din, il-problema tal-immigrazzjoni trid tiġi ffaċċjata b'serjetà u realiżmu, u mhux bl-idealiżmu fieragħ ta' ċerti psewdo-intellettwali.
Fl-imgħoddi l-immigrati Taljani, Spanjoli, Griegi eċċetra kellhom jaħdmu, inkella jirtirawlhom il-permess li jibqgħu jgħixu hemm u jkollhom jitilqu lura f'pajjiżhom. Illum 14% tal-popolazzjoni hija Islamika, b'uħud minnhom ma jagħmlu xejn, jgħixu b'benefiċċji soċjali ferm ġenerużi, li minbarra flus jinkludu wkoll fejn jogħqodu.
Kif jista' ikun għalhekk, isostnu d-Demokratiċi, li l-gvern iħares l-interessi ta' dawn il-barranin u mhux l-ewwel dawk taċ-ċittadini tiegħu? Dan mhuwiex razziżmu, iżda raġunijiet oġġettivi, reali.
Nistgħu ma naqblux magħhom, imma n-numru tal-eletturi li jifmuha hekk hekk dejjem jikber, u mhux fl-Isvezja biss. Jekk lil dawn se nibqgħu ninjorawhom, u dawn il-problemi ma jiġux affrontati serjament u malajr, in-numru tax-xenofobi veri jikber, flimkien mal-problemi, u għad naslu f'sitwazzjoni fejn ċerti miżuri ikollhom jittieħdu bilfors u jistgħu ikunu aktar iebsa wkoll.
Minkejja dan kollu kelliema għall-Alleanza taċ-Ċentru-Lemin kienu qed jgħidu li mad-Demokratiċi ma jridux ikollhom x'jaqsmu, u kienu lesti jiffurmaw gvern max-xellugin Ħodor, iżda dawn mill-ewwel iddikjaraw li dawk li vvutawlhom żgur ma kienux japprovaw ħaġa bħal din.
Għalhekk, jekk tgħaddi ta' dawn l-imkejjen fl-Alleanza u jibqa' ma jsirx xi forma ta' ftehim mad-Demokratiċi ta' Akesson (li mhux bilfors ifisser li jkunu parti fil-gvern), l-Isvediżi se jiffaċċjaw futur inċert, bil-probabbiltà ta' elezzjoni oħra f'qasir żmien li tkisser l-istabbilità li tant jeħtieġ il-pajjiż.
Dan kollu  għax ma tkunx rispettata x-xewqa tal-poplu li tkellem ċar: ma jridx lix-Xellug fil-poter, filwaqt li ta maġġoranza assoluta lill-partiti taċ-Ċentru u tal-Lemin ta' aktar minn 55% u 193 siġġu, meta tgħodd dawk li kisbet l-Alleanza ma' dawk tad-Demokratiċi tal-Isvezja. 

L-Erbgħa, 15 ta’ Settembru 2010

NERIK MIZZI: 60 SENA MINN MEWTU

F'Diċembru li ġej jaħbat is-60 anniversarju mill-mewt tal-patrijott kbir Malti Enrico Mizzi, u l-ġimgħa .-oħra kelli l-pjaċir nattendi għal diskors mill-aktar riċerkat u interessanti dwar il-ħajja politika ta' "Nerik", bħalma kien isejjaħlu affettwożament il-popolin.
L-istoriku ewlieni l-Professur Henry Frendo żvela avvenimenti u punti fil-karriera, anzi fil-missjoni politika ta' Nerik, li għal ħafna kienu ġodda, u d-diskors żgur serva biex neħħa anki preġudizzji li l-għedewwa tiegħu kien irnexxilhom ixerrdu tul snin twal ta' persekuzzjoni mill-ħakkiema Ingliżi u l-lagħqin tagħhom.
Fosthom dwar xi 'simpatiji' ta' Nerik lejn il-faxxiżmu,  meta fil-fatt hu minn dejjem, snin qabel Mussolini, ried isaħħaħ ir-rabta mal-kultura Latina Taljana, Ewropea, bħala reżistenza kontra l-attentati ta' Angloċizzazzjoni tal-poplu Malti.
Nittama li nkun nista' inwassal dan id-diskors kollu f'dan il-blog fl-iqsar żmien possibbli.

MERĦBA LURA

Wara li jiena flimkien magħkom ħadna l-mistrieħ xieraq tas-Sajf, għalkemm dan uffiċjalment jintemm ġimgħa oħra, nilqagħkom lura fil-blog bit-tama li terġgħu tibdew issegwu l-kummenti tiegħi, l-aktar dwar il-politika u l-avvenimenti internazzjonali u, jekk tħossu l-bżonn tgħaddu l-kummenti tagħkom.
Bħalma forsi tiftakru, u tistgħu tikkonfermaw hawn taħt, fl-aħħar nota tiegħi qabel il-waqfien tas-Sajf kont ktibt li jekk kien ikun hemm xi avveniment importanti, mhux mistenni, kont xorta waħda se nikkummenta.
B'xorti tajba dan ma seħħx, avolja kien hemm min iltaqa' miegħi jew kitibli, li stennini ngħid xi ħaġa dwar xi avveniment jew ieħor. 
Ir-risposta tiegħi hija li fi kważi l-każijiet kollha li ssemmewli dawn kienu għadhom qed jiżviluppaw, bħall-kriżi politika li kkawża li-Speaker tal-Kamra tad-Deputati fl-Italja Fini fi ħdan il-partit tal-maġġoranza Popolo della Libertà bit-twaqqif ta' grupp parlamentari tiegħu. Kriżi li issa mistennija tintemm fi tmiem ix-xahar wara diskors importanti tal-Prim Ministru Berlusconi fit-28 tax-xahar fil-Parlament, fejn se jitlob vot ta' fiduċja, li hu konvint li se jiksbu.
Kien hemm ukoll l-elezzjoni fl-Awstralja fejn, minkejja li l-Coalition bejn il-Partit Liberali u dak Nazzjonali kisbet aktar siġġijiet u voti mil-Labour Party (43.3% kontra t-38% tal-Labour), dan tal-aħħar irnexxielu jifforma gvern bl-għajnuna tad-deputat tal-Ħodor, u tlett indipendenti.
Dan  ifisser li l-Labour se jkollu jinnegozja ma' dawn kull miżura u liġi li jressaq, u osservaturi politiċi Awstraljani diġà qed ibassru elezzjoni ġdida fi żmien sena/sena u nofs.
Avveniment ieħor li wkoll għadu qed jizviluppa kien il-bidu ta' taħditiet ġodda għall-paċi bejn Iżrael u l-Palestina.
Għalhekk dwar dawn l-avvenimenti u oħrajn żgur se nkunu nistgħu nikkummentaw aktar fiċ-ċert fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin.

Il-Ħadd, 4 ta’ Lulju 2010

IL-VAGANZI T-TAJBA!

Minħabba li  matul l-eqqel ġimgħat tas-Sajf  l-avvenimenti politiċi fix-xena internazzjonali jonqsu, u elezzjonijiet rari jsiru, il-posts tiegħi għall-ġimgħat li ġejjin se jonqsu wkoll. Dejjem jekk ma jkunx hemm xi avveniment straordinarju.
Nerġà inkun magħkom b'mod regolari f'Settembru. Nawguralkom vaganzi ta' mistrieħ!

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Ġunju 2010

Maġġoranza Ċentru-Leminija Oħra fl-Ewropa

DAQQA TA' ĦARTA GĦAX-XELLUG FIS-SLOVAKKJA
Minkejja li reġgħu irriżultaw l-ikbar partit, is-SoċjalDemokratiċi fis-Slovakkja mhumiex se jkomplu jiggvernaw għax minflokom mistennija jkun hemm koalizzjoniu magħmula minn partiti taċ-ċentru u tal-lemin, li bejnithom issa għandhom maġġoranza ta' voti u siġġijiet fil-parlament.
B'hekk, għal darb'oħra x-xellug fl-Ewropa, mhux fis-Slovakkja biss, sofra daqqa ta' ħarta, disfatta oħra sabiex it-tebgħa l-ħamra ta' gvernijiet immexxija mix-xellug qed dejjem tiċkin.
Għalkemm is-Soċjaldemokratiċi Slovakki żjiedu l-persentaġġi u s-siġġijiet, iċ-Ċentru-Lemin żjied aktar minnu.
Infatti bejnithom dawn il-ħames partiti żjiedu 9.1% biex kisbu 49.2% tal-voti kontra l-34.8%% li kisbu s-Soċjaldemokratiċi u l-4.3% tal-partit xellugi LS-HZDS (li però ma rebaħ l-ebda siġġu), b'kollox 39.1%. Jiġifieri ċ-Ċentru-Lemin għadda .lix-Xellug b'aktar minn 10 fil-mija.
L-istess f'dawk li huma siġġijiet s-SoċjalDemokratiċi  tas-SMER-SD issa għandhom 62 siġġu, iżda biex jiggvernaw riedu jtellgħu 76 deputat fil-parlament ta' 150. Qabel kellhom 50 siġġu, iżda setgħu jiggvernaw għax ingħaqdu magħhom l-LS-HZDS (li issa s-SoċjalDemokratiċi prattikament ħadulhom s-siġġijiet) u n-Nazzjonalisti tal-SNS, li però issa naqqsu s-siġġijiet minn 20 għal 9 biss.
Fuq iċ-Ċentru-Lemin mill-banda l-oħra nsibu li filwaqt li l-Unjoni Demokratika u Kristjana Slovakkla (SDKU-DS) naqsu bi 3% u tlett siġġijiet, l-ikbar rebbieħ irriżulta l-partit Konservattiv-Liberali Ewroxettiku 'Libertà u Solidarjetà' (SAS) li twaqqaf is-sena l-oħra u ġab 12.1% tal-voti u rebaħ 22 siġġu.
Partit ieħor li, l-istess bħall-SDKU-DS hu memnbru fil-Partit Popolari Ewropew (PPE) u l-Internazzjonali   Demokratika Ċentrista (IDĊ) hija d-Demokrazija Kristjana (KDH) li issa għandha 15-il siġġu u 8.5%.
Ma' dawn kollha l-Kap tal-SDKU-DS Iveta Radicova (ritratt) bdiet taħditiet biex tifforma gvern li analisti jħossu li minħabba l-omoġenjetà tagħhom, għandhom aktar ċans jaqblu dwar programm li, l-ewwel ħaġa li jrid jagħmel hija li jnaqqsu d-defiċit fil-baġit li qabeż is-6.8% ta-prodott gross domestiku.

Il-Ħadd, 13 ta’ Ġunju 2010

Qagħda Politika Inċerta fl-Olanda?

IL-POPLU OLANDIŻ JIBQA' ĊENTRU-LEMINI
Filwaqt li l-partit Appell Kristjan-Demokratiku  (CDA) sofra l-ikbar telfa fl-elezzjoni li saret din il-ġimgħa, din l-istess elezzjoni wriet li l-poplu Olandiż politikament għadu ċentru-lemini, u għalhekk reġà bagħat messaġġ li jrid li jkun iggvernat b'dan il-mod.
Apparti żewġ partiti żgħar (wieħed Evanġelista u l-ieħor għad-drittijiet tal-annimali (!), il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament Olandiż huma maqsuma bejn tmien partiti, bil-maġġoranza għal darb'oħra jakkwistawhom partiti Ċentru-Lemini. Anki bħala perċentwali tal-voti mixħuta (li din id-darba naqsu  b'5.7%), iċ-Ċentru-Lemin issa żjied il-maġġoranza għal kważi 53%.
L-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin huma dawn:
Il-Partit għal-Libertà u Demokrazija (VVD), konservattiv-liberali, immexxi minn Mark Rutte (xellug) li issa huwa l-ikbar partit b'20.4% tal-voti u 31 siġġu.
Il-Partit tal-Appell Kristjan-Demokratiku (CDA) ċentrista jxaqleb lejn il-lemin, iżda li wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet għażel li jiggverna f'koalizzjonijiet Ċentru-Xellugin. Dan tilef  kemm voti kif ukoll siġġijiet: minn 26.5% niżel għal 13.7% , u tilef 20 siġġu biex spiċċa b'21, l-inqas minn meta twaqqaf fl-1977 meta kienu nagħqdu tlett partiti.
Il-Partit tal-Libertà (PVV) Konservatti-liberali, lemini-populista, ta' Geert Wilders (Lemin, waqt dibattitu qabel l-elezzjoni) li bil-15.5% tal-voti u 24 siġġu, sar it-tielet l-ikbar partit u indikazzjoni ċara ta' sentiment ta' animożità f'pajjiż tradizzjonalment tolleranti, iżda llum ansjuż dwar il-minoranza Musulmana.
L-Unjoni Kristjana (CU) Soċjal-konservattiv, ċentrista, li naqqas bi ftit il-persentaġġ għal 3.3% u għandu 5 siġġijiet.
B'hekk bejnithom dawn il-partiti Ċentru-Lemini issa għandhom maġġoranza ta' 52.9% tal-voti li tissarraf f'maġġoranza wkoll ta' siġġijiet: 81 minn total ta' 150 deputat fil-parlament, fejn allura kull partit jew koalizzjoni biex tiggverna jeħtieġ ikollha 76 siġġu.
Din il-maġġoranza m'għandux ċans jilħaqha ċ-Ċentru-Xellug Olandiz, lanqas jekk jingħaqdu magħhom iż-żewġ partiti żgħar li semmejt qabel, bl-erba' siġġijiet li akkwistaw flimkien.
L-erba' partiti huma dak Laburista (PvdA) li naqqas il-voti b'aktar minn 1.5% għal 19.6%, u tilef tlett siġġijiet, għal 30. Dak Soċjalista (SP) li tilef 10 siġġijiet għal 15, u naqqas bi kważi 6% tal-voti għal 9.9%. Il-Ħodor (GL) żjiedu 3 siġġijiet u 2% għal 6.6%, filwaqt li d-"Democratiċi 66" żjiedu kważi 3% għal 6.9%, u 7 siġġijiet. B'kollox b'hekk iċ-Ċentru-Xellugin għandhom 43% tal-voti (tnaqqis ta' 1.4%) u 65 siġġu, kontra l-81 taċ-Ċentru-Lemin.
Minn dan kollu jidher li r-rieda tal-poplu hija ċara u li, għallinqas fuq il-karta, il-formazzjoni ta' gvern ġdid u sod – li tant jeħtieġ il-pajjiż biex isolvi l-kriżi finanzjarja – m'għandhix tkun ħaġa diffiċli.
Għaliex, allura, diversi osservaturi u kummentaturi qed ibassru xhur twal ta' negozjati biex jitwaqqaf gvern, liema gvern, mbagħad, qed jiġi mbassar li ma jkollux ħajja twila?
Jan Vis, eks-membru tar-Raad van State, korp kostituzzjonali li jagħmilha ta' konsulent għall-gvernijiet Olandiżi, huwa tal-fehma li "kabinet uniformi, tal-istess għamla, huwa ta' impotanza vitali, għax inkella dan jaqa' u jkollna elezzjoni oħra fi żmien sena."
Filwaqt li ż-żewġ koalizzjoijiet preċedenti kien nrnexxilhom jilħqu kunsens fuq issues politiċi ċentrali, kwistjonijiet oħra periferali wasslu biex waqqgħu dawk li deheru gvernijiet, kabinet li dehru stabbli, kompla jgħid Vis.
Per eżempju, l-aħħar gvern mmexxi mid-Demokristjani flimkien mal-Laburisti, waqa' minħabba li dawn tal-aħħar ma qablux mal-gvern dwar l-impenn tal-gvern Olandiż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu favur il-libertà u d-demokrazija fl-Afganistan. Din kienet ħaġa prevedibbli meta għandek fil-gvern partiti b'ideoloġiji differenti, jekk mhux ukoll opposti.
Għalhekk osservaturi bħal Vis qed jittamaw li l-mexxej tal-VVD Rutte jimxi fid-direzzjoni li jrid il-poplu, mingħajr ebda preġudizzji, ħaġa li appellat għaliha wkoll l-istess Reġina Beatriċi meta ħeġġet lill-VVD biex jaħdem għall-possibiltà ta' koalizzjoni "bejn l-ikbar partit u l-ikbar rebbieħ", jiġifieri bejn il-VVD u l-PVV ta' Wilders, magħruf għall-policies kontroversjali tiegħu, l-aktar fejn tirrigwardja l-immigrazzjoni mill-pajjiżi Islamiċi, li r-riżultat tajjeb li kiseb Wilders jixhed il-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwarha. Iżda l-ikbar problemi tal-pajjiż huma dawk finanzjarji li jeħtieġu gvern ġdid  fl-iqsar żmien possibbli li kapaċi jieħu l-miżuri ta' awsterità meħtieġa u inevitabbli, u li dwarhom ukoll ma kienx irnexxilhom jiftiehmu d-Demokristjani u l-Laburisti.

Is-Sibt, 5 ta’ Ġunju 2010

L-Aħħar Bastiment lejn Gaża Mwaqqaf

IR-"RACHEL CORRIE" ESKORTAT LEJN IŻRAEL
L-aħħar bastiment tal-flotta filo-Palestinjana "Rachel Corrie' li kien qed jisfida lill-qawwiet Iżraeljani billi jhedded li jidħol f'Gaża mill-baħar –  minkejja l-imblokk li kellu jagħmel Iżrael – dalgħodu, għall-ħabta tat-8.30 (ħin ta' Malta) twaqqaf minn truppi Lhud li telgħu fuq il-vapur mingħajr ebda reżistenza minn dawk abbord, u issa qed jiġi eskortat lejn il-port Iżraeljan  ta' Ashdod.
Tlett bastimenti tal-gwerra tal-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani kienu ilhom jakkumpanjaw lir-"Rachel Corrie" minn dalgħodu kmieni, u wara li dawk fuqu injoraw ordni biex idawru r-rotta lejn Ashdod, malli l-bastiment wasal 30 kilometru barra l-kosta ta' Gaża, it-truppi Lhud imbarkaw fuqu mingħajr l-ħtieġa ta' ebda forza, kif kellhom jagħmlu nhar it-Tnejn li għadda, meta ġew attakkati minn attivisti filo-Palestinjani armati fuq il-"Mavi Marmara".
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ta' Iżrael ikkonferma dan, u wkoll li l-imblokk se jibqa' fis-seħħ minħabba l-biżà li jitwasslu armi u munizzjoni Iranjani lir-reġim terroristiku tal-Ħamas li, l-istess bħall-Iran, dejjem jhedded li jrid jeqred lil Iżrael minn wiċċ id-dinja.
Ir-"Rachel Corrie"suppost kellu jkun mas-sitt bastimenti l-oħra li ppruvaw jisfurzaw l-imblokk nhar it-Tnejn, iżda kien żviluppa xi ħsarat, u kellu jagħmel xi jiem waqaf f'Malta, minn fejn telaq lejn Gaża bejn nhar it-Tlieta u l-Erbgħa li għaddew, b'19 il-attivista, fosthom Malasjani u Irlandiżi.
It-tagħbija umanitarja issa se titwassl xorta waħda f'Gaża, wara li tiġi ċċekkjata, iżda mill-art.
Offerta li saritilhom (qabel it-truppi Lhud telgħu fuq il-vapur) iżda li huma baqgħu jirrifjutawha, u li kienet saret ukoll lil dawk abbord il-"Mavi Marmara" mingħajr suċċess.
IL-PRIM MINISTRU TORK SE JMEXXI KONVOJ-SFIDA IEĦOR?
Sadattant f'rapport fil-ġurnal Libaniż "al Mustaqbal" uffiċjali tas-sigurtà tal-Prim Ministru Tork Recep T. Erdogan ġie kkwotat li qal li Erdogan qed jikkunsidra jakkumpanja flotta, konvoj-sfida ieħor biex ikisser l-imblokk tal-Istrixxa ta' Gaża.
L-istess rapport jgħid li Erdogan qal lill-Istati Uniti li qed jippjana li jibgħat lin-navy Torka teskorta konvoj ieħor, iżda l-Amerikani insistew li jtawlu dan il-pjan ħalli jiflu sew il-każ.
Ta min ifakkar li sa' qabel il-gwerra f'Gaża t-Turkija kienet l-aktar pajjiż Islamiku ħabib ta' Iżrael, iżda dan l-aħħar sar dejjem aktar kritiku ta' dak il-pajjiż, irrikonoxxa l-IHH bħala ong leġittima, meta qabel kienet ferm kritikata mill-gvernijiet lajċi Torok ta' qabel Erdogan
L-IHH hija l-organizzatriċi ewlenija ta' dawn il-konvoj filo-Palestinjani, u għandha irbit mal-Ħamas, l-istess Ħamas li l-bieraħ Erdogan qal li ma jqishix għaqda terroristika.
Dan meta l-Ħamas hi kunsidrata bħala organizzazzjoni terroristika mhux minn Iżrael u l-Istati Uniti biss, iżda wkoll mill-Unjoni Ewropea, mill-Kanada, mill-Awstralja, mill-Ġappun u, saħansitra mill-Ġordan.
U fuq dan kollu t-Turkija għadha tistenna li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide