Il-Ħamis, 29 ta’ Settembru 2011

Stabbilità fl-Italja

IL-GVERN IKOMPLI JKABBAR IL-MAĠĠORANZA
Il-Prim Ministru Silvio Berlusconi jirringrazzja
lill-maġġoranza wara l-votazzjoni tal-bieraħ
Kontra dak li bassru xi wħud u x-xewqat ta' oħrajn li ma jimpurtahomx mill-futur ta' pajjiżhom iżda biss li jaħtfu l-poter, il-gvern Ċentru-Lemin Taljan il-bieraħ mhux biss żamm il-maġġoranza, iżda għal darb'oħra kompla kabbarha u prattikament issa għandu 325 siġġu minn 360, meta allura jkunu biżżejjed 316-il siġġu biex jiggverna.
L-okkażjoni kienet mozzjoni ta' sfiduċja fil-Ministru tal-Agrikoltura Francesco Saverio Romano imressqa mill-oppożizzjoni. Din m'għadditx għax favuriha ivvutaw biss 294, prattikament id-deputati tal-partit post-Komunista dak Demokratiku ta' Bersani, dawk ta' Di Pietro, dawk tal-partit ta'  Fini (li kienu telqu mill-Popolo della Libertà (PdL), u tal-UDC ta' Casini, għalkemm mhux kollha,
filwaqt li kien hemm is-sitt deputati Radikali ta' Pannella li ma vvutawx, għalkemm kienu fl-awla, fost ir-rarbja ta' Bersani li jrid ikeċċihom mill-grupp tal-Oppożizzjoni.
Kontra l-mozzjoni, naturalment ivvutaw id-deputati kollha tal-PdL, u dawk tal-Lega ta' Bossi, il-grupp ġdid Popolo e Territorio magħmul minn 29 deputat (fosthom Romano)  li qabel kienu jissejħu Iniziativa Responsabile, u li f'Diċembru kienu vvutaw il-fiduċja lill-gvern u ngħaqdu uffiċjalment mal-koalizzjoni Ċentru Leminija tal-PdL u l-Lega Nord.
Silvio Berlusconi, naturalment stqarr li kien "ferm sodisfatt" bir-riżultat tal-votazzjoni.
"Anki għax – spjega l-Prim Ministru – kien hemm 315 li vvutaw kontra l-isfiduċja, u jekk ma' dawn ngħoddu dawk id-deputati assenti skużati, dan ifisser li l-maġġoranza tal-gvern issa telgħet għal 325, u b'hekk nistgħu anki nwettqu r-riformi".
Il-fatti huma li kull darba li l-oppożizzjoni tressaq xi vot ta' sfiduċja fil-gvern jew f'xi ministru, il-gvernm kull datrba jzied il-maġġoranza.
Minkejja dan din l-oppożizzjoni ma titlifx okkażjoni li fiha tinsisti li Berlusconi għandu jirriżenja, u kull darba l-Prim Ministru jagħmilha ċara li sakemm il-gvern tiegħu jibqà igawdi l-fiduċja tal-parlament hu ma kellux l-ebda ħsieb iwarrab.
Il-gvern ġie vvutat mill-maġġoranza tal-elettorat, u għalhekk l-maġġoranza tal-gvern hija waħda leġittima, u sakemm din tibqà hemm, wieħed ma jara l-ebda raġuni l-għala l-gvern għandu jirriżenja.
Aktar u aktar meta ma teżistix alternattiva. M'hemmx programm li l-partiti fl-oppożizzjoni jistgħu jaqblu dwaru, għax dawn ivarjaw minn Komunisti, post-Komunisti, radikali, Demokrjstjani u post-Faxxisti, taħlita manja li l-aħħar tentattiv simili li sar snin ilu taħt it-tmexxija ta' Prodi kien falla f'qasir żmien miżerament u ma setgħax ikun mod ieħor.
Ħaġa li ll-Italja u t-Taljani ma jistgħux jissugraw fis-sitwazzjoni serja ekonomika-finanzjarja li tinsab fiha mhux biss l-Italja, imma d-dinja kollha.

Il-Ħadd, 25 ta’ Settembru 2011

Żewġ Elezzjonijiet fl-Ewropa

GVERN IEĦOR TAĊ-ĊENTRU-LEMIN FIL-LATVJA
Bħalma kien mistenni l-poplu tal-Latvja reġà ta maġġoranza ta' voti u siġġijiet lill-partiti taċ-Ċentru-Lemin biex dawn issa jistgħu ikomplu jsaħħu r-rimonta ekonomika-finanzjarja li permezz tagħha l-pajjiż ma kellux bżonn ta' għajnuna mill-Fond Monetarju Internazzjonali.
Il-Prim Ministru Valdis Dombrovskis u l-eks President
tar-Repubblika Valdis Zatler li kiseb suċċess kbir
bil-Partit tar-Riforma li waqqaf biss f'Lulju li għadda
Filwaqt li l-alleanza ewlenija fl-oppożizzjoni, x-xellugija "Ċentru tal-Armonija" żjiedet żewġ siġġijiet għal 31, biex spiċċat l-ikbar partit bi 28.4% tal-voti, xorta m'għandux ċans jiggverna, għax, appuntu, l-partiti taċ-Ċentru-Lemin bejniethom għandhom maġġoranza, minkejja li l-alleanza "Unità" tal-Prim Ministru Valdis Dombrovskis ma baqax l-ikbar partit taċ-Ċentru-Lemin; post li ħadu l-partit ġdid Ċentru-Lemini tar-Riforma ta' Zatler, li l-eks President tar-Repubblika  Valdis Zatler waqqqaf ftit qabel l-elezzjoni. Dan kiseb 20.8% tal-voti u 22 siġġu, kontra t-18.8% u 20 siġġu.
Il-partit l-ieħor li kien fil-koalizzjoni governattiva, dak tal-Ħodor u l-Bdiewa tilef voti u siġġijiet biex issa għandu 12.2% tal-voti u 13-il siġġu.
Dan ifisser li issa ċ-Ċentru-Lemin għandu 51.8% tal-voti u 55 siġġu mill-100 fil-parlament Latvjan. Dan għax wieħed jeskludi li Zatler jistà qatt jappoġġja jew jagħti lok għall-gvern immexxi mill-Armonija li tinkludi fiha lill-Komunisti.
Qabel temm il-kariga tiegħu Zatler kien ressaq referendum fejn il-poplu qabel miegħu (Zatler) li xolja l-parlament u ssir l-elezzjoni bikrija, minħabba li l-parlament ma kienx neħħa l-immunità lil deputat tal-oppożizzjoni biex ikun jistà jiġi investigat fuq korruzzjoni.
Barra minhekk l-alleanza leminija "Alleanza Nazzjonali għal Latvja" ħarġet l-ikbar rebbieħa għax żjiedet l-voti għal 13.9% u rebħet 14-il siġġu.
Bħalissa qed isiru n-negozjati biex jiġi ffurmat il-gvern il-ġdid.

... U GVERN INĊERT FID-DANIMARKA
Minkejja li media internazzjonali u anki lokali, għamlitha fatta li d-Danimarka se jkollha l-ewwel prim ministru mara u ċentru-xellugija għax, l-Alleanza l-Ħamra kisbet l-ikbar maġġoranza ta' voti u siġġijiet, il-formazzjoni ta' gvern ġdid mhix daqstant ħaġa faċli.
Fil-fatt il-partit tal-Prim Ministru Rasmussen, dak Liberali gġadu likbar partit fil-pajjiż b'26.7% tal-voti u zjied siġġu għal 47 mill-175 siġġu fil-parlament, filwaqt li dak Soċjaldemokratiku ta' Helle Thorning-Schmidt għandu 44 siġġu (wieħed inqas) u 24.9% tal-voti.
L-Alleanza Ħamra veru kisbet 50.2% tal-voti u 89 , iżda din l-alleanza mhix waħda omoġenja għax minbarra dak Soċjaldemokratiku, hemm dak Soċjal-Liberali, dak Soċjalista tal-Poplu li naqqas 7 siġġijiet għal 16, u l-Alleanza Ħamra-Ħadra.
Is-Soċjal-Liberali huma favur politika ekonomika liberali, u waqt il-kampanja elettorali għamluha ċara li ma jridux lis-Soċjalisti jkollhom rwol qawwi fil-gvern. Infatti l-Ħadd li għadda Marianne Jelved, l-eks kap tas-SoċjalLiberali wissiet lis-Soċjaldemokratiċi li mhux se jappoġġjaw lill-gvern eventwali jekk jipprova jwaqqaf ir-riformi fis-sistema tal-qagħad li s-SoċjalLiberali kienu vvutaw favurihom. Barra minhekk il-partiti fil-blokk l-aħmar ma jaqblux dwar kwistjonijiet ewlenin bħar-riforma tal-pensjoni, l-immigrazzjoni, it-tassazzjoni u l-politika ekonomika.
Il-pjan ta' Thorning-Schmidt li żżied in-nefqa tal-gvern, it-taxxi, u żżid ukoll is-sigħat tax-xogħol tal-ħaddiema b'siegħa fil-ġimgħa żgur, se jsib oppożiżżjoni fi ħdan l-alleanza.
Anki jekk jirnexxikha tifforma gvern, b'maġġoranza minima ta' ħames siġġijiet, Thorning-Schmidt tiddependi ħafna mill-erba' siġġijiet li nħatru mill-eletturi tal-gżejjer Faroe u Greenland.

Il-Ħamis, 15 ta’ Settembru 2011

Aħbarijiet koroħ għad-Demokratiċi

AKTAR DISFATTI GĦAL OBAMA
Mhux qed jgħaddi xahar li ċ-ċansijiet li Barak Obama jerġà jinħatar President tal-Istati Uniti wara l-elezzjoni ta' sena oħra dejjem aktar qed jitbiegħdu. L-aħħar daqqiet ta' ħarta ħadhom f'nofs din il-ġimgħa meta d-Demokratiċi tilfu distrett meqjus fortizza tagħhom għal dawn l-aħħar 90 sena fi New York u wkoll tkaxkira oħra f'Nevada, meqjus bħala swing state importanti fl-elezzjonijiet presidenzjali. B'hekk issa r-Repubblikani komplew kabbru l-maġġoranza tagħhom għal 242 siġġu kontra l-192 tad-Demokratiċi.
Din ir-rankatura kontra Obama u d-Demokratiċi issa ilha sejra mill-inqas minn Novembru tal-2009 (Obama ma kienx ilu sena President!) meta Chris Christie sar l-ewwel Repubblikan fi 12-il sena li rebaħ l-elezzjoni għall-Gvernatur ta' New Jersey.
Wara d-Demokratiċi sofrew telfa storika meta r-Repubblikan Scott Brown rebaħ is-siġġu tas-Senat li Robert Kennedy kien ilu jżomm mal-50 sena f'Massachusetts.
Kien imiss mbagħad lill-istat tal-Virginia fejn ir-Repubblikani rebħu l-post ta' Gvernatur li sa' dakinhar kien Demokratiku, b'Bob McDonnell jikseb l-għola persentaġġ ta' voti mill-1961.
Waslu mbagħad l-elezzjonijiet għall-Kungress tal-2010 meta d-Demokratiċi sofrew telfiet kbar f'ħafna elezzjonijiet nazzjonali u lokali, b'ħafna siġġijiet jgħaddu taħt il-kontroll tar-Repubblikani. Il-Partit infatti rebaħ 63 siġġu fil-Kamra tar-Rappreżentanti, biex b'hekk kien reġà akkwista l-maġġoranza.
Dik kienet l-ikbar bidla ta' siġġijiet mill-1948 u l-ikbar f'elezzjoni mid-term f'aktar minn 70 sena, mill-1938.
Ir-riħ tal-bidla fil-politika Amerikana ma jistax ikun aktar ċar.
Anki mkejjen li soltu jappoġġjaw lid-Demokratiċi qed jammettu li dawn l-elezzjonijiet huma referendum dwar il-politika ekonomika ta' Obama u d-Demokratiċi.
Is-soluzzjonijiet tipikament xellugin li qed jadotta Obama mhux qed isolvu l-problemi li qed jiffaċċja l-pajjiż u l-poplu. Proprju fl-istess jum li ħarġu r-riżultati ta' dawn l-aħħar żewġ elezzjonijiet  tħabbar li l-Amerikani li qed jgħixu fil-faqar qabżu għal 46.2 miljuni matul is-sena li għaddiet.
Dan huwa l-għola stat ta' faqar fil-pajjiż mill-1983, filwaqt li d-dħul medju għall-familja Amerikana niżel bi 2.3 fil-mija matul is-sena l-oħra, u d-differenza bejn is-sinjuri u dawk tal-klassi medja kibret, bħalma kompla kiber il-qagħad għal 9.1%.
Dan meta suppost li r-riċessjoni uffiċjalment spiċċat fl-2009, u  minkejja l-għexiren ta' mijiet ta' miljuni ta' dollari ta' stimulu għall-ekonomija ta' Obama, li minflok tejbu, komplew għarrqu s-sitwazzjoni soċjali tal-Amerikani, li issa jidhru qed jistennew bil-ħerqa li tasal l-elezzjoni għall-President s-sena d-dieħla.
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide