Il-Ħamis, 10 ta’ Mejju 2012

Fil-Greċja għadhom bla gvern

LEJN ELEZZJONI OĦRA FI ŻMIEN XAHAR
L-elezzjoni li saret l-Ħadd li għadda fil-Greċja ma swiet għal xejn għax it-tentattiv tal-President biex jiġi ffurmat gvern ġdid ta' koalizzjomni ma rnexxewx, minħabba li anki dawk li qed jagħmel illum is-Soċjalista Evangelos Venizelos m'huma se jwasslu mkien. Illum f'Atene jixgħelu t-Torċa Olimpika, iżda ma tantx jidher li hemm futur imdawwal għall-Greċja!
Dan għax mhux biss l-ebda wieħed miż-żewġ partiti kbar, dak Soċjalista (PASOK) u dak ĊentruLemini 'Demokrazija Ġdida' (ND) ma kisbux maġġoranza, imma anki kieku kellhom jiffurmaw gvern flimkien ma jkollhomx maġġoranza biżzejjed ta' siġġijiet fil-parlament, hekk kif il-partiti l-oħra kollha tal-lemin, ċentru u xellug huma kontra l-miżuri ta' awsterità li kellhom jiddaħħlu minħabba d-dejn nazzjonali.
Infatti s-sitwazzjoni f'dawk li huma persentaġġi u siġġijiet bħalissa hija hekk:
Ċentru u Lemin:
Demokrazija Ġdida (ND): 18.9% (108 siġġu); Griegi Indipendenti: 10.6% (33); Sebħ tad-Deheb: 7% (21). B'kollox: 162 siġġu
ĊentruXellug:
Koalizzjoni tax-Xellug: 16.8% (52 siġġu); Soċjalisti (PASOK) 13.3% (41); Komunisti: 8.5% (26); Xellug Demokratiku: (6.1%) 19.
B'kollox: 138 siġġu.
Dan juri li ċ-ĊentruLemin għandhom maġġoranza biżżejjed biex jiggvernaw, 162 mit-300 siġġu fil-parlament, imma l-problema bħalissa fil-Greċja hija li l-qasma politika bħalissa mhix bejn Lemin u Xellug, iżda bejn il-partiti favur l-awsteritá biex jissolvew il-problemi tad-dejn fil-pajjiż, u dawn huma l-ND u l-PASOK, u  dawk kontra, il-partiti l-oħra kollha!
Għalhekk kollox juri li l-Griegi se jkollhom imorru jivvutaw mill-ġdid f'nofs ix-xahar d-dieħel, bil-mexxej tal-ND Antonis Samaras jittama li jżied il-voti u siġġijiet biżżejjed biex jifforma gvern mas-Soċjalisti.
Diffiċli ferm wieħed ibassar kemm dan jistà jiġri, għax l-elezzjoni qed tkun kważi referendum favur u kontra l-mizuri ta' awsterità u l-bailouts mill-Unjoni Ewropea u l-Fond Monetarju Internazzjonali, li allura, skond iċ-ċifri li kisbu l-partiti bħalissa dawn, il-maġġoranza tal-elettorat huma kontra. Ma jidhirx li f'perjodu ta' xahar l-elettorat Grieg jista' jibdel fehmtu, filwaqt li kien hemm 35% li ma marrux jivvutaw, żjieda ta' kważi 6 fil-mija fuq l-aħħar elezzjoni tal-2009.
Fil-fatt iż-żewġ partiti kbar it-tnejn li huma tilfu l-voti, l-aktar is-Soċjalisti li sofrew tkaxkira nobis: minn 43.9% niżlu għal biss 13.2%, tnaqqis ta' 30.7% tal-voti. Id-Demokrazija Ġdida minn 33.5% spiċċaw bi 18.9%, tnaqqis ta' 14.6%. Hawn, però, wieħed irid ifakkar li l-ND sofra qasma fi ħdanu, proprju minħabba l-awsterità, u numru ta' deputati kienu telqu mill-partit biex waqqfu dak tal-Indipendenti Griegi, li l-Ħadd li għadda , kif ktibt, ħadu 10.6% tal-voti u rebħu 33 siġġu.
Huwa għalhekk li l-kap tal-ND Samaras illum appella biex f'każ ta' elezzjoni oħra li qed tidher dejjem aktart probabbli, il-partiti taċ-ĊentruLemin jikkollaboraw biex jiżguraw l-futur tal-Greċja fl-Unjoni Ewropea.

L-Erbgħa, 9 ta’ Mejju 2012

Elezzjonijiet Presidenzjali fi Franza (3)

TA' BLA PRINĊIPJU REBBĦU LIS-SOĊJALISTA HOLLANDE
Qabel kollox niskuża ruħi li ma kellix ċans nikkummenta qabel dwar ir-riżultat tat-tieni rawnd tal-elezzjoni għall-ħatra ta' President tar-Repubblika ta' Franza. Sal-lum żgur li tafu li ħareġ rebbieħ il-kandidat Soċjalista Francois Hollande b'51.83% kontra l-43.37% li kiseb iċ-ĊentruLemini Nicolas Sarkozy, li proprju llum ippresieda l-aħħar laqgħa tal-Kabinet tiegħu.
Minn analiżi li fl-aħħar kelli ħin nagħmel l-ewwel ħaġa li toħroġ ċara hija li filwaqt li Hollande għadda lil Sarkozy bi ftit aktar minn tlieta fil-mija, hu kabbar b'inqas minn 2% il-vantaġġ tiegħu, għax fl-ewwel rawnd kien għadda lil Sarkozy b'1.65% (28.83% kontra s-27.18%).
Issa minn kalkoli li kont għamilt wara dak l-ewwel rawnd (post tad-29/04/12) il-votanti tal-kandidati ĊentruLemini kienu leħqu 54.21% filwaqt li dawk tax-Xellug 42.24% Dan  kien ifisser illi kieku dawk kollha li vvutaw lil Sarkozy fl-ewwel rawnd jerġgħu jivvutawlu, u magħhom jingħaqdu l-maġġoranza tal-eletturi li kienu vvutaw lill-kandidata tal-Lemin Le Pen u liċ-Ċentrista Bayrou, Sarkozy kellu jiġi konfermat fil-kariga ta' President għat-tieni darba. Iżda dan ma ġarax. Għaliex?
Filwaqt li Marine Le Pen qabel it-tieni rawnd, fl-opinjoni tiegħi, żbaljat meta ddikjarat li hi ma kienet se tivvota lill-ebda wieħed miż-żewġ kandidati u appellat lill-eletturi tagħha (18%)  biex jagħmlu l-istess jew iħassru l-vot, Francois Bayrou żbalja ferm aktar minnha meta ħeġġeġ lil dawk li kienu vvutawlu fl-ewwel rawnd (9%) biex fit-tieni wieħed jivvutaw lill-kandidat Soċjalista Hollande!
Meta kif ikkalkulajt Hollande, bil-voti ta' dawk li fl-ewwel rawnd kienu vvutaw lill-Komunista Melenchon u lill-Ħadra Joly (li t-tnejn appellaw lill-votanti tagħhom jivvutaw lil Hollande) kellu jġib 42.24%, allura  jfisser li hu żjied 9.6% u dawn kisibhom mingħand votanti ta' Bayrou u Le Pen, għax bi ftit li xejn (inqas minn 1%) żjied id-distakk fuq dak tal-ewwel rawnd.
Anki skond tbassir li sar qabel it-tieni rawnd, il-maġġoranza (60%) ta' dawk li kienu vvutaw lil Le Pen, 11% x'aktarx ivvutaw lil Sarkozy, bil-kumplament ħassru l-vot (dawn żdiedu b'madwar 4% fuq l-ewwel rawnd - minn 1.92% għal 5.80%), u xi ftit lil Hollande.
Mill-banda l-oħra l-maġġoranza ta' dawk ta' Bayrou 'obdewh' u vvutaw lil Hollande, għax dan fil-fatt żjied il-voti tiegħu fuq l-ewwel rawnd b '9.6% – ftit aktar mid-9% li kien ġab Bayrou!
Dan ifisser li Hollande spiċċa jokkupa l-kariga ta' President grazzi għall-voti ta' nies bla prinċipji sodi, dawk li forsi emmnu lil min jippriedka (ġeneralment ix-Xellugin) li fi żmienna m'għadx hemm differenza bejn "Lemin" u "Xellug", u allura jiddikjaraw lilhom infushom "taċ-ċentru" – li għalija jfisser il-BAĦĦ – nies appuntu bla prinċipji sodi politiċi.
Huma dawn li tellgħu lis-Soċjalista Hollande, anki jekk huma mhumiex Soċjalisti jew Xellugin, iżda issa se jkollhom ibatu l-konsegwenzi tal-politika statalista Soċjalista li kull fejn tħaddmet kompliet għarrqet il-finanzi u l-ekonomija tal-pajjiżi fi kriżi, bħalma ġara fil-Greċja u fi Spanja.
Dan dejjem jekk ix-xahar id-dieħel s-Soċjalisti jirnexxilhom jirbħu wkoll maġġoranza ta' siġġijiet fil-parlament, u b'hekk Hollande ma jkollu xejn xi jfixklu jwettaq il-programm tiegħu, hekk kif is-Soċjalisti diġà għandhom kontroll fis-Senat.
Iżda dwar dan nikkummenta aktar 'l quddiem.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide