IL-POPLU OLANDIŻ JIBQA' ĊENTRU-LEMINI
Filwaqt li l-partit Appell Kristjan-Demokratiku (CDA) sofra l-ikbar telfa fl-elezzjoni li saret din il-ġimgħa, din l-istess elezzjoni wriet li l-poplu Olandiż politikament għadu ċentru-lemini, u għalhekk reġà bagħat messaġġ li jrid li jkun iggvernat b'dan il-mod.
Apparti żewġ partiti żgħar (wieħed Evanġelista u l-ieħor għad-drittijiet tal-annimali (!), il-maġġoranza tas-siġġijiet fil-parlament Olandiż huma maqsuma bejn tmien partiti, bil-maġġoranza għal darb'oħra jakkwistawhom partiti Ċentru-Lemini. Anki bħala perċentwali tal-voti mixħuta (li din id-darba naqsu b'5.7%), iċ-Ċentru-Lemin issa żjied il-maġġoranza għal kważi 53%.
L-erba' partiti taċ-Ċentru-Lemin huma dawn:
Il-
Partit għal-Libertà u Demokrazija (VVD), konservattiv-liberali, immexxi minn
Mark Rutte (xellug) li issa huwa l-ikbar partit b'20.4% tal-voti u 31 siġġu.
Il-
Partit tal-Appell Kristjan-Demokratiku (CDA) ċentrista jxaqleb lejn il-lemin, iżda li wara l-aħħar żewġ elezzjonijiet għażel li jiggverna f'koalizzjonijiet Ċentru-Xellugin. Dan tilef kemm voti kif ukoll siġġijiet: minn 26.5% niżel għal 13.7% , u tilef 20 siġġu biex spiċċa b'21, l-inqas minn meta twaqqaf fl-1977 meta kienu nagħqdu tlett partiti.
Il-Partit tal-Libertà (PVV) Konservatti-liberali, lemini-populista, ta'
Geert Wilders (Lemin, waqt dibattitu qabel l-elezzjoni) li bil-15.5% tal-voti u 24 siġġu, sar it-tielet l-ikbar partit u indikazzjoni ċara ta' sentiment ta' animożità f'pajjiż tradizzjonalment tolleranti, iżda llum ansjuż dwar il-minoranza Musulmana.
L-Unjoni Kristjana (CU) Soċjal-konservattiv, ċentrista, li naqqas bi ftit il-persentaġġ għal 3.3% u għandu 5 siġġijiet.
B'hekk bejnithom dawn il-partiti Ċentru-Lemini issa għandhom maġġoranza ta' 52.9% tal-voti li tissarraf f'maġġoranza wkoll ta' siġġijiet: 81 minn total ta' 150 deputat fil-parlament, fejn allura kull partit jew koalizzjoni biex tiggverna jeħtieġ ikollha 76 siġġu.
Din il-maġġoranza m'għandux ċans jilħaqha ċ-Ċentru-Xellug Olandiz, lanqas jekk jingħaqdu magħhom iż-żewġ partiti żgħar li semmejt qabel, bl-erba' siġġijiet li akkwistaw flimkien.
L-erba' partiti huma dak
Laburista (PvdA) li naqqas il-voti b'aktar minn 1.5% għal 19.6%, u tilef tlett siġġijiet, għal 30. Dak
Soċjalista (SP) li tilef 10 siġġijiet għal 15, u naqqas bi kważi 6% tal-voti għal 9.9%. Il-
Ħodor (GL) żjiedu 3 siġġijiet u 2% għal 6.6%, filwaqt li d-"
Democratiċi 66" żjiedu kważi 3% għal 6.9%, u 7 siġġijiet. B'kollox b'hekk iċ-Ċentru-Xellugin għandhom 43% tal-voti (tnaqqis ta' 1.4%) u 65 siġġu, kontra l-81 taċ-Ċentru-Lemin.
Minn dan kollu jidher li r-rieda tal-poplu hija ċara u li, għallinqas fuq il-karta, il-formazzjoni ta' gvern ġdid u sod – li tant jeħtieġ il-pajjiż biex isolvi l-kriżi finanzjarja – m'għandhix tkun ħaġa diffiċli.
Għaliex, allura, diversi osservaturi u kummentaturi qed ibassru xhur twal ta' negozjati biex jitwaqqaf gvern, liema gvern, mbagħad, qed jiġi mbassar li ma jkollux ħajja twila?
Jan Vis, eks-membru tar-
Raad van State, korp kostituzzjonali li jagħmilha ta' konsulent għall-gvernijiet Olandiżi, huwa tal-fehma li "kabinet uniformi, tal-istess għamla, huwa ta' impotanza vitali, għax inkella dan jaqa' u jkollna elezzjoni oħra fi żmien sena."
Filwaqt li ż-żewġ koalizzjoijiet preċedenti kien nrnexxilhom jilħqu kunsens fuq
issues politiċi ċentrali, kwistjonijiet oħra periferali wasslu biex waqqgħu dawk li deheru gvernijiet, kabinet li dehru stabbli, kompla jgħid Vis.
Per eżempju, l-aħħar gvern mmexxi mid-Demokristjani flimkien mal-Laburisti, waqa' minħabba li dawn tal-aħħar ma qablux mal-gvern dwar l-impenn tal-gvern Olandiż fil-ġlieda kontra t-terroriżmu favur il-libertà u d-demokrazija fl-Afganistan. Din kienet ħaġa prevedibbli meta għandek fil-gvern partiti b'ideoloġiji differenti, jekk mhux ukoll opposti.
Għalhekk osservaturi bħal Vis qed jittamaw li l-mexxej tal-VVD Rutte jimxi fid-direzzjoni li jrid il-poplu, mingħajr ebda preġudizzji, ħaġa li appellat għaliha wkoll l-istess Reġina Beatriċi meta ħeġġet lill-VVD biex jaħdem għall-possibiltà ta' koalizzjoni "bejn l-ikbar partit u l-ikbar rebbieħ", jiġifieri bejn il-VVD u l-PVV ta' Wilders, magħruf għall-
policies kontroversjali tiegħu, l-aktar fejn tirrigwardja l-immigrazzjoni mill-pajjiżi Islamiċi, li r-riżultat tajjeb li kiseb Wilders jixhed il-preokkupazzjoni tal-poplu Olandiż dwarha. Iżda l-ikbar problemi tal-pajjiż huma dawk finanzjarji li jeħtieġu gvern ġdid fl-iqsar żmien possibbli li kapaċi jieħu l-miżuri ta' awsterità meħtieġa u inevitabbli, u li dwarhom ukoll ma kienx irnexxilhom jiftiehmu d-Demokristjani u l-Laburisti.