Bħalma ktibt madwar ħmistax ilu fil-bidu ta' dan ix-xahar kelli x-xorti nattendi għal diskors ferm riċerkat u interessanti tal-Professur Henry Frendo dwar il-politiku u patrijott kbir Malti Enrico Mizzi, liema diskors kont se nirsisti biex inkun nistà nġibu fil-blog. Dr. Frendo mill-ewwel qabel li nagħmel dan, u minn din il-ġimgħa qed nibda nwassalulkom f'siltiet qosra (biex jinqraw malajr) u qed nippjana li ntemmu kollu sa' qabel is-60 anniversarju mill-mewt ta' Nerik fl-20 ta' Diċembru li ġej. Nirringrazzja mill-qalb lil Dr. Frendo, u nittama li ssibu dan it-tagħrif storiku interessanti u hekk kif tixtarruh tapprezzaw aktar x'kien ifisser Enrico Mizzi għalina lkoll, irrispettivament mill-kulur politiku tagħna.
NERIK MIZZI : Min kien u x'fisser
Diskors kommemorattiv mill-Professur Henry Frendo – 6 ta’ Settembru, 2010Nerik Mizzi hu l-iżjed persunaġġ politiku persegwitat matul il-kolonjaliżmu Ingliż f’Malta. Sfortunatament, minħabba ċerti partiġjaniżmu u injoranza ta’ ġrajjietna, il-memorja tiegħu baqgħet tiġi mkasbra u vvilifikata saħansitra wara l-Indipendenza. Tant hu hekk, li fis-snin Sebgħin, għal darba wara l-oħra, il-bust tiegħu, mikxuf minn Ġorġ Borg Olivier f’Settembru 1964, insteraq, inħeba, u saħansitra ntrema l-baħar minn xi persuni żgwidati, li baqgħu qatt ma nqabdu u tressqu għal għemilhom. Sadattant, il-bust instab u reġa’ nstab, ġie restitwit u tqiegħed f’postu fi Pjazza San Ġwann mill-istess amministrazzjoni li taħtha twettqu dawn il-ġesti, u li l-istess kap tagħha kien eloġja lil Nerik Mizzi f’mewtu bħala ‘l-aqwa fost il-Maltin’. Madankollu, ir-rikonixximent bil-mod jiġi, speċjalment għal min l-iktar ikun jistħoqqlu. B’dan id-diskors kommemorattiv, 60 sena minn mewt Nerik Mizzi, nixtieq modestament noffri apprezzament kritiku post-kolonjali, bit-tama li jiċċara l-malintiżi u forsi jagħlaq xi feriti li setgħu baqgħu miftuħa.
Bin Fortunat Mizzi – l-hekk imsejjaħ Pater Patriæ, li fl-1880 ta bidu għall-moviment Nazzjonalista Malti – Nerik twieled il-belt Valletta u għex bejn l-1885 u l-1950, l-uniku politiku Malti li qatt miet fil-kariga ta’ Prim Ministru.
Taqbel jew ma taqbilx miegħu, Nerik Mizzi baqa’ miftakar minn kull min kien jafu għall-onestà, is-sinċerità u l-integrità tiegħu, fuq kollox, irrid ingħid, għall-kuraġġ tiegħu – għalhekk id-diċitura ‘cavaliere senza macchia e senza paura’. Baqa’ miftakar ukoll għad-devozzjoni tiegħu lejn ix-xogħol, il-kawża li emmen fiha u li stinka għaliha. Martu Biċe nèe Vassallo, pjanista ċelebri, kienet tgħid, “m’għandix raġel” għax ftit kienet tarah.(1)
Ibnu wkoll, Dun Natalin tal-Moviment Azzjoni Soċjali, illum Monsinjur, lanqas tant kien jafu u jiftakru mill-qrib, anki għaliex ta’ età żgħira dan kien daħal is-Seminarju. Għalkemm bla dubju raġel tar-rispett u tal-familja wkoll, Nerik kien dejjem jaħdem, iddedikat b’ruħu u ġismu għall-politika, għall-patrija, bil-ġurnaliżmu b’kollox, speċjalment il-Malta li, sa fejn ħallewh, baqa’ joħroġha kuljum akkost ta’ kollox.
Iben dehen ta’ missieru, sa minn tfulitu, Nerik Mizzi kien involut fil-Comitato Permanente Universitario bħala student, u fil-presidenza tal-Giovine Malta għadu żagħżugħ sa mill-1901; elett fil-Kunsill tal-Gvern matul l-ewwel gwerra sakemm ħallewh; prominenti fl-Assemblea Nazionale tal-1919; kap tal-Partit Demokratiku Nazzjonalista u deputat fl-Assemblea Leġiżlattiva wara l-1921 flimkien ma’ Sir Ugo Mifsud, kap tal-PN riunit wara l-1926; darbtejn Ministru; delegat ewlieni fit-talba għad-Dominion Status f’Londra, fl-1932 ftit qabel ma l-Ingliżi vilment qaċċtu l-Kabinet u l-Kostituzzjoni ta’ Malta. Internat u ddeportat bla akkuża u bla ħtija matul it-Tieni Gwerra, wara r-rimpatrijament tiegħu, Nerik reġa’ beda jorganizza l-PN bħala l-Kap tiegħu, kien il-kelliem Nazzjonalista ewlieni fit-tieni Assemblea Nazzjonali għall-gvern responsabbli, u sar Kap tal-Oppożizzjoni fl-1947. Sakemm fl-1950 rajna l-eluf ta’ Maltin imbikkma u stakkamenti ta’ uffiċjali Ingliżi in fila fil-famuż funeral prattikament statali ta’ min kien proprju ra ħajtu għal darba wara l-oħra itturufnata mill-kolonjaliżmu Ingliż, u minn dawk il-Maltin pro-Ingliżi li fl-imperjaliżmu kienu jaraw, skont huma, l-awqa “patrijottiżmu”, jekk mhux l-uniku ‘nazzjonaliżmu’. Jekk kien hemm ġustizzja poetika fl-istorja politika ta’ pajjiżna, żgur li kienet din. (Fuq nota personali, x’aktarx ukoll li din hi l-ewwel memorja ta’ ħajti: tant kienu telgħu nies fl-appartament tagħna l-Furjana li kien jagħti fuq Pjazza Sant’Anna li, tifel ta’ sentejn u nofs jiġri mas-saqajn fost il-kommozzjoni, nifditni u baqgħet tidwi f’moħħi esklamazzjoni mbeżża’ tal-mamà: ‘qed nibża’ li se ċċedi l-gallarija!’)
[1] Antoinette Miggiani: Henry Frendo, Madliena, 12 ta’ Ġunju, 2005.
• Ikompli ġimgħa oħra