"HOLLANDE PERIKOLUŻ GĦAL FRANZA U L-EWROPA"
Dan il-kliem mhux tiegħi, għalkemm naqbel miegħu perfettament. Dan huwa l-isem ta' editorjal tar-rivista Ingliża li ġiet pubblikata l-bieraħ The Economist. Ir-rivista li tiddikjara ruħha "liberali imma mhux konservattiva" fl-imgħoddi xejn ma ddejqet tikkritika mexxejja politiċi magħrufin għall-fehmiet tagħhom kontra x-Xellug. Biżżejjed insemmi lil Bush u lil Berlusconi li l-Economist kien jeċċella fil-kritika u l-attakki kontrihom meta kienu jiggvernaw.Intant fil-ħarġa tal-bieraħ bit-titlu dirett "Il-pjuttost perikoluż Monsieur Hollande" l-editur John Micklethwait jispjega għaliex is-Soċjalista li x'aktarx ikun il-president Franċiż li jmiss huwa ta' ħsara mhux biss għal Franza imma anki għall-Ewropa.
L-editur jibda billi jwissi illi li kieku Franza jsir il-pajjiż li jmiss fiż-żona Ewro li jsib ruħu fl-inkwiet, l-istess eżistenza tal-munita tkun f'dubju ssalvax, u huwa għalhekk li rebħa Soċjalista f'dak il-pajjiż tkun inkwetanti.
Ir-rivista tfakkar kif fl-2007 kienet appoġġjat lil Sarkozy, u kif hu kien sfortunat li sena biss wara ntlaqat mill-kriżi ekonomika globali. Minkejja dan hu wettaq xi riformi fosthom: illiberalizza l-universitajiet, għolla l-età tal-pensjoni, u rattab il-liġi li tobbliga lill-ħaddiema, anki jekk iridu, ma jaħdmux aktar minn 35 siegħa fil-ġimgħa; liġi li kienu daħħlu s-Soċjalisti.
L-editur jgħid però li f'ċerti ideat tiegħu, bħal dawk 'protezzjonisti' fil-każ tal-immigranti u oħrajn li l-editur iusejjaħ 'anti-Ewropej, jagħmluh imorevedibbli, iżda jiddikjara illi kieku setgħa jivvota fi Franza l-Ħadd li ġej kien jivvota xorta waħda lil Sarkozy - "mhux fuq il-merti tiegħu, imma aktar biex ma jitlax Hollande".
Dan għax Hollande m'għandu l-ebda risposta, soluzzjoni għall-problemi ta' Franza: dejn pubbliku għoli li qed ikompli jikber, defiċit li wkoll ilu jikber għal dawn l-aħħar 35 sena, banek nieqsa mill-kapital, qagħad persistenti, filwaqt li l-infieq mill-gvern Franċiż għadu l-għola fiż-żona Ewro.
Mill-banda l-oħra Hollande jitkellem ħafna dwar 'ġustizzja soċjali', iżda kważi xejn dwar il-bżonn li jinħoloq il-ġid fil-pajjiż. Għalkemm qed iwiegħed li jnaqqas id-defiċit, dan beħsiebu jagħmlu billi jgħolli t-taxxi (per eżempju li jgħolli l-għola rata ta' income tax għal 75%), u mhux billi jnaqqas l-infieq tal-gvern bħalma qed isir f'pajjiżi oħra fi kiriżi. Anzi dan se jkompli jkabbru!
Per eżempju Hollande qed iwiegħed li jimpjega 60,000 għalliema ġodda. Skond l-istess kalkoli tiegħu dan se jiswa' lill-gvern 20 Biljun Ewro tul ħames snin.
Fl-istess waqt hu qed jirreżisti kull forma ta' riforma li teffettwa l-'mudell soċjali Franċiż'. Anzi beħsiebu jerġà jbaxxi l-età tal-pensjoni għal 60 sena, anki jekk b'hekk jipperikola pensjoni diċenti għall-pensjonanti tal-futur.
Xi ottimisti qed iwarrbu l-wegħdiet l-aktar 'attraenti' (flashy isejħilhom l-editur) ta' Hollande bħala simboliċi, u jsejħu lil Hollande bħala prammatiku li' jiġi mġiegħel irabbi l-għaqal mill-Ġermanja u mill-investituri'.
Imma l-Economist qajla jemmen dan, kemm minħabba l-atteġġjament anti-business ta' Hollande, kif ukoll għax ikollu jżomm kelmtu mal-Partit Soċjalista li għadu marbut ma' ideoloġiji Xellugin antikwati, u elettorat li ma jridx jaf bir-riformi tant meħtieġa jekk irid isalva l-pajjiż.
L-editur itemm jgħid li president Franċiż li hu tant kontra l-bidla (minkejja s-slogan tiegħu!) jimmina r-rieda tal-Ewropa li tkompli bir-riformi ta' uġigħ tant meħtieġa biex tiġi salvata l-Ewro. "Dan jagħmlu bniedem perikoluż."
Jekk trid taqra l-editorjal mur f'din il-link