It-Tnejn, 28 ta’ Marzu 2011

Vjolenza u Abbużi fi Tripli (3)

IL-ĠENITURI TA' OBEIDI JGIDDBU LIR-REĠIM
Il-ġenituri ta' Eman  al-Obeidi li nhar is-Sibt ma tħallitx tirrakkonta lill-ġurnalisti barranin magħluqa f'lukanda fi Tripli  kif kienet ġiet stuprata minn suldati tar-reġim ta' Gaddafi, u reġġħet ġiet arrestata (mingħajr mhux magħruf fejn tinstab u x'sar minnha) giddbu dak li qal kelliem għar-reġim, Mussad Ibraħim, dwarha u dwarhom.
Aisha Aħmed, omm Iman, iddikjarat li għalihom binthom hija eroj. "Jiena kburija biha", qalet, waqt li ddeskriviet lil bintha bħala studenta fil-liġi fi Tripli.
Dimostrazzjoni favur Iman al-Obeidi f'Bengażi
Kelliem għall-gvern kien akkuża il Eman li kienet prostituta, omm divorzjata, u li l-istupru seħħ meta s-suldati ppruvaw isakkruha u sawwtuha wkoll, u li qed issir inkjesta dwar il-każ.
Il-familja ta' Eman, li jgħixu f'Tobruk, giddbu dawn l-akkużi, u missierha Atiq Saleħ al-Obeidi qal li l-awtoritajiet kienu ċemplulhom fit-3 ta' filgħodu biex jinsistu magħhom li jikkonvinċu lill-binthom li jekk tirtira dak li qalet, kienu se jagħtuha ħafna flus u dar ġdida.
Naturalment il-familja tagħha m'aċċettawx u Eman, li għandha 26 sena, qaltilhom li tippreferi tmut milli tigdeb dwar dak li sofriet.

Sadattant dawn ma setgħux jikkonfermaw jekk huwiex veru li, dak li qal Ibraħim, li Eman kienet inħelset u li qiegħda għand oħtha fi Tripli.

Il-Ħadd, 27 ta’ Marzu 2011

Vjolenza u Abbużi fi Tripli (2)

X'SAR MINNHA EMAN AL-OBEIDI? X'QED JISTENNEW AKTAR?
Kienu ħafna li l-bieraħ baqgħu impressjonati bil-filmati (li ġibt jiena wkoll hawnhekk) ta' Eman al-Obeidi, mara mbikkma li ppruvat tiddeskrivi dak li għaddiet minnu  tul jumejn li nżammet arrestata u interrogata mill-pulizija sigrieta ta' Gaddafi.
Ilum qed inġib filmat ieħor, din id-darba tas-CNN bil-kummenti tal-ġurnalisti li kienu preżenti.
Imma l-mistoqsija tiġi waħedha: X'qed jistennew iżjed – minn ta' quddiemnett l-Amerikani, anzi l-President tagħhom Obama – u l-pajjiżi tal-Punent li għadhom qed jiddubitaw x'jaqblilhom jagħmlu, biex jgħaqqdu s-servizzi ta' intelliġenza (aktar milli l-armati)  tagħhom flimkien, u permezz ta' operazzjoni 'kirurġika' li żgur kapaċi jwettqu, jeħilsu lill-poplu Libjan minn dan ir-reġim feroċi?
Li dan il-miġnun Gaddafi jkompli  jibdel Tripli f'ħabs tal-konċentrament bil-fuq minn żewġ miljun ruħ !!
X'QED TISTENNA IN-NAZZJONIJIET UNITI BIEX FL-AĦĦAR TISWA' GĦAL XI ĦAĠA???



X'SAR MINNHA EMAN AL-OBEIDI/ TGĦID GĦAD NERĠĦU NARAWHA ĦAJJA ?!?

Is-Sibt, 26 ta’ Marzu 2011

Vjolenza u Abbużi fi Tripli

IMSAWWTA U STUPRATA GĦAX MINN BENGAŻI
Mara minn Bengażi wara li ġiet arrestata f'checkpoint fi Tripli minn suldati ta' Gaddafi, nżammet arrestata hemmhekk għal jumejn, fejn rabtuha, kellmuha ħażin, sawwtuha, urinawh fuqha u umlijawha, minbarra li madwar 15-il suldat abbużaw minnha., wkoll,
Wara li tellquha Eman al-Obadi kellha l-kuraġġ tibqà sejra mill-ewwel fil-Lukanda Rixos fejn hemm miġbura, anzi magħluqa, il-ġurnalisti barranin, u bdiet tirrakkontalhom dak li għaddiet minnu taħt in-nies tar-reġim.
Imbikkma Obaidi leħqet wriet is-sinjali tas-swat fuq wiċċha, daharha riġlejha u l-parti ta' fuq ta' kuxtejha,  minbarra l-marki tal-manetti fuq idejha u l-għekiesi, iżda ma damux ma tfaċċaw in-nies tas-sigurtà tal-lukanda u pulizija sigrieta li wara li mbuttaw u attakkaw lill-ġurnalisti li ppruvaw jiddefenduha (l-ewwel filmat), kaxkruha 'l barra mil-lukanda u xeħtuha f'karrozza bajda, b'Obaidi tgħajjat li se jsakkruha fil-ħabs, filwaqt li l-pulizija ta' Gaddafi qalu li se jieħduha fi sptar għax kienet fis-sakra u għandha "problemi mentali".
Araw ż-żewġ filmati  t'hawn taħt, wieħed ta' Channel 4 u l-ieħor, itwal, ta' Sky News:


 

L-Erbgħa, 23 ta’ Marzu 2011

Pass Ieħor lejn Libja Libera

JITWAQQAF GVERN TRANSITORJU U JINĦATAR PRIM MINISTRU
Maħmud Ġibril magħżul Prim Ministru
temporanju mill-Gvern Transitorju Libjan
Wara li dan l-aħħar il-ġellieda għall-ħelsien fil-Libja waqqfu Kunsill Nazzjonali Transitorju sabiex jorganizzaw l-oppożizzjoni ċivili (mhux militari biss) kontra r-reġim ta' Gaddafi, illum tħabbar li dan il-kunsill se jibda jissejjaħ "Gvern Transitorju" u li ħatru lil Maħmud Ġibril bħala Prim Ministru temporanju tal-Libja Libera.
Ġibril s'issa kien responsabbli għar-relazzjonijiet barranin tal-Kunsill, u fil-fatt l-ġimgħa l-oħra ltaqa' mal-President Franċiż Sarkozy li kkonvinċih jirrikonoxxi l-Kunsill bħala li jirrappreżenta lil Libja.

Kelliem għall-gvern provviżorju qal li waqqfu dan il-gvern, għax filwaqt li l-Kunsill kien korp leġislattiv, jeħtieġilhom korp esekuttiv biex jieħu l-kontroll temporanju tat-territorju liberat u jipprovdi l-amministrazzjoni.

Sadattant, wara tlett ijiem skiet, tfaċċa Gaddafi li kellem ċorma ta' partitarji tiegħu minn bini fil-fortizza-palazz tiegħu f'Bieb al-Ażiżija li kien ġie bumbardjat fis-Snin Tmemin mill-qawwa tal-ajru Amerikana.
Hu rrepeta li se joħroġ rebbieħ u appella lill-armati Islamisti (terroristi) biex  jingħaqdu miegħu kontra l-attakki faxxisti tal-"Kruċjati", kif hu issa qed isejjaħ lill-qawwiet tal-koalizzjoni tal-Alleati. Huwa magħruf li Gaddafi mhux qed jogħqod aktar fil-palazz-fortizza tiegħu, iżda fi bliet differenti fil-lbiċ tal-pajjiż, fosthom dik ta' Għadamis fuq il-fruntiera ma' Tuneż u l-Alġerija.
Il-qawwiet Alleati llum bdew jattakkaw lill-armata ta' Gaddafi li kienet qed tassedja l-bliet ta' Misrata, Aġdabija u Żintan li ntrebħu mill-ġellieda għall-ħelsien.
Bħalissa fil-Pjazza tal-Bidla f'Bengażi quddiem il-bini tal-gvern transitorju, qed issir dimostrazzjoni kbira ta' ringrazzjament lill-pajjiżi tal-koalizzjoni li qed jgħinuhom fir-rivoluzzjoni kontra r-reġim ta'  Gaddafi, hekk kif l-Alleati ħabbru li l-qawwa tal-ajru ta' Gaddafi ma tistax tintuza aktar kontrihom.

Il-Ħadd, 20 ta’ Marzu 2011

RAPPORTI LI GADDAFI DABBAR RASU
Rapporti li bdew ħerġin il-lejla minn Dubai, fl-Emirati Għarab Magħquda, qed jgħidu li d-dittatur Gaddafi m'għadux aktar fi Tripli fil-palazz-Fortizza tiegħu f'Bieb al Ażiżia, iżda jinsab fil-belt ta' Ghadamis fuq il-fruntiera ma' Tuneż.
Dan skond is-sit tal-moviment taż-żgħażagħ Libjani "17 ta' Frar" li qed jikkwota lis-sit ta' ekonomista Għarbi-Awstrjak, Iyad-elBaghdadi, li jgħix f'Dubai, iżda li jgħid li għandu ħafna kuntatti fuq l-internet fi Tripli.
Dan ikompli jgħid li dawn is-sorsi tiegħu qalulu wkoll li fid-dar ta' wieħed mill-uffiċjali tiegħu, Baxir Saleh, ma' Gaddafi m'hemmx membri tal-familja tiegħu.
Dawn x'aktarx jinsabu f'Sabha, flimkien mal-kmand ta' Gaddafi.
Rapporti oħra jgħidu li filwaqt li iben Gaddafi, Khamis inqatel, ibnu l-ieħor jinsab għall-kura minħabba ħruq serju li ġarrab, mhux magħruf jekk huwiex kawża ta' ġlied jew inkella l-attakki mill-ajru tal-qawwiet tal-ajru tal-koalizzjoni internazzjonali.
Meta staqsew lil elBaghdadi minn fejn qed iġib din l-informazzjoni, hu sempliċiment wieġeb hekk:
"Dawk ta' madwaru (Gaddafi) jafu li meta l-vapur qed jegħreq, u qed jippruvaw idabbru rashom, f'dan il-proċess tibda ħierġa l-informazzjoni!"
Jiena hawn hekk qiegħed sempliċiment nirrepeti dawn ir-rapporti, u, naturalment, m'għandi l-ebda mod nikkonfermahom jew le.

Is-Sibt, 19 ta’ Marzu 2011

Fl-Aħħar Bdew!

JETS FRANĊIŻI BDEW JGĦASSU FUQ BENGAŻI
Ajruplani tal-gwerra Franċiżi tat-tip Rafale għal ħabta tat-3.15 ġew rappurtati li diġà qed jgħassu fl-ajru tal-belt ta' Bengażi u wkoll fuq it-territorju kollu tal-Libja.
Dawn huma l-ewwel qawwiet tal-ajru tal-Alleati li intervjena wara li l-mexxejja tagħhom ltaqgħu f'Parigi, u li jinkludu dawk fil-Kunsill tas-Sigurtà, u l-pajjiżi tan-Nazzjonijiet Uniti fil-qawwa ta' intervent militari li tinkludi wkoll pajjiżi Għarab, fosthom il-Qatar, il-Marokk, il-Ġordan u  l-Għarabja Sawdita.
Rapporti oħra jgħidu li t-truppi ta' Gaddafi bdew jirtiraw minn madwar Bengażi.
Il-periklu kien li dawn kienu jilħqu jidħlu fil-belt, u b'hekk kien ikun diffiċli li l-qawwiet Alleati jkunu jistgħu jattakkawhom mingħajr il-periklu li jinqatlu wkoll ċittadini innoċenti.
Filwaqt li s'issa ma jidhirx li kien hemm sparar, mal-Franċiżi fis-sigħat li ġejjin mistennija jingħaqdu wkoll ajruplani tal-gwerra Ingliżi, Taljani u Amerikani.

BDEW JISPARAW UKOLL !
Il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin ħabbar li l-jets Franċiżi sparaw l-ewwel tiri kontra vettura tal-armata ta' Gaddafi fil-5.45 pm. Ma nagħtawx aktar dettalji.

X'Qed Jistennew ??!!

GADDAFI JIBDA JIBBUMBARDJA BENGAŻI
Il-Libjani jinsabu rrabjati ghax qed jistaqsu x'qed jistennew l-qawwiet militari f'isem in-Nazzjonijiet Uniti biex jattakkaw lil dawk tar-reġim ta' Gaddafi, wara li dalgħodu dawn bdew l-attakki fuq il-belt ta' Bengażi.
It-truppi ta' Gaddafi qed jippruvaw jidħlu mill-punent tal-belt. 
Sadattant xi osservaturi qed jissuspettaw li dan jistà juri wkoll li hemm xi firda fi ħdan l-amministrazzjoni, bejn dawk li jridu veru jwaqqfu l-ġlied u oħrajn li jridu jkompli jisfidaw lin-Nazzjonijiet Uniti.    

Il-Ġimgħa, 18 ta’ Marzu 2011

Il-"Waqfien mill-Ġlied" minn Gaddafi

IL-GVERN LIBJAN TALAB LIL MALTA TIKKONTROLLA
Minkejja li wara nofsinhar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan ħabbar li kien waqqaf l-operazzjonijet militari tiegħu skond ir-riżoluzzjoni tal-bieraħ tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, gvernijiet oħra wrew xettiċiżmu kbir kemm dan kien se jżommu, u fil-fatt l-oppożiżżjoni Libjana qalet li l-attakki fuq il-bliet ta' Misrata kienu għadhom għaddejjin u li l-qawwiet ta' Gaddafi kienu għadhom qed javvanzaw lejn Bengażi.
Iżda d-deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan, Kalid Kaim – l-istess wieħed li l-bieraħ bil-lejl ukoll kien ħabbar li l-gvern aċċetta l-waqfien mill-ġlied, fl-istess waqt li dan kien għadu qed jattakka l-istess Misrata – sostna li l-preżenza tat-truppi ta' Gaddafi barra l-belt ta' Bengażi, ma jiksrux il-waqfien mill-ġlied.
Dan wara li kemm l-President Amerikan Obama, l-Prim Ministru Ingliż Cameron, kif ukoll dak Malti Lawrence Gonzi, qed jinsistu li Gaddafi għandu jirtira t-truppi tiegħu minn barra Bengażi, u mill-bliet ta' Ajdabiġah, Misrata u Żawijah.
Waqt il-konferenza stampa Kaim qal li l-waqfien mill-ġlied li ddikjaraw kien "kredibbli, reali u validu", u  ħabbar li l-gvern tiegħu kien stieden osservaturi minn Malta, iċ-Ċina, it-Turkija u l-Ġermanja biex imorru l-Libja mill-aktar fis ħalli jikkonfermaw u jikkontrollaw li veru hemm dan il-waqfien mill-ġlied.
Il-gvern Malti tard il-lejla qal li kien qed jeżamina din it-talba, "fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tar-riżoluzzjonijiet tan-NU".

In-N.U. Tivvota Favur Libja Libera

F L - A Ħ Ħ A R   I D D E Ċ I D E W  !!
Hekk kif proprju llum il-Libjani daħlu fit-tieni xahar tal-ġlieda għall-libertà ta' pajjiżhom, fil-11.25pm tħabbar li l-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti ivvota favur Riżoluzzjoni li mhux biss tawtorizza n-No-Fly Zone fuq il-Libja, iżda wkoll "il-miżuri kollha neċessarji" biex titħares il-popolazzjoni Libjana minn aktar attakki tal-qawwiet armati tar-reġim tad-dittatur Gaddafi.
Mill-15-il membru tal-Kunsill tas-Sigurtà, 10 ivvutaw favur ir-Riżoluzzjoni 1973/2011; kontra ma vvota ħadd, filwaqt li 5 astjenew. Dawn kienu, kif kien mistenni, ir-Russja, iċ-Ċina, il-Ġermanja, Brażil u l-Indja.
Issa d-dinja kollha qed tistenna l-ewwel azzjoni militari, li skond Franza, li flimkien mar-Renju Unit u l-Libanu, kienu l-aktar li qed jinsistu għall-azzjoni,  din tistà tibda sseħħ fi żmien anki siegħa.
L-Italja diġà ħabbret li se tpoġġi għad-dispożizzjoni tal-qawwiet tan-NU il-bażi tal-ajru f'Sigonella, u anki tiftaħ il-portijiet tagħha għas-Sitt Flotta Amerikana.
Tajjeb infakkar li l-Lega Għarbija wkoll insistiet għal No-Fly Zone kontra r-reġim ta' Gaddafi, u ssemmew żewġ pajjiżi partikulari, minbarra l-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Qatar, li lesti joffru l-qawwiet militari tagħhom lill-qawwiet tan-NU. Din tkun mossa importanti 'psikoloġika' biex ma jidhrux li huma biss pajjiżi tal-Punent li "qed jindaħlu" militarment f'pajjiż Għarbi.
F'konferenza stampa li ta d-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin Libjan Khalid Kaim siegħa biss wara, dan qal li se jassiguraw lin-NU u lid-dinja li huma għandhom għall-qalbhom lill-poplu Libjan u l-indipendenza u l-għaqda tal-pajjiż, li lesti jaċċettaw it-talba tan-NU għall-waqfien mill-ġlied.
Meta iżda, ġie mistoqsi jekk Bengażi hix se tkompli tiġi attakkata,  Kaim wieġeb li dik ħaġa li jrid jiddeċidiha l-kmand militari.
Folol kbar jifirħu fil-Pjazza tal-Bidla f'Bengażi, hekk kif tħabbar li għaddiet ir-Riżoluzzjoni favur in-No-Fly Zone u
anki azzjoni militari kontra l-qawwiet tar-reġim ta' Gaddafi biex ma jitħallix jibqà jimmassakra lill-poplu

It-Tlieta, 15 ta’ Marzu 2011

Gaddafi Mhuwiex f'Sensieħ

JEKK IN-NATO JATTAKKAWĦ 
          JINGĦAQAD MA' AL QAJDA!!!
Jekk kien hemm bżonn ta' xi prova oħra ta' kemm id-dittatur Gaddafi mhuwiex normali, din ta llum waqt intervista man-network Taljan Mediaset.
Meta kien qed jiġi intervistat, taħt is-solita tinda, minn Fausto Biloslavo tal-Mediaset għat-TGCom u dan staqsieħ jekk jibżax li jiġrilu bħal Saddam Ħussejn, hu sempliċiment wieġbu li ma jibżax  mill-mewt.
Qal ukoll li jiddispjaċih għall-atteġġjament tal-ħbieb Ewropej fosthom l-Prim Ministru Taljan Silvio Berlusconi, filwaqt li dwar il-President Framċiż Nicolas Sarkozy, għax dan kien minn ta' quddiemnett favur in-No-Fly Zone u rrikonoxxa lill-ewwel lill-Kunsill Nazzjonali f'Bengażi, lil Sarkozy għajjru li "m'aħniex"!
Mistoqsi minn Biloslavo x'jagħmel jekk fil-fatt tiġi imposta din in-No-Fly Zone, Gaddafi wieġeb li jekk in-Nato u l-Amerikani jatttakkawh, u b'hekk ipoġġuh dahru mal-ħajt, ikollu jingħaqad ma' al Qajda !!!!
Dan wara li xebgħa jgħid li r-ribelli ta' kontrih huma mxewxa u mmexxija mill-istess al Qajda! Imma dan tusta' tgħidlu bniedem f'sensih?!? Povru poplu Libjan jekk tgħaddi tiegħu!
Wider Two Column Modification courtesy of The Blogger Guide